"NISA JAQBLILKOM TIBDEW TLESTU X-XARPA"
Il-media internazzjonali kollha entużjasmu inġenwu wriet kemm-il darba l-Eġizzjani fi sriebet twal jistennew biex jivvutaw, u ffukat b'mod partikulari fuq in-nisa Eġizzjani , b'rashom mgħottija jew xuxa, lebsin jeans jew dublett, ferħanin, mimlijin tama dwar l-istrument qawwi tal-elezzjoni.Iżda dawn ix-xeni nistgħu ma narawhomx darb'oħra f'elezzjonijiet futuri taħt gvern Islamiku, jekk ikun hemm elezzjonijiet.
Bħalma probabbli tafu l-elezzjonijiet li saru s'issa fl-Eġittu mhux biss, bħalma kien mistenni taw rebħa lill-partit tal-Fratellanza Musulmana, dak tal-Ħelsien u l-Ġustizzja (PĦĠ) b'madwar 45% tal-voti, iżda t-tieni l-ikbar irriżulta l-Partit Nour Salafista, koalizzjoni ta' għaqdiet Islamiċi aktar estremisti mill-PĦĠ li jistgħu jakkwistaw mat-30% oħra tal-voti. Dan ifisser li l-partiti ta' ispirazzjoni Islamika integralista se jkollhom setgħa biżżejjed parlamentari (75%) biex tgħaddi tagħhom, għax il-partiti lajċi mistennija jiksbu biss mill-kumplament tal-25%.
Dan ifisser li l-elettorat (jew, biex inkun eżatt, iż-zewġ terzi li vvutaw s'issa, għax fadal round ieħor fit-3 ta' Jannar) Eġizzjan għażel identità Islamika għall-pajjiż. L-amministrazzjoni militari ftaħret li n-numru kbir ta' dawk li marru jivvutaw (62%) huwa sinjal qawwi ta' parteċipazzjoni demokratika. Intqal, iżda, li tant jinterassahom d-demokrazija li l-militar għen b'kull mod lill-partiti reliġjużi.
Il-Fratellanza Musulmana u l-Partit Nour jaqblu t-tnejn li l-Koran huwa l-unika bażi leġittima li fuqu jiġi ggvernat il-pajiż. Ma jaqblux fit-tattiċi. Is-Salafisti jridu jimponu l-liġi tax-Xarija immedjatament u b'mod aktar aħrax mill-Fratellanza.
Ix-Xarija hija kunċett li ma tagħrafx l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saltna tad-dritt, it-tneħħija tal-piena tal-mewt, il-libertà f'dak li jintlibes, tiekol, tikteb u taqra dak li trid.
Id-deputata Taljana fil-Popolo della Libertà Fiamma Nirenstein ittamat li dawk in-nisa li vvutaw lil dawn il-partiti ma rrealizzawx li r-rebħiet ta' dawn il-partiti jfissru pass lura fid-drittijiet tan-nisa – poligamija, mutilazzjoni ġenitali, veli, xarpi, niqab, ġiħab, oppressjoni.
Hi temmet artiklu li kitbet din il-ġimgħa b'dan l-appell: "Nisa Eġizzjani, jaqblilkom tibdew taħżnu x-xarpa!"
No comments:
Post a Comment