QBIL BEJN IL-PPE U L-PSE FIL-PARLAMENT EWROPEW KONTRA S-SENTENZA TA' ĦABS LIL TIMOSHENKO
Kontra dak li soltu kien jiġri f'riżoluzzjonijiet dwar l-Ukrajna, fil-Parlament Ewropew illum kien hemm qbil bejn l-ikbar żewġ gruppi, dak tal-Partit Popolari Ewropew u tal-Partit Soċjalista Ewropew dwar riżoluzzjoni twila ta' kundanna għas-sentenza ta' seba' snin ħabs li nagħtat il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julia Timoshenko u meqjusa bħala motivata politikament f'persekuzzjoni sistematika tal-oppożizzjoni mill-gvern awtoritarju xellugi pro-Russja tal-President tar-Repubblika Viktor Yanukovich.Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tinsisti li Timoshenko għandha titħalla teżerċita d-dritt tagħha li tieħu sehem b'mod sħiħ fil-proċess politiku minn issa u fl-elezzjonijiet li ġejjin fl-Ukrajna.
Id-deputati taż-żewġ naħat tal-Parlament Ewropew jaqblu li s-sentenza kontra Timoshenko hija ksur tad-drittijiet umani u l-liġi li ntużat kontriha tmur lura għal żmien l-era Komunista Sovjetika li m'hemmx lokha f'pajjiż li qed jaspira li jingħaqad fl-Unjoni Ewropea.
Għalhekk dawn jesiġu li l-eks Prim Ministru tiġi żgurata proċess legali fier, trasparenti u imparzjali fl-appell.
Il-Parlament Ewropew iħoss li jekk Timoshenko ma tinħelisx, dan ifixkel il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea li suppost għandu jiġi ffirmat sa' tmiem din is-sena, u għal kuntrarju jbiegħed lill-pajjiż il-bogħod mill-UE, anki fid-dawl tat-tnaqqir tal-libertajiet demokratiċi, u l-użu tal-istituzzjonijiet statali għal skopijiet partiġġjani u vendetta politika.
Qabel għaddiet din ir-riżoluzzjoni, fl-Ukrajna dan l-aħħar inbdiet kampanja bl-iskop li l-poplu jiġi konvint li l-Unjoni Ewropea ma trudx lill-Ukrajna tissieħeb fiha, u li allura l-gvern ma kellux triq oħra għajr li ddur lejn ir-Russja.
Imma r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tgħid li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna u l-offerta lill-Ukrajna ta' perspettiva Ewropea huma fl-interess taż-żewġ naħat, basta l-Ukrajna tirrispetta l-kriterja kollha tal-prinċipji tad-demokrazija, drittijiet umani, libertajiet fundamentali u s-saltna tal-Liġi jiġu rispettati. Il-PE jitlob lill-Kunsill u Kummissjoni Ewropea biex jiffissaw data ġdida għal-laqgħa mal-President Yanukovich , wara li dik ippjanata dan ix-xahar tħassrtet bħala sinjal ta' protesta kontra s-senetnza li nagħtat lil Timoshenko.
Fi tweġiba l-lejla l-President Yanukovich kkonferma li l-pożizzjoni tiegħu għadha li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li se jiġi ffirmat f'Diċembru għandu jwassal għat-tisħib sħiħ fl-UE, u li l-Ukrajna hija fit-triq li twettaq riformi ħalli ttejjeb is-sitwazzjoni, iżda dan mhuwiex proċess ta' malajr.
Tistgġu taqraw ir-riżoluzzjoni kollha hawnhekk:http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+MOTION+P7-RC-2011-0543+0+DOC+XML+V0//MT
No comments:
Post a Comment