L-AWTORITAJIET UKRAJNI JKOMPLU JISFIDAW LILL-U.E.
It-tmexxija dejjem iżjed awtoritarja tal-Ukrajna mhux biss kontinwament qed tittratta b'disprezz il-preokkupazzjoni tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ewlenin tal-Punent dwar il-persekuzzjoni politika tal-oppożizzjoni, minn ta' quddiemnett l-eks prim ministru Julia Timoxenko li tinsab fil-ħabs fuq akkużi meqjusa bħala politikament motivati, imma issa waslu biex resqu akkużi ġodda kontriha, u ordnaw l-arrest indefinit. Dan għamluh f'seduta speċjali tal-Qorti li saret fl-istess ċella tagħha, minħabba li Timoxenko ma tistax tiċċaqlaq minn hemm, minħabba uġiħ kbir f'dahrha.Eugenia Carr, bint Julia Timoxenko tindirizza l-Kungress tal-PPE nhar l-Erbgħa li għaddew f'Marseilles |
Huwa f'dan id-dawl li l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li ltaqa' f'Marseille, fi Franza f'nofs din il-ġimgħa, approva riżoluzzjoni iebsa u twila li għal darb'oħra kkundannat l-persekuzzjoni ta' Timoxenko u l-oppożizzjoni in ġenerali fl-Ukrajna, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukrajni biex jiżguraw appell ġust, trasparenti u imparzjali għal Timoxenko u membri oħra tal-gvern li kienet tmexxi, u li bħala qed jiffaċċjaw akkużi ta' offiżi ekonomiċi.
Tħeġġeġ ukoll lill-parlament Ukrajn biex jirriforma s-sistema ġudizzjarja u jemenda l-kodiċi kriminali li jmur lura għall-era Sovjetika u qed jintuża b'mod diskriminatorju kontra Timoxenko.
Tappella biex l-awtoritajiet jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta' saħħa u benesseri ta' Timoxenko u kollegi oħra tagħha li jinsabu arrestati wkoll, skond standards internazzjonali, inkluża l-possibiltà biex tobba mill-UE jinviżtawhom.
Ir-riżoluzzjoni tikkundanna wkoll d-deċiżjoni barbara u atroċi tal-Qorti ta' Kiev biex twettaq proċeduri legali fiċ-ċella ta' Timoxenko, minkejja l-kundizzjonijiet ta' saħħa kritiċi tagħha, kontra li-standards legali demokratiċi.
Il-PPE jwissi wkoll li l-ebda elezzjoni futuri fl-Ukrajna ma jistgħu jitqiesu ħielsa u ġusti, jekk il-mexxejja tal-oppożizzjoni, fuq quddiem Julia Timoxenko u Jurli Lutsenko, ma jinħelsux mill-ħabs.
Għalhekk ir-riżoluzzjoni tinsisti għall-ħelsien mingħajr ebda kundizzjoni ta' Timoxenko u membri oħra ewlenin tal-oppożizzjoni, r-riabilitazzjoni politika sħiħa tagħhom, inkluż id-dritt li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-proċess politiku, immedjatament u fl-elezzjonijiet fl-Ukrajna s-sena d-dieħla.
Filwaqt li tħeġġeġ biex il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu inizjalati kif ippjanat sal-aħħar tas-sena u ffirmati sa' nofs is-sena d-dieħla, twissi li jitwaqqaf kollox
– kemm-il darba ma jsirx it-tibdil għal riformi meħtieġa biex tissaħħaħ id-demokrazija, id-drittijiet umani u s-saltna tal-liġi, u
– jekk ikomplu l-ġurijiet motivati politikament, u Timoxenko ma tinħelisx.
Sadattant sħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar din il-ġimgħa juri illi li kieku ssir elezzjoni issa l-partit ta' Timoxenko, l-Unjoni tal-Patrija jirriżulta l-ikbar partit bi 18.8% u dak tal-President Yanukoviċ, il-Partit tar-Reġjuni jikseb 17.8%. Partit ġdid ĊentruLemini, il-'Front għall-Bidla' jkollu 11.4%, bil-partit Komunista 8.4%, u ieħor immexxi minn boxer 5.8%. Kien hemm bejn 15% u 209% li ma jafux lil min se jivvutaw jew jekk jivvutawx. L-elezzjoni għandha ssir f'Ottubru tas-sena d-dieħla.
No comments:
Post a Comment