ŻEWĠ KONFERMI U SORPRIŻA
Il-Ħadd li għadda saru tlett elezzjonijiet fejn filwaqt li r-riżultat f'żewġ pajjiżi kienu mistennija, f'ieħor, dak fis-Slovenja, kien sopriża.Hawnhekk l-istituti kollha tal-opinjoni pubblika kienu qed ibassru telfa għall-gvern Ċentru-Xellugi tas-Soċjaldemokratiku Pahor, u rebħa għaċ-ĊentruLemini Partit Demokratiku.
Filwaqt li s-Soċjaldemokratiċi veru ħarġu telliefa kbar u naqqsu l-voti minn 30.5% għal biss 10.5%, u 19-il siġġu, l-elettorat Sloven m'għażilx minflokhom lid-Demokratiċi, iżda lill-partit ġdid populista "Slovenja Pożittiva" li twaqqaf f'Ottubru li għadda minn Zoran Janković, eks president tal-ikbar kumpanija tal-bejgħ bl-imnut fis-Slovenja, li kiseb l-ikbar numru ta' voti, 28.5% u siġġijiet, 28 mid-90 fil-parlament.
Il-partit ta' dan is-sinjurun beda jissejjaħ ĊentruXellugi, minkejja li m'għandu l-ebda orjentament politiku, u li Janković innifsu kien iddikjara li l-programm vag tiegħu kien "li jagħmel dinja aħjar għas-Sloveni, bogħod mill-ideoloġiji u l-prattiċi tal-lum".
Barra minhekk, f'mill-inqas żewġ okkażjonijiet ġie akkużat li uża l-pożizzjoni tiegħu biex bħala sindku tal-kapitali Ljubjana biex jivvantaġġja lill-ibnu.
Janez Janša Mexxej tal-Partit Demokratiku Sloven |
Għalhekk dan tal-aħħar ma jidhirx li se jkollu biċċa xogħol ħafifa jifforma gvern, għax lanqas jekk jikkonvinċi lis-Soċjaldemokratiċi (li lilhom l-elettorat ta l-ikbar daqqa ta' ħarta) jingħaqdu miegħu, ma jkollu maġġoranza. Jibqagħlu jdur biss fuq partit ieħor ġdid, l-Liberali mwaqqaf minn Gregor Virant (8 siġġijiet), jew il-Partit tal-Pensjonanti b'6 siġġijiet, li però huma ĊentruLeminija.
Iż-żewġ partiti l-oħra huma mhux biss ĊentruLemini, imma, bħad-Demokratiċi, membri fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) li, bis-16-il siġġu tagħhom flimkien mat-8 Liberali ta' Virant jiffurmaw maġġoranza ĊentruLeminija ta' 50 mid-90 siġġu fil-Parlament, li tkun rappreżentattiva tal-maġġoranza assoluta tal-elettorat li vvutat lill-partiti taċ-ĊentruLemin: 53.4% tal-voti.
L-elezzjonijiet l-oħra saru fir-Russja u fil-Kroazja.
Bħalma kien mistenni tal-ewwel intrebħet mill-partit Russja Unita ta' Putin/Medvedev, li però naqqas l-appoġġ u s-siġġijiet (issa tilef i-maġġoranza assoluta u spiċċa b'238 siġġu mill-450 fil-parlament, filwaqt li perikolożament reġà kompla jikber il-Partit Komunista, u dak Soċjalista, li bejnithom issa għandhom 102 siġġijiet. Il-kumplament, 56 siġġu ħadhom il-Partit Liberali-Demokratiku ta' Vladimir Zirinovski.
L-oppożizzjoni għadha qed tipprotesta li l-elezzjoni ma kenitx ġusta u ħielsa, bħalma qed issostnu diversi organizzazzjonijiet fil-Punent u gvernijiet, fosthom dak Amerikan.
Fil-Kroazja l-koalizzjoni ĊentruXellugija "Kukuriku"(magħmula mis-Soċjaldemokratiċi, żewġ partiti Liberali u dak tal-pensjonanti), kif kien mistenni, rebħet maġġoranza ta' voti u siġġijiet, 40.7% u 80 mill-151 siġġu fil-parlament.
Il-partit ĊentruLemini Unjoni Demokratika Kroata (HDZ) waħdu rnexxielu jikseb 34.6% tal-voti, jiġifieri 6% biss inqas mill-Kukuriku, iżda, minħabba s-sistema elettorali proporzjonali Kroata, kiseb biss 47 siġġu, filwaqt li l-partiti kollha taċ-Ċentru Lemin bejnithom kisbu maġġoranza tal-voti : 49.2%.
No comments:
Post a Comment