WASAL SUMMIT IEĦOR U JIBDEW IŻIEDU D-DOŻA TA' ALLARMIŻMU
Jekk xi ħadd ma jinteressaħx, u ma jkunx jaf li lejn tmiem dan ix-xahar il-United Nations Framework on Climate Change (UNFCC) se torganizza, din id-darba fl-Afrika t'Isfel, s-summit ta' kull sena – biex forsi l-pajjiżi li jieħdu sehem fl-aħħar jirnexxilhom jiftiehmu dwar trattat ġdid għall-Protokoll (fallut) ta' Kyoto dwar "kontroll (!) tat-tibdil tal-klima", billi jitnaqqas l-ħruġ tal-gassijiet serra, jew CO2, liema tnaqqis dejjem aktar qed jirriżulta li qed isir għalxejn – malajr jinduna għax dawk li jiena nħobb insejjaħ eko-terroristi jibdew iżiedu doża tat-twerwir dwar il-konsegwenzi tat-tibdil tal-klima, għalkemm qabel aktar kienu jiddilettaw jużaw l-espressjoni "tisħin tal-globu".Hekku li mmankabbilment hekk diġà beda jsir: l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) ħareġ rapport mill-aktar allarmistiku dwar it-tibdil tal-klima u l-perikli tat-temp estrem bħal heatwaves, għargħar, nixfa u maltempati.
Ir-rapport jgħid li jkun aħjar jekk nantiċipaw id-diżastri u nnaqsu r-riskji qabel iseħħu, milli nistennew iseħħu u mbagħad "innadfu wara". Mur obsor!
Qalu wkoll li t-tibdil fil-klima jwasal għal tibdil fil-frekwenza, fl-intensità, it-tul u l-kronometraġġ ta' temp estrem u l-avvenimenti klimatiċi, iżda mbagħad jiddikjaraw hekk:
"xi wħud - iżda mhux kollha - minn dawn l-avvenimenti estremi huma kawżati miż-żjieda fil-gassijiet serra (greenhouse gases) fl-atmosfera". Mela issa, fl-aħħar, qed nibdew nirraġunaw ftit. Jidher li mhux se nibqgħu inwaħħlu d-diżastri kollha tad-dinja fit-tibdil fil-klima, fit-tisħin tal-globu.
Ma setgħax ikun mod ieħor għax iċ-ċifri qed igiddbu ħafna mill-ħrejjef psewdoxjentifiċi rakkuntati mill-IPCC, l-UNFCC u bella compagnia: infatti qed jiġi dejjem aktar ippruvat li fil-fatt mhux biss l-ewwel ikun hemm żjieda fit-temperaturi, u huwa biss WARA li jizdied s-CO2, imma dan iseħħ b'bejn 600 u elf sena wara, u allura qatt ma jista' ikun li hija ż-żjieda fis-CO2 li tikkawża dik fit-temperatura tad-dinja.
Dan minbarra l-fatt li mill-1998 'l hawn ma kien hemm l-ebda żjieda fit-temperatura tal-pjaneta tagħna, għalkemm dan ippruvaw jaħbuh – vide l-iskandlu Climategates u l-post tiegħi tat-30 ta' Ottubru.
Forsi għalhekk li minflok "Global Warming" bdew jużaw sempliċiment "Climate Change"!
Fuq kollox għal dak li jsostnu rapporti bħal dawk tal-IPCC li t-tisħin tal-globu huwa l-kawża għal xtiwi estremi, m'hemm asolutament l-ebda prova xjentifika jew evidenza reali ta' dan.
Fl-aħħarnett dwar il-previżjonijiet ta' dawn l-allarmisti, anki t-tfal llum jafu li l-bniedem diffiċli jbassar fiż-żgur kif se jkun it-temp tlett ijiem oħra, għas-sempliċi raġuni li għadu ma jifhimx eżatt x'jikkawża t-tibdil fit-temp, iżda l-IPCC tippretendi li taf kif se jkun it-temp għexiren ta' snin oħra!
Ħaġa waħda tagħmel sens f'dan l-aħħar rapport tal-IPCC: li l-unika soluzzjoni f'każi estremi tat-temp huwa li, wara li nikkonvinċu ruħna li ma nistgħu nagħmlu xejn biex il-klima ma tinbidilx, nadattaw ruħna u nevitaw kemm nistgħu l-konsegwenzi u mhux l-kontra billi, per eżempju nibnu, anki abbużivament, f'żoni ta' periklu bħal fil-mogħdijiet naturali tal-ilma tax-xita, xmajjar, xtajtiet jew f'riġlejn il-muntanji!, bħalma ma nibnux madwar xi vulkan ...ħalliha li anki dan isir!
Għal darb'oħra l-IPCC u l-ekoterrotisti qed jirrikorru għal frodi xjentifika u psewdoxjenza, biex forsi fl-Afrika t'Isfel, f'Durban, ma jkollhomx l-istess fjask li rriżultaw l-aħħar summits ta' Kopenħagen u l-Messiku.
No comments:
Post a Comment