IĦEĠĠU LILL-PARLAMENT EWROPEW JITKELLEM ĊAR DWAR TIMOSHENKO
Il-Kumitat għall-Affarijiert Barranin tal-Parlament Ewropew qed iħeġġeġ lill-parlament li għal darb'oħra juri t-tħassib tiegħu dwar il-priġunerija tal-eks Prim Ministru tal-Ukjrajna u kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoshenko. Fl-istess ħin qed jinsistu mal-awtoritajiet Ukrajni jiggarantixxu li Timoshenko u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni d-dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess politiku u fl-elezzjonijiet li jmiss.Timoshenko ilha minn Ottubru fil-ħabs wara li twaħħlet seba' snin meta nstabet ħatja li llegalment approvat ftehim mar-Russja dwar xiri ta' gass naturali fl-2009 meta kienet prim ministru tal-Ukrajna.
Il-Kumitat issa ressaq emendi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ewropa dwar in-negozjati għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Id-dokument se jkun il-bażi għal riżoluzzjoni li se tiġi vvutata mill-Parlament Ewropew kmieni x-xahar d-dieħel.
Id-dokument jemfasizza li l-liġi li biha ġiet kundannata Timoshenko ilha minn żmien ir-reġimi Sovjetiċi, u li tmur kontra li-standards Ewropej u tan-Nazzjonijiet Uniti.
Timoshenko fil-bidu ta' Novembru kienet appellat lill-UE biex minkejja s-sentenza kontriha xorta waħda jfittex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukjrajna (ara l-post tat-3/11). Dan wara li l-Parlament Ewropej kien iddikjara li jekk Timoshneko ma tinħelisx mill-ħabs dan kien se jipperikola l-iffirmar ta' dan il-ftehim. Il-biżà hija li l-amministrazzjoni tal-President Ukren Yanukovich se tuża din il-kwistjoni biex tisfratta l-ftehim u tbiegħed lill-Ukrajna mill-Ewropa u tressaqha lura taħt l-influwenza tar-Russja.
Fil-fatt jidher li Yanukovich se jkompli jisfida lill-Punent għax nhar it-Tlieta Timoshenko ġiet interrogata minn prosekuturi tal-gvern minkejja li kienet marida fis-sodda taċ-ċella tagħha b'uġigħ kbir f'dahrha, filwaqt li l-avukati tagħha ma tħallewx ikunu preżenti. L-akkuża issa hija li ma ħallsitx fuq €120 Miljun f'corporate tax meta kienet tmexxi kumpanija li timporta l-gass. Naturalment hi qed tiċħad dan kollu.
Sadanittant Timoshenko il-bieraħ appellat lill-International Red Cross u lid-Doctors Without Frontiers biex jintervjenu ħalli hi tiġi inviżtata u kurata kif xieraq, għax mhix tafda lit-tobba tal-ħabs.
No comments:
Post a Comment