"WARA BERLUSCONI D-DILUVJU"
Hekk kienu jiktbu u jgħidu b'mod sarkastiku l-kritiċi u dawk kollha li ma jaħmlux lil dak li sal-bieraħ kien il-Prim Ministru mtella' demokratikament mill-ikbar maġġoranza li qatt kiseb gvern fl-Italja. Silvio Berlusconi warrab għax ried hu u mhux għax ġie sfiduċjat fil-Parlament jew fil-partit tiegħu – u huwa għalhekk li jiena personalment ma qbilt xejn ma' din d-deċiżjoni tiegħu. L-istess kif, naturalment, qatt ma għidt jew ktibt illi kieku hu jwarrab kienet tkun l-Italja kollha li tispiċċa mkaxkra minn diluvju, u mhux Ġenova biss! IŻDA minn dak li qed naraw iseħħ fl-aħħar sigħat, jekk mhux diluvju riesaq maltemp qalil fuq it-Taljani, l-aktar jekk tgħaddi ta' dawk li qed jinsistu li jbiegħdu kemm jistgħu d-dritt sagrosant li l-poplu Taljan jingħata ċ-ċans li jfittex jivvota, ġaladarba issa pajjiżu se jkun qed jiġi mmexxi minn gvern li m'għażilx hu.
Huwa għalhekk li s-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano fil-laqgħa li kellu l-lejla mal-President tar-Repubblica Napolitano, infurmah li l-Popolo della Libertà kien se jappoġġa lill-gvern eventwali tekniku ta' emerġenza u temporanju sakemm
i) Dan jattwa u jimxi fuq il-programm ta' miżuri approvati mill-Parlament il-bieraħ, skond l-ittra li Berlusconi bagħat lill-Unjoni Ewropea;
ii) Ikun magħmul biss minn tekniċi u l-ebda politiku, u jkun ta' żmien limitat, u li
iii) L-ebda wieħed mill-ministri tiegħu ma jkunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni bikrija kemm jistà ikun.
Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, l-PdL jirtira l-appoġġ, hekk kif dan għandu maġġoranza żgura fis-Senat, u jkollha ssir elezzjoni.
Jingħad li l-ħsieb ta' Napolitano huwa li jaffronta l-emerġenza biex imbagħad issr l-elezzjoni fi żmien qasir.
It-tama ta' Napolitano ta' Parlament ta'"larghe intese" li suppost jappoġġa unanimament lil Monti ma teżistix, u dan mhux biss għax il-Lega Nord diġà ddikjarat li mhix se tappoġġah.
Id-Demokratiċi ta' Bersani diġà qed jiddikjaraw li ma jriduhx biss jaffronta l-emerġenza ekonomika, iżda li jagħmel riformi politiċi bħal dik tal-liġi elettorali u oħrajn li, però, ma jaqbilx magħhom il-PdL, bħalma ma jaqbilx mas-suġġeriment tal-kap tal-UDC Casini li l-gvern Monti jibqà sejjer sa' tmiem il-leġislatura fl-2013, skond kemm suppost baqa' il-gvern ta' Berlusconi, bid-differenza li dan eventwali ta' Monti ma ġiex elett mill-poplu.
Dan minbarra d-diskorsi u wirjiet ta' mibiegħda tal-bieraħ kontra Berlusconi u ċ-ĊentruLemin fil-Parlament u mill-partitarji Xellugin organizzati barra, jistennew lil Berlusconi fi triqtu biex jirriżenja, ma tantx jawguraw tajjeb għar-rikonċiljazzjoni, għallinqas temporanja, biex jiġi salvat il-pajjiż, bħalma qal li xtaq Napolitano.
Għalhekk qed ngħid li jekk il-poplu mhux se jingħata d-dritt li jivvota llum qabel għada, għall-Italja jekk m'hemmx dilluvju, żgur li riesaq żmien ta' instabbilità li tistà veru twassal għal baħar imqalleb.
"Sangue e lacrime", demm u dmugħ hemm lest għat-Taljani – dak li kienu lesti jfixklu kemm jifilħu fil-Parlament b'emendi u kontra-emendi għall-budget imsejjaħ Maxiemendamento b'dak li trid l-UE, iżda li, għax Berlsuconi wiegħed li kien se jwarrab malli dan jgħaddi, issa ivvutawlu kollha mingħajr emendi.
Qal sewwa illum Vittorio Sgarbi – li mhux l-ewwel darba kkritika lill-gvern ta' Berlusconi – li b'riferenza għal dawk li marru jiffesteġġaw u jinsultaw għax ħelsu minnu, malli jindunaw li lanqas il-gvern Monti mhu se jirnexxielu jsolvi l-problemi kif riedu, u ma ħallewx lil Berlusconi jsolvi, fi żmien qasir se jibku lil Berlusconi ... imbagħad ikun jerġà imiss lilu li jidħak.
JUM TA' LIBERAZZJONI MINN XIX?
Il-Kap tad-Demokratiċi l-post-Komunista Bersani kellu l-wiċċ iqabbel il-jum tal-bieraħ wara li rriżenja, kif kien wiegħed, Berlusconi, mal-25 ta' April, ċelebrat mit-Taljani bħala jum il-liberazzjoni min-NażiFaxxiżmu. Imma jum il-ħelsien minn xix?
Berlusconi u l-gvern tiegħu, kif bdejt ngħid, ġie vvutat b'maġġoranza assoluta mill-poplu fl-2008. Maġġoranza li sfat imdajfa mill-Ġuda Fini u 32 deputati u 10 senaturi li ħarġu mill-grupp tal-Popolo della Libertà. Dak l-istess Fini li kien qal li lest jirriżenja mill-kariga ta' Speaker tal-parlament minuta wara li Berlusconi jagħmel l-istess, iżda li sakemm qed nikteb għadu mwaħħal mas-siġġu.
Berlusconi warrab biex iżomm il-wiegħda li għamel nhar il-Ħamis, u żgur li mhux għax jaħti għas-sitwazzjoni ekonomika li tinsab fiha l-ekonomija tal-pajjiż.
Din, l-ekonomija Taljana, kienet ilha sejra lura għexiren ta' snin meta Berlusconi leħaq prim ministru. Imma tul it-tmexxija tiegħu beda jsir progress sakemm il-gvern kellu l-maġġoranza assoluta. Iżda mbagħad wasal it-tradiment ta' Fini, u faqqgħet wkoll il-kriżi finanzjarja-ekonomika globali.
Minkejja dan id-defiċit għall-2011 kien mistenni jinżel għal 4% tal-Prodott Gross Domestiku, wieħed mill-iżgħar fl-Ewropa, u terz inqas mill-medja tal-34 pajjiż tal-OECD (il-'klabb' tal-pajjizi sinjuri).
Skond id-Deutche Bank, mbagħad, dan mistenni jkompli niżel għal 2.2%. Mhux ħażin meta naraw li d-defiċit tal-Istati Uniti mistenni jlaħħaq 6.2% fl-2012, dak tal-Brittanja 6.9%, u ta' Franza u Spanja 5 fil-mija.
L-Italja għandha primary budget surplus (jiġifieri l-gvern idaħħal aktar milli jonfoq, kieku titnaqqas l-ispiża tal-imgħax fuq id-dejn). Id-dejn privat huwa baxx. Il-familji Taljani ġeneralment ma jonfqux aktar milli jdaħħlu, u l-ipoteki huma rari.
Dik tal-Italja hija ekonomija diversifikata u ma kellhix kriżijiet fil-housing bħal dawk li farrku lill-Istati Uniti, Spanja u l-Irlanda. Hija s-seba' l-ikbar ekonomija fid-dinja, f'pajjiż sinjur ħafna skond li-standards globali, bil-Financial Times dan l-aħħar tirraporta li valur medju ta' kull familja huwa €350,000; biżżejjed biex l-Italja ssalva lilha nfisha.
L-ikbar problema hija d-dejn nazzjonali, 120% tal-Prodott Gross Domestiku. Agħar minn hekk l-Italja trid toħroġ €233 Biljun f'bonds is-sena d-dieħla, bil-yield jilħaq is-7.4%.
Imma ta min ifakkar li d-dejn nazzjonali ilu mill-inqas 20 sena jaqbeż l-100 fil-mija u ħadd ma deher qed jinkwieta żżejjed.
Iżda Berlusconi ma riedx li l-Italja ssir skjava tal-Ġermanja b'miżuri ta' awsterità li qed joqtlu l-ekonomija Griega u jagħmlu ħsara kbira lil Spanja, Portugall, Irlanda u Brittanja.
Aktar ma tnaqqas fl-infieq aktar se jonqos it-tkabbir tal-pajjiż, bil-konsegwenti tkabbir tal-kriżi tad-dejn nazzjonali. Hawnhekk żgur ħadd ma jistà jgħid li Berlusconi għamel inqas minn ħaddieħor fiż-żona tal-Ewro biex jikkontrolla d-dejn.
Dan minkejja t-tfixil minn min kellu madwaru u telqu, u mill-oppożizzjoni uffiċjali, oppożizzjoni distruttiva għax ad personam, bħalma issa ġie ippruvat malli rajnihom "jimmansaw" wara li warrab Berlusconi.
Imma l-problema hija: KEMM SE JDUMU mansi, malli jibdew jirrealizzaw li l-mediċina Monti hija mediċina, qarsa, anki jekk issa mhux qed ikun iressaqha Berlusconi.
Imbagħad, hawn naqbel ma' Sgarbi, veru jkun każ ta' min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar.