L-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 2011

Stabbilità fl-Italja (4)

"L-EWWEL U FUQ KOLLOX L-INTERESS TAL-PAJJIŻ"
"Jekk isir kollox kif suppost, fi Frar li ġej immorru nivvutaw, avolja dejjem irid ikun il-President tar-Repubblika li jiddeċiedi. Naraw kif se jkun il-finali. Minn naħa tiegħi poġġejt l-interess tal-pajjiż fuq dak tiegħi personali, tal-gvern tiegħi u dak tan-naħa politika tiegħi".
Hekk ikkummenta dalgħodu l-Prim  Ministru Taljan Silvio Berlusconi waqt il-Giornae Radio 1 tar-Rai wara li l-bieraħ, waqt laqgħa mal-President Napoletano, b'sorpriża qallu li hu kien lest biex, wara li l-gvern iżomm kelmtu mal-Ewropa u jgħaddi l-Liġi ta' Stabbilità fil-parlament, jirriżenja u jitlob lill-President biex isejjaħ elezzjoni  bikrija għal Frar li ġej.
Din kienet deċiżjoni sorpriża għax ħafna kienu dawk li kienu qed jistennewh jitlob vot ta' fiduċja fil-parlament, vot li probabbli kien jikkonvinċi lil uħud minn dawk li l-bieraħ astjenew fil-vot dwar ir-rendikont finanzjarju tal-pajjiż, din id-darba jivvutaw favur il-fiduċja.
Jidher, però, li l-Prim Ministru xeba' bil-kapriċċi ta' uħud minn dawk li hu kien għażel personalment biex jilħqu deputati, li meta jfettlilhom jinsew il-lealtà li għandhom lejn min ivvutalhom – biex ma ngħidx ir-rikonoxxenza lejn l-istess PM – u bħal Ġuda, tradituri (bħalma sejħilhom hu) jmorru kontra d-dixxiplina tal-partit li ħarġu u telgħu miegħu.
Fil-programm Mattino 5 ta' Canale 5 Berlusconi ħabbar ukoll li għalkemm mhux se jirtira għal kollox mill-politika, għallinqas tul il-kampanja elettorali li ġejja – hu mhux se jerġà jikkontesta  u floku fit-tmexxija tal-Popolo della Libertà u bħala futur Prim Ministru, se jkun hemm is-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano.
Għalkemm l-aħħar kelma tkun tal-President tar-Repubblika, l-Prim Ministru qal li l-unika triq li fadallu hija elezzjoni bikrija, biex ikun il-poplu li jiddeċiedi min għandu jmexxih f'dawn iż-żminijiet diffiċli, u mhux xi gvern tekniku, provviżżorju, jew ta' xi koalizzjoni nazzjonali, li tmur kontra l-verdett li l-maġġoranza tal-poplu fl-aħħar elezzjoni li riedet gvern ĊentruLemini.
Dan apparti li l-Partit Democratico fl-oppożizzjoni diġà kien qal li ma jaqbilx mal-programm ta' riformi liberali li qed tesiġi mill-Italja l-Unjoni Ewropea biex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż.
Barra minhekk ma jistà jiġi ffurmat l-ebda gvern mingħajr is-sehem tal-PdL.
Għalhekk Berlusconi qed jinsisti li l-ewwel jgħaddi l-liġi ta' stabbilità bil-miżuri ekonomiċi-finanzjarji-soċjali anti-kriżi li l-gvern tiegħu wiegħed lill-UE fl-ittra li bagħat aktar kmieni dax-xahar, u mbagħad il-partiti Xellugin fl-Oppożizzjoni waqt il-kampanja elettorali jkollhom jispjegaw lill-poplu x'se jagħmlu b'dik il-Liġi ta' Stabbilità b'miżuri fuq il-pensjoni, l-liberalizzazzjoni u s-suq tax-xogħol, li jekk jiksruha, jiksruha wkoll mal-Ewropa, u l-Italja tispiċċa bħal Spanja, l-Irlanda u l-Greċja.
Iżda dan diffiċli jseħħ, għax ix-Xellug, issa li se jkun spiċċalhom l-uniku element li kien qed jgħaqqadhom, ċjoè l-"anti-Berlusconismo", mhux kapaċi jifforma gvern alternattiv għal wieħed Ċentru-Lemini, filwaqt li kull stħarriġ tal-opinjoni pubbliku għadu qed juri li l-maġġoranza tal-elettorat Taljan tippreferi l-partiti taċ-ĊentruLemini.

IL-POPOLO DELLA LIBERTÀ L-EWWEL PARTIT
Infatti, l-aħħar stħarriġ li sar mill-Istituto Ispo ta' Renato Mannheimer ħmistax ilu (24 ta' Ottubru) għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar xhur, poġġa lill-Popolo della Libertà fl-ewwel post tal-preferenzi tal-elettorat Taljan, b'26.4% fuq il-25.9% tal-Partito Democratico.
Il-partiti l-oħra taċ-ĊentruLemin jiksbu bejnithom 22.3% maqsumin hekk:
Lega Nord (Bossi) : 8.7%; UDC (ta' Casini): 6.9; FLI (Fini): 5.2%; La Destra (Storace): 1.5%.
Dan ifisser li ċ-ĊentruLemin jikseb 48.7%, bil-PdL waħdu jingħata l-hekk imsejjaħ "premio di maggioranza" jiġifieri maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, jekk jikseb is-26.4% tal-voti.
Mill-banda l-oħra l-Partito Democratico flimkien mal-partiti l-oħra Xellugin (Italia dei Valori-Di Pietro, Sinistra e Libertà (Vendola), Movimento 5 Stelle (Grillo) u Rifondazione Comunista) jiksbu 45.5%.
Dan meta 5.8% ta' dawk li wieġbu s-sondaġġ qalu li kienu se jivvutaw lill-partiti oħra, li ħadd minnhom ma jikseb imqar 1 fil-mija.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide