FIDUĊJA LIL GVERN TAL-BANKIERA
Rekord assolut u storiku u x'aktarx dehen tal-Guinness Book of Records!556 FAVUR. 61 KONTRA. B'dan il-vot il-bieraħ il-gvern iffurmat minn Mario Monti kiseb dak li hu żgur l-ikbar vot ta' fiduċja fl-istorja demokratika parlamentari Taljana.
Imma s-sabiħa, anzi l-kerha hi li Monti mhuwiex politiku u lanqas ma ġie elett mill-poplu.
Id-deputat Domenico Schillipoti jqassam flyers (ritratt taħt) fl-okkażjoni tal-jum li hu sejjaħlu "Jum il-Mewt tad-Demokrazija Parlamentari" fl-Italja |
Minkejja li għandu s-saħħa, maġġoranza komda f'waħda mill-kmamar tal-Parlament (fis-Senat), il-partit ta' Berlusconi Popolo della Libertà (PdL) vvota favur il-gvern ta' Monti – magħmul biss minn bankiera oħra, finanzieri, ekonomisti u tekniċi – bil-patt li jimxi fuq il-programm ta' miżuri fil-Legge di Stabilità approvata mill-parlament bħala kundizzjoni qabel Berlusconi rriżenja, u l-ittra li hu kien bagħat lill-UE bil-pjan finanzjarju/ekonomiku tiegħu skond it-talbiet tal-istess UE.
Ivvutaw favur ukoll il-partiti tal-oppożizzjoni taċ-ċentru u tax-Xellug, l-istess partiti, speċjalment dawn tal-aħħar, li kienu lesti jkomplu jfixklu kemm jifilħu, jressqu mijiet ta' emendi u jivvutaw kontra l-Legge di Stabilità. L-istess liġi li issa, għax fl-aħħar "ħelsu" minn Berlusconi, se jkollhom ibaxxu rashom għall-miżuri li fiha ...basta mhux se jkun Berlusconi li jattwahom.
Basta wkoll ma jkunux huma li jkollhom jattwawhom, u huwa għalhekk ukoll li ma jridux elezzjoni bikrija, għax jibżgħu li jekk jirbħuha huma, hekk ikollhom jagħmlu: jattwaw huma l-miżuri xejn popolari li trid l-Ewropa, biex isolvu l-problema tad-dejn li l-gvernijiet ta' Berlusconi wirtu minn dawk tax-Xellug.
Iżda mill-ġimgħa d-dieħla se nkunu nafu kemm se jistaportu d-deputati Xellugin, l-attivisti, l-partitarji, l-unions dominati minnhom, qabel jibdew jipprotestaw kontra d-diversi kapijiet tagħhom Bersani, Bindi, D'Alema jew Di Pietro talli issa dawn se jaċċettaw il-miżuri li sal-bieraħ kienu lesti jopponu għax kien se jkollu jressaqhom Berlusconi, u issa għax minfloku hemm il-bankier Monti se jogħqodu għalihom.
F'dawn il-jiem ukoll ħadu tweġiba u se jkomplu jieħdu dawk kollha li kienu jwaħħlu s-sitwazzjoni mwiegħra tal-Italja f'Berlusconi u li malli jwarrab hu kollox kien se jirranġa, u jisparixxu l-problemi kollha.
Il-problemi u l-miżuri qed jiffaċċjawhom il-popli fl-Ewropa u fl-Amerika kollha, fid-dinja kollha ...fejn m'hemmx Berlusconi!
Li m'għandhomx dawk il-pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja, huwa gvern tal-bankiera li għalkemm kiseb il-fiduċja fil-parlament, m'għandux il-fiduċja tal-elettorat, tal-poplu, li fl-aħħar elezzjoni kien ċar filli ried lill-partiti taċ-ĊentruLemin jiggvernah ...vot li issa sar biċċa karta li ma tiswa' xejn, aktar u aktar jekk il-poplu mhux se jfittex jingħata d-dritt li jivvota mill-ġdid f'elezzjoni bikrija.
Għalhekk minn dan il-lat kellhom raġun jivvutaw kontra l-fiduċja d-deputati tal-Lega Nord, Alessandra Mussolini tal-PdL u d-deputat waħdani tal-Movimento di Responsabiltà Nazonale (li kemm-il darba vvota favur il-gvern ta' Berlusconi), Domenico Schillipoti li sejjaħ il-jum tal-bieraħ bħala jum il-mewt tad-demokrazija parlamentari, u mar għas-seduta tal-bieraħ b'faxxa sewda ta' luttu ma' dirgħajh.
No comments:
Post a Comment