Il-Ġimgħa, 23 ta’ Diċembru 2011

Rebbiegħa tal-Libertà fl-Asja ? (2)

KAŻAKSTAN: IKEĊĊI LIŻ-ŻGĦAR ...U L-KBARAT JIBQGĦU HEMM
Wara li l-protesti ta' ġimgħa ilu minn ħaddiema f'kumpanija parastatali taż-żejt fil-Każakstan fl-Asja Ċentrali rriżultat f'16 mejta u madwar 110 feruti wara li l-pulizija u l-armata sparaw fuq id-dimostranti f'Zanawzen u Aktaw, il-president awtoritarju Nursultan Nażarbajev il-bieraħ żar dawk l-ibliet fejn ħabbar li kien keċċa lill-uffiċjali tal-kumpanija li fuqhom xeħet il-ħtija ta' dak li nqala'  minħabba li naqsu li jieħdu azzjoni biex jevitaw l-inkwiet industrjali li wassal għall-protesti.
Nażarbajev iddikjara li dawn m'obdewx l-ordnijijiet li kien tahom biex isolvu t-tilwim industrjali bla dewmien. Qal ukoll li jqies it-tkeċċija ta' ħaddiema li kienu qed jistrajkjaw bħala "illegali", u t-talbiet tal-ħaddiema "sostanzjati".
Wiegħed ukoll li se jsibilhom impjiegi ġodda bl-istess pagi.
Hu keċċa wkoll lill-gvernatur reġjonali, iżda minfloku poġġa lill-Ministru tal-Intern, l-istess bniedem li kellu jissorvelja lill-qawwiet tas-sigurtà  li fetħu  n-nar fuq dawk li kienu qed jipprotestaw.
Infatti l-uffiċjali għolja tas-sigurtà baqgħu kollha jokkupaw il-karigi li kellhom, filwaqt li Nażarbajev ħabbar li stieden lin-Nazzjonijiet Uniti biex jieħdu sehem fl-investigazzjonijiet li se jsiru dwar l-inċidenti ta' ġimgħa ilu.
Osservaturi però staqsew x'jiġri jekk mill-investigazzjonijiet jirriżulta li l-qawwiet tas-sigurtà huma ħatja?  Nażarbajev jasal biex ikeċċihom u jitlef l-appoġġ tas-servizzi tas-sigurtà tant vitali għalih biex jikkontrolla l-kontestazzjoni interna? Jew l-investigazzjoni se tkun biss xeneġġjata?
Hawn taħt filmat miġbud minn gallarija b'ċellulari li juri lill-pulizija speċjali jisparaw, joqltu, jferu u jsawwtu bil-lembubi lill-feruti, bil-kummenti, maqluba bl-Ingliż,  ta'  min qed jiffilmja:
-----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------
BERLUSCONI TOTALMENT INNOĊENTI
"Berlusconi huwa totalment innoċenti, m'għandu x'jaqsam xejn ma' din l-istorja tas-600,000 Dollaru, nitolbu jiskużani għall-problemi kollha li ħloqtlu, nispera li matul dan il-ġuri joħroġ ċar li dak kollu li qed tgħid l-akkuża m'għandu l-ebda bażi".
Dan il-kliem ddikjarah l-avukat Ingliż David Mills quddiem il-maġistrati ta' Milan, xhud ewlieni f'wieħed mill-ħafna ġurijiet li qed ikollu jħabbat wiċċu magħhom l-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi.
F'dan il-ġuri Berlusconi kien akkużat li ħallas dik is-somma lil  Mills talli hu jixhed favurih f'xi kawżi li kellu fis-Snin Disgħin.
Mills ilmenta kif il-Prim Imħallef  ma ħallihx iwieġeb għall-unika mistoqsija li kellu jwieġeb, ċjoè minn fejn ġew is-600,000 Dollaru għandu".

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide