Is-Sibt, 8 ta’ Ottubru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna

IS-SENTENZA KONTRA TIMOSHENKO X'AKTARX GĦAT-TLIETA
Lejn tmiem il-ġimgħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Yulia Timoshenko temmet id-difiża tagħha quddiem il-qorti fejn tinsab akkużata li abbużat mill-poter fl-2009, meta bħala Prim Ministru tal-Ukrajna, ffirmat ftehim dwar l-importazzjoni tal-gass mir-Russja. Il-ġuri ġie aġġornat għal nhar it-Tlieta li ġejjin 11 ta' Ottubru, meta x'aktarx tingħata s-sentenza, li l-akkuża qed titlob li tkun ta' sebgħa' snin ħabs.
Yulia Timoshenko waqt l-aħħar seduta
tal-ġuri f'ritratt meħud b'mobile u li fih
xejn ma tidher f'saħħitha wara 10 ġimgħat
fil-ħabs u anki bid-deni
Dan il-ġuri, però, ġie kritikat ferm barra l-pajjiż, l-aktar mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, bħala ġuri motivat politikament.
Il-ġuri jagħmel parti minn kampanja sistematika, mill-President xellugi u pro-Russu Viktor Yanukoviċ, ta' persekuzzjoni tal-oppożizzjoni lejn twaqqif ta' sistema awtoritarja simili għal dik ta' Putin fir-Russja. Hu qed jikkonċentra dejjem aktar poter f'idejh, jagħmel minn kollox biex ifixkel u jagħlaq ħalq l-midja ħielsa, u jippersegwita, permezz tal-qrati lill-eks Prim Ministru Timoshenko, bl-iskop ikun li tiġi newtralizzata l-ikbar avversarju politiku tal-gvern.
Infatti f'Awwissu l-imħallef kien bagħat lil Timoshenko fil-ħabs minħabba dak li ssejjaħ 'disprezz lejn il-Qorti', fejn issa ilha magħluqa 10 ġimgħat, u kienet qed tinħareġ biss biex tattendi l-ġuri.
Dan wassal għall-protesti fil-pajjiż u barra l-pajjiż b'uffiċjali tal-UE iwissu lil Yanukoviċ li jekk Timoshenko tiġi kundannata l-ħabs l-Ukrajna ma tibqax tiġi kunsidrata għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Stefan Fule, il-Ministru tal-UE responsabbli mit-tkabbir, wara laqgħa privata ta' sagħtejn ma' Yanukoviċ fil-Polonja iddikjara li jekk l-akkużi kontra Timoshenko ma jiġux irtirati, "ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna ma jibqgħux l-istess".
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Svediż Carl Bildt qal li "Jidher ċar li dan il-ġuri qed isir taħt liġijiet li m'għandhomx lok fl-ebda pajjiż ieħor Ewropew, u m'għandux ikollhom f'pajjiż li qed jaspira li jissieħeb fl-UE."
Waqt li kien qed jieħu sehem fl-Eastern Partnership Summit fil-Polonja l-ġimgħa l-oħra Yanukoviċ ġie kwotat li qal lill-mexxejja tal-UE li ħadu sehem li l-gvern tiegħu lest jaċċetta emendi mressqa mill-oppożizzjoni għal-liġi biex Timoshenko tinħeles, basta hi "tammetti pubblikament l-iżbalji tagħha u "tħallas għat-telf li sofriet il-kumpanija statali Naftogaz", li jlaħħqu mal-$200 Miljun.
Din hi ħaġa li Timoshenko lanqas biss qed tikkunsidraha, u fl-aħħar diskors tagħha fl-awla imballata b'ġurnalisti, diplomatiċi barranin u partitarji, baqgħet tinsisti li hi innoċenti u akkużat lil Yanukovich b'linċaġġ biex jeħles minn avversarju politiku qawwi.
L-avukati tagħha qed isostnu li ħadd m'għandu jiffaċċja akkużi bħal dawn fuq deċiżjonijiet jew azzjoni politika u li Timoshenko ma wettqet l-ebda delitt jew offiża. Huma għamluha ċara wkoll li mhux se jaċċettaw sentenza ta' ħtija, anki jekk tiġi rranġata l-liġi biex Timoshenko ma teħilx ħabs, imma mbagħad ma tkunx tista tkompli tieħu sehem fil-politika, kif jista' jagħti l-każ li jsir biex Yanukovich isalva wiċċu quddiem il-Punent.
Sadattant dawn qalu wkoll li jinsabu nkwetati ferm dwar saħħet Timoshenko fil-ħabs fejn tinsab f'ċella li hemm ħajt biss jifridha mill-infermerija li fiha hemm ħabsin b'fażi attiva tat-tuberkolożi. Kellha wkoll deni għoli, mingħajr għajnuna medika, għax ma ħallewhix, kif għandha dritt, tara speċjalisti tal-fiduċja tagħha, għax ma tridx li jinviżtawha t-tobba tal-isptar.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide