Il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (8)

JIFFILMJAW LIL TIMOXENKO MARIDA FIS-SODDA TAĊ-ĊELLA
Julia Timoxenko fiċ-ċella hekk kif il-bieraħ ħarġu minn
ħdejha tobba  u awtoritajiet tal-ħabs
Is-sitwazzjoni politika fl-Ukrajna kompliet tiħrax meta t-televiżjoni wera filmat tal-eks Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoxenko f'sodda fiċ-ċella tal-ħabs, fejn spiċċat wara li ġiet kundanata seba' snin  ħabs f'każ li qed dejjem jiġi meqjus, f'pajjiżha u fil-Punent, bħala motivat politikament, u parti minn persekuzzjoni ppjanata kontra l-oppożizzjoni.
Il-filmat ittieħed, kontra x-xewqa ta' Timoxenko, waqt li fiċ-ċella tagħha daħlu għadd ta' tobba u uffiċjali tal-ħabs biex jaraw il-kundizzjoni tagħha, li qed tbati minn problemi tal-ġilda u uġigħ kbir f'dahrha, u ma tistax timxi – minkejja dan il-ġimgħa l-oħra l-awtoritajiet ippretendew li hi toħroġ biex tidher quddiem il-qorti biex jittressqulha akkużi ġodda, u meta hi rrifjutat ippruvaw saħansitra jagħmlu seduta tal-qorti fiċ-ċella tagħha. Issa l-kawża ġiet differita għal nhar it-Tlieta li ġejjin.



Timoxenko qed tirrifjuta li tiġi inviżtata minn tobba tal-gvern, u li tieħu mediċina, għax mhix qed tafdahom.
Intant lejn tmiem-il filmat Timoxenko tidher fis-sodda mgħottija b'kutri, ixxejjer idea bi protesta kontra min qed jiffilmja. L-awtoritajiet qalu li ma kienux jafu min iffilmjaha ...f'ħabs!

L-avukat tagħha, Sertij Vlasenko iddenunuċja l-iffilmjar bħala xogħol ta' "annimali", u kontra d-drittijiet tal-bniedem.

Sadanittant,  minħabba li l-amministrazzjoni tal-President Yanukoviċ qed tkompli tisfida lill-Unjoni Ewropea, li kemm-il darba kkundannat it-trattament tal-eks Prim Ministru u tal-Oppożizzjoni b'mod ġenerali, x'aktarx li jiġi pospost l-iffirmar ta' trattati bejn l-UE u l-Ukrajna, trattati importanti lejn id-dħul tal-pajjiż fl-UE., li kellhom jiġu ffirmati nhar it-Tnejn li ġejjin.


Timoxenko tinduna u tipprotesta kontra min kien qed jiffilmjaha, qabel il-gwardjani għalqu l-bieb taċ-ċella      

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide