Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2011

Tkaxkira għas-Soċjalisti

MAĠĠORANZA ASSOLUTA GĦAĊ-ĊENTRU LEMIN FI SPANJA
Bħalma kien mistenni, u bħalma kważi eżatt bassart jiena nhar il-Ħamis fl-analiżi tiegħi ta' kull ġimgħa f'ġurnal lokali, il-Partit Popolari rebaħ l-elezzjoni b'maġġoranza assoluta ta' voti u siġġijiet. B'98% tal-voti magħduda sakemm qed nikteb, il-PP kiseb rekord storiku ta' 186 siġġu mit-350 tal-parlament u 44.6% tal-voti li jissarfu f'aktar minn 10 Miljun voti, kważi 4 miljun vot aktar mill-Partit Soċjalista.
Dan kiseb l-agħar riżultat fl-istorja tiegħu bi 28.7% biss tal-voti li ssarfu f'110 siġġijiet, l-inqas li qatt kiseb mill-ewwel elezzjonijiet ħielsa fl-1977, telf ta' 59 siġġu, u 15% tal-voti. Infatti fl-aħħar elezzjoni kien kiseb 11.288.698 vot (43.87%). Illum dawn niżlu għal 6.937.706 (28.73%). Tkaxkira nobis!
Waqt diskors tar-rebħa lill-eluf ta' partitarji miġbura quddiem il-kwartier tal-partit ĊentruLemini l-Kap Mariano Rajoy (fir-ritratt ma' martu Elvira Fernandez) irringrazzja lil dawk kollha li vvutaw lill-PP u ħadmu għal din l-ikbar rebħa tiegħu, filwaqt li għamlilhom kuraġġ għax "minn għada rridu naħdmu lkoll flimkien bħala poplu sħiħ biex negħlbu d-diffikultajiet li Spanja qed tiffaċċja", ħaġa li tkellem ċar dwarha matul il-kampanja elettorali meta dejjem stqarr li kienu se jirtu l-agħar sitwazzjoni li qatt ħalla gvern lil ieħor.
Marru tajjeb ukoll il-partit ieħor taċ-ĊentruLemin, il-Convergencia i Union (CiU) li kiseb kważi Miljun vot u żjied is-siġġijiet minn 10 għal 16, u l-koalizzjoni Xellugija IU-LV li minn żewġ siġġijiet tellgħu 11, li  naturalment ħaduhom lill-Partit Soċjalista
Mill-banda l-oħra l-appell tal-grupp tal-"Indignados" biex l-Ispanjoli ma jmorrux jivvutaw jew iħassru l-vot bħala protesta ma tantx jidher li kellu effett għax marru jivvutaw 71.69% kontra t-73.85% ta' erba' snin ilu, differenza ta' 2.16%. Jekk ma' dawn inżiedu d-differenza tal-lum u dawk ta' erba' snin ilu li jew ħassru l-vot jew xeħtuh vojt, 0.91, allura b'kollox jiġu 3.07% li wkoll ftit li xejn għamlu differenza fir-riżultat.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide