NOFS L-ITALJA ĊENTRU-LEMINI U NOFSHA XELLUGIJA
Il-programm popolari ta' diskussjoni Porta a Porta immexxi minn Bruno Vespa l-bieraħ kien jinkludi stħarriġ tal-opinjoni pubblika minn tlett istituti tar-riċerka li sostanzjalment ikkonfermaw l-istess ħaġa: li kieku t-Taljani jmorru jivvutaw illum dawn jinqasmu kważi eżatt minn nofs bejn, fuq naħa l-partiti taċ-Ċentru-Lemin u fuq in-naħa l-oħra dawk tax-Xellug: 50.1% favur iċ-Ċentru-Lemin u 49.4% għall-partiti xellugin.ĊENTRU-LEMIN
Popolo della Libertà: 26.5%; Lega Nord: 8.3%; La Destra: 1.5%; Alleanza di Centro/Grande Sud:1.2% = 37.5%
Unione di Centro (UDC): 7.1%; Futuro e Libertà (FLI) : 2.3%; All. per l'Italia+Mov. per le Autonomie: 3.2% = 12.6%
Total: 50.1%
XELLUG
Partito Democratico: 27.2%; Italia dei Valori (IdV): 6.5% = 33.7%
Sinistra e Libertà: 7.0%; Rifondazione Comunista: 2.6%; Pannella/Bonino: 1.9%; Partito Socialista: 0.4%; Movimento 5 Stelle-Grillo: 3.8%; = 15.7%
Total: 49.4%
Filwaqt li tajjeb ngħid mill-ewwel li meta mistoqsija lil min jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni issa, kien hemm bejn 25 u 30% li jew qalu li għadhom ma ddeċidewx jew inkella li mhux beħsibhom jivvutaw, minn dan l-istħarriġ joħroġ l-orjentament politiku tal-elettorat Taljan bħalissa.
Jiġifieri ma jfissirx li wara elezzjoni b'dawn ir-riżultati, il-partiti taż-żewġ skjeramenti bilfors jingħaqdu flimkien kif jidhru hawn fuq biex jippruvaw jiffurmaw gvern.
Dan għax sal-lum jidher li l-uniku qbil li hemm huwa bejn il-partiti li hemm bħalissa fil-gvern mal-Popolo della Libertà, u li skond l-istħarriġ jistgħu jiksbu 37.5%.
Mill-banda l-oħra l-ikbar partit fl-oppożizzjoni bħalissa, il-Partito Democratico għad m'għandu ftehim mal-ebda partit, u l-iktar li jinsab qrib huwa l-partit ta' Di Pietro, IdV li bejnithom imbassar li ma jaqbżux t-33.7%. Il-ħames partiti l-oħra xellugin, apparti dak ta' Grillo (li l-voti li jikseb huma l-aktar fir-reġjun tal-Emiglia-Romagna) diġà kienu fil-gvern mal-Partito Democratico (dak iż-zmien Democratici di Sinistra u l-Margherita ta' Bindi u Rutelli) fi żmien Prodi.
Dawn kienu f'dik li kienet issejħet l'Unione, meta però ma saddewx wisq flimkien, li kien inevitabbli meta tqies il-qawsalla jew balbuljata ta' ideat li jirrappreżentaw is-sitt partiti, minn Komunisti sa' Demokristjani xellugin. Aħseb u ara kemm jistgħu jiftiehmu u jsaddu bi Grillo magħhom bl-ideat populisti u anti-partitokratiċi tiegħu.
Dak iż-żmien l-unika ħaġa li kienet għaqqdithom kienet l-"anti-Berluskoniżmu", iżda x'se jagħmlu issa li Berlusconi diġà ħabbar li mhux se jikkontesta fl-elezzjoni li jmiss?!
Fuq in-naħa l-oħra l-ftehim għall-gvern ieħor taċ-Ċentru-Lemin jidher aktar possibbli għax teżisti aktar minn omoġenjità, għax kemm l-UDC ta' Casini, l-FLI ta' Fini, u l-MpA huma msieħba fl-istess Partit Popolari Ewropew bħall-Popolo della Libertà, minbarra l-fatt li sal-elezzjoni li jmiss, kif ktibt qabel, Berlusconi ħabbar li se jkun warrab, u b'hekk tispiċċa l-pika li jidher li għandhom miegħu Casini u Fini.
Mill-istess stħarriġ imħabbar waqt Porta a Porta ħarteġ ukoll li dawk li qalu li se jivvutaw lil dawn il-partiti li bħalissa jinsabu flimkien fl-hekk imsejjaħ Nuovo jew Terzo Polo, jixtiequ li dawn ma jingħaqdu mal-ebda skjerament, iżda jekk dan isir l-maġġoranza jridu li dawn jingħaqdu mal-Popolo della Libertà.
Fl-aħħarnett l-maġġoranza ta' dawk li ma jafux lil min, jew mhux se jivvutaw (37%), huma eletturi taċ-Ċentru-Lemin, li d-deċiżjoni finali x'se jagħmlu jieħduha fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali.
L-importanti issa huwa li l-partiti minn issa sa' meta tasal l-elezzjoni jiddikjaraw x'tip ta' gvern, koalizzjoni, se jiffavorixxu, jżommu kelmithom u ma jittradixxux lill-elettorat li jkun ivvutalhom – bħalma għamlu Fini u sħabu.
Hawn Casini jrid ikun ċar u onest għax il-votanti tiegħu huma Ċentru-Lemini bħalma wara kollox huma wkoll dawk ta' Fini, u żgur ma jridux li ħtija tal-aġir pikuż taż-żewġ mexxejja jispiċċa jiggverna x-Xellug.
No comments:
Post a Comment