Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011

Stabbilità fl-Italja (2)

IL-GVERN JIRBAĦ VOT TA' FIDUĊJA IEĦOR
Wara dak tat-28 ta' Settembru, li ma nafx il-kemm il-wieħed kien, il-Gvern Ċentru-Lemini Taljan immexxi mill-Prim Ministru Silvio Berlusconi wara nofsinhar reġà kiseb vot qawwi ta' fiduċja fil-Kamra tad-Deputati, minn wara t-tradiment politiku tal-iSpeaker Fini u xi deputati oħra li telqu mill-Popolo della Libertà  wara li l-poplu kien tellagħhom biex jiggvernaw flimkien ma' Berlusconi.
Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi ...kuntent
Il-vot, mitlub mill-Prim Ministru innifsu, irriżulta fi 316-il vot favur il-fiduċja (wieħed aktar minn f'Settembru) u 301 kontra, meta l-gvern kellu bżonn biss 309 biex jirbaħ il-fiduċja.
Jiġifieri l-IVA għaddew lil LE bi 15-il vot, filwaqt li l-gvern ta' Berlusconi kiseb 7 voti aktar milli kellu bżonn, li jfissru li l-gvern Ċentru-Lemini bħalissa qed igawdi minn maġġoranza assoluta.
Wara l-vot Berlusconi innota li fil-fatt l-maġġoranza hija ta' 318-il vot, għax żewġ deputati ma setgħux jattendu u kienu skużati. Fost dawn kien hemm Pietro Franzoso li jinsab l-isptar wara inċident tat-traffiku.
B'kollox kien hemm 13-il deputat li ma kienux preżenti fl-awla waqt il-votazzjoni.
Tajjeb illum nagħtu daqqa t'għajn kif inhuma maqsumin bħalissa l-gruppi fil-Camera dei Deputati:
Il-gruppi li jiffurmaw il-koalizzjoni taċ-Ċentru-Lemin huma tlieta:
L-ikbar grupp huwa dak tal-Popolo della Libertà (PdL) b'218-il deputat;
Lega Nord (LN) b'59 deputat; u
Popolo e Territorio (PT - magħmul minn 6 gruppi li kull wieħed waħdu ma kellux 20 deputat) b'29 deputat
Dawn it-tlett gruppi regolarment jivvutaw favur il-gvern, u jgħoddu 306 deputati bejnithom.
Mill-banda l-oħra dawk li normalment jivvutaw kontra l-gvern huma erba':
Partito Democratico (jinkludi post-Komunisti, Soċjalisti, Demokristjani Xellugin, Ħodor) b'206 deputat
Italia dei Valori (IdV) bi 22 deputat
Unione di Centro (UDC) b'35 deputat; u
Futuro e Libertà per l'Italia (FLI) b'27 deputat li kienu telqu mill-Popolo della Libertà is-Sajf l-ieħor .
Dawn  il-gruppi flimkien jgħoddu 290.
Hemm imbagħad l-Gruppo Misto magħmul minn ħames partiti li ma jaqbżux l-20 kull wieħed (Alleanza per l'Italia, Liberali Democratiche; Minoranze Linguistiche, Autonomie/Sud, Repubblicani/Azionisti), u 16-il deputat indipendenti,  u allura ma jistgħux jiffurmaw grupp għalihom. Dawn ilaħħqu 34.
Il-membri ta' dan l-aħħar grupp ma jivvutawx dejjem u kollha l-istess, fis-sens li daqqa jivvutaw favur il-gvern u liġijiet li jressaq, u daqqa jivvutaw kontra. Dan il-grupp dan l-aħħar baqa' dejjem jikber, u probabbli li issa jingħaqdu miegħu ukoll is-sitt deputati Radikali ta' Pannella .
Dan wara li dan l-aħħar r-Radikali mhux qed jogħqodu għad-dixxiplina tal-Partit Demokratiku fil-parlament, u llum, kontra d-direttiva tal-PD, daħlu mill-ewwel fl-awla biex b'hekk intlaħaq il-kworum meħtieġ ħalli l-votazzjoni tkun valida, iżda r-Radikali Marco Beltrandi l-lejla ċaħad dan u qal li ċ-ĊentruLemin waħdu xorta kien laħħaq il-kworum għas-seduta.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide