IL-ĠAPPUN MA JRID JAF BL-EBDA KJOTO IEĦOR
Is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li qed jiltaqa' f'Kankun fil-Messiku ma setgħax kellu bidu agħar: fl-ewwel jum tal-ftuħ nhar it-Tnejn il-gvern Ġappuniż ħabbar li jekk ma jintlaħaqx ftehim dswar protokoll ieħor qabel dak jiskadi fl-2012, mhu se jaqbel ma' l-ebda estensjoni tal-Protokoll ta' Kjoto, .
In-negozjatur Ġappuniż fis-summit, Jun Arima ddikjara li l-Ġappun mhu se jiffirma l-ebda ftehim għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (CO2) taħt l-ebda kundizzjoni u l-ebda ċirkustanza.
"Anki jekk il-Protokoll ta' Kjoto isir is-suggett ewlieni fuq l-aġenda ta' Kankun, u l-Ġappun isib ruħu iżolat dwaru, il-Ġappun mhux se jaqbel miegħu," qal Hideki Minamikawa, il-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Ambjent Ġappuniż.
Dawn id-dikjarazzjonijiet ssorprendew diversi delegazzjonijiet oħra għax ġejjin proprju mill-pajjiż li fih il-protokoll kien ġie adottat, fi Kjoto f'Diċembru tal-1997, biex imbagħad sar effettiv fi Frar tal-2005, bi ftit li xejn effett, riżultati, tant li ftit huma dawk li llum mhux iqiesuħ bħala fallut.
Dan għax filwaqt li l-protokoll ġie ratifikat minn 192 pajjiż – bi 73 pajjiż industrjalizzat kienu ntrabtu li jnaqqsu s-CO2 tagħhom b'5.2% fuq il-livelli tal-1990 – dawn ma rnexxilhomx inaqqsu l-emissjonijiet b'mod distingwibbli, viżibbli f'dawn l-aħħar 15-il sena (skond rapport li l-London School of Economics ħarġet din is-sena, il-Hartwell Paper), u fuq kollox l-aktar żewġ pajjiżi li jipproduċu CO2 – iċ-Ċina u l-Istati Uniti – mhumiex marbutin bil-protokoll u ma tanxt jidhru li se jintrabtu b'xi protokoll simili.
Din tal-Ġappun hija daqqa ta' ħarta kbira meta tqies li s-Summit ta' Kankun – li qed ilaqqa' 194 rappreżentati ta' gvernijiet u mijiet ta' gruppi mhux governattivi – suppost qed jiltaqa' biex n-negozjaturi jaqblu fuq trattat ġdid li jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet CO2, biex jieħu post dak ta' Kjoto jiskadi sentejn oħra.
Qed ngħid "suppost" għax wara li dan ma kienx rnexxilhom jilħquh f'dak ta' Kopenħagen, din id-darba mhux qed jissemma' wisq bħala l-iskop ewlieni ta' dan is-summit, u wkoll għax ħafna policy makers ilhom xhur iwissu u rassenjati li minn Kankun mhux jistennew progress sinifikanti, u żgur mhux xi trattat li jorbot – jiġifieri se jkollna ripetizzjoni ta' dak li ħareġ minn Kopenħagen sena ilu – F J A S K !
Din il-pożizzjoni tal-Ġappun qed tkompli ddakkar lil pajjiżi oħra li minn wara Kopenħagen u l-iskandlu Climategate qed jaħsbuha sew qabel jintrabtu b'aktar miżuri. Issemmit New Zealand li kienet wieħed minn ħames pajjiżi biss mhux Ewropew li kienu minn tal-ewwel li ffirmaw it-Trattat ta' Kjoto 13-il sena ilu.
Minn kalkoli li saru fi New Zealand proprju f'dawn il-jiem, ġie mbassar li jekk il-gvern jintrabat għal aktar tnaqqis ta' CO2, eżattament xiri ta' carbon credits minn pajjiżi oħra, jkabbar il-piż fuq il-kontijiet tal-pajjiż, mingħajr ebda gwadann f'fondi jew dħul ieħor.
Barra minhekk, kieku New Zealand kellu jerġà jintrabat b'xi protokoll ieħor, ikun l-uniku pajjiż, minn fost dawk li ffirmaw dak ta' Kjoto, apparti l-Ewropa, li jagħmel dan. Infatti l-Kanada, r-Russja, l-Istati Uniti – aktar u aktar wara li r-Repubblikani kisbu l-maġġoranza fil-Kamra – u probabbilment anki l-Awstralja m'għandhom l-ebda ħsieb ta' xi Kjoto ieħor. U ma' dawn issa żdied il-Ġappun ukoll.
Biex ma nsemmix lill-Unjoni Ewropea – l-uniċi pajjiżi li għadhom jinsistu għal aktar irbit ta' trażżin ta' CO2 – li qed jixhdu ċerti dubji u jgħidu li f'Kopenħagen kienu ttieħdu 'for granted', iżda issa mhux beħsibhom jaqblu ma' xi Kjoto 2 sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma joffrux xi ħaġa bħala kumpens jew in cambio.
Dan ikun ifisser li Kjoto 2 jispiċċa ma jorbotx pajjiżi li bejnithom jipproduċu 84% tas-CO2 fid-dinja!
Mhux aħjar, allura, l-għexiren ta' eluf li hemm f'Kankun ifittxu jmorru lura lejn pajjiżhom u ma jkomplux jikkunsmaw aktar CO2?! Għax ta min ifakkar li kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendew delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivisti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena! ... dak kollu għalxejn!
No comments:
Post a Comment