TIBDA TISĦON IL-QIEGĦA FIL-KAŻAKSTAN
Sa' ftit ilu r-Repubblika tal-Każakstan qajla kienet tinstema' fl-aħbarijiet, u kienet meqjusa bħala mudell ta' stabbilità fl-Asja Ċentrali. Iżda dak li seħħ l-bieraħ u llum qed jikxef li dik l-istabblità, dik il-kalma, kienet aktar waħda tixbaħ dik f'ċimiterju, f'din l-eks repubblika Sovjetika, sinjura biż-żejt, iżda li ilha aktar minn 20 sena maħkuma minn Nursultan Nazarbajev li kien ukoll l-aħħar President tar-Repubblika fi żmien li l-pajjiż kien satellita tar-Russja Komunista.Wieħed mill-11-il vittma tal-inċidenti tal-bieraħ f'Zanawzen, li x'aktar miet wara li ttajjar minn vettura militari |
F'pajjiż fejn il-protesti huma rari, l-inkwiet beda meta l-ħaddiema marru jipprotestaw fi pjazza kbira fil-belt ta' Zanawzen fil-punent tal-pajjiż f'reġjun taż-żejt, madwar 150 kilometru l-bogħod mill-Baħar Kaspju, fejn il-gvern kien se jiċċelebra b'party kbir l-20 anniversarju tal-indipendenza tal-pajjiż mir-Russja.
Id-dimostranti attakkaw u qerdu palk kbir mħejji għaċ-ċelebrazzjoni, xeħtu l-apparat tas-sound għal isfel u tawh in-nar, kif għamlu lil siġra ġganteska tal-Milied u stands lesti għall-ikel. Xarabank u karrozza tal-pulizija nġarqu wkoll, u nirien u dħaħen kbar dehru wkoll ħerġin mill-muniċipju tal-belt u l-kwartier tal-kumpanija taż-żejt.
Ma damux ma waslu trakkijiet mimlija suldati u inġenji tal-pulizija, u bdew jinstemgħu tiri ta' armi tan-nar bir-riżultat li 11-il ruħ inqatlu, 86 feruti, fosthom sitt pulizjotti, u madwar 79 ruħ sfaw arrestati, skond stqarrija tal-Prokoratur Ġenerali. L-oppożizzjoni u rappreżentanti tat-trejd unjon indipendenti Aktau isostnu li n-numru tal-vittmi u feruti huwa ikbar (mill-inqas 150) u jinkludu anki tfal, hekk kif is-suldati u l-pulizija bdew jisparaw bl-addoċċ fuq in-nies, għalkemm dawn ir-rapporti ma setgħux jiġu konfermati.
Infatti malli faqqa' il-ġlied l-elettriku, mobiles u l-aċċess għall-internet fil-belt inqatgħu.
Iżda l-istazzjon indipendenti K Plus TV, li s'issa għadu jxandar (u li minn fuqu ħadt dawn ir-ritratti) qed juri sekwenzi drammatiċi tal-inċidenti.
Il-President Nazarbajev f'xandira televiżiva ikkundanna l-inċidenti u filwaqt li qal li ma jemminx li l-ħaddiema wettqu l-vjolenza (minkejja li dawk qed jipprotestaw fil-filmati jidhru lkoll lebsin l-uniformi tax-xogħol), iżda 'briganti', iddikjara stat ta' emerġenza u curfew ta' 20 jum (sal-5 ta' Jannar) fil-belt ta' Zanawzen.
Sadanittant illum mijiet ta' attivisti tal-oppożizzjoni ltaqgħu fil-belt kapitali kummerċjali ta' Almati biex ifakkru l-155 Każaki li kienu nqatlu mis-suldati Russi bħal-lum eżatt 25 sena, meta eluf ta' Każaki, l-biċċa l-kbira żgħażagħ, ipprotestaw għal jiem sħaħ għax riedu aktar drittijiet għal-Każaki fit-tmexxija ta' pajjiżhom. Dakinhar Nazarbajev kien Prim Ministru tal-gvern pupu tar-Russja Sovjetika!
Waqt it-tifkira tal-lum kien se jinqala' inkwiet ieħor meta parti mill-folla ppruvat tinqatà mill-miġemgħa biex tmur lejn il-kwartieri ġenerali tal-partit ta' Nazarbajev. Nofs dawn ġew arrestati.
Tgħid dan hu l-bidu ta' Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja?
Intant ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton fi stqarrija ttamat f'investigazzjoni mmedjata dwar l-inċidenti u soluzzjoni paċifika għall-problemi tal-ħaddiema fuq strajk.
Dan huwa filmat tal-bidu tal-inċidenti fil-pjazza ta' Zanawzen li jintemm hekk kif jibda l-isparar mis-suldati u pulizija
No comments:
Post a Comment