Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru 2010


Fortunato (1844-1905)          Enrico (1885-1950)
        Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato            u ibnu Enrico Mizzi

Bi pjaċir kbir ilqajt it-twaqqif dan l-aħħar ta' Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato u ibnu Enrico Mizzi għax, kif jgħidu t-Taljani, "Era ora". 
L-għanijiet ta' din il-Fondazzjoni jinkludu l-għarfien aħjar tal-kontribut ewlieni ta' dawn iż-żewġ personalitajiet ewlenin fl-istorja riċenti ta' Malta, li tippreserva l-arkiviji tagħhom u li tassigura li l-aċċessibilita' tal-arkivji tagħhom għar-riċerkaturi storiċi, politiċi u kulturali. Dawn l-arkivji huma sors ewlieni għar-rigward tal-iżvilupp tal-ħajja politika, kulturali u soċjo-ekonomika ta' Malta. 
 Il-viżjoni ta' Fortunato Mizzi, segwita minn dik ta' ibnu Enrico Mizzi welldet moviment kulturali u soċjali mmirat lejn it-titjib ta' kundizzjonijiet soċjali, lejn il-kwalita' ta' ħajja aħjar u ġustizzja soċjali mibnija fuq il-valuri nsara. Dan il-moviment soċjo-kulturali ssawwar u nfirex permezz ta' strumenti demokratiċi fit-twaqqif ta' partit politiku rappreżentattiv ta' moviment poplari imsaħħaħ bl-istampa ta' ġurnal politiku. Din il-viżjoni riflessa fil-ħidma tagħhom permezz ta' dawn l-istrumenti politiċi, fis-snin bikrin tal-ġlieda għal demokrazija libera fil-qofol tal-kolonjaliżmu f'Malta, hija patrimonju politiku fl-identita' nazzjonali ta' pajjiżna. 
 L-impenn politiku ta' Fortunato u Enrico Mizzi – flimkien ma' ta' oħrajn – taw bidu għall-proċess lejn l-Indipendenza ta' Malta, mill-Moviment Anti-Riformista fl-aħħar tas-Seklu Dsatax, għal dak Kostituzzjonali mill-bidu sa nofs is-Seklu Għoxrin meta miet Enrico Mizzi fl-1950. Dan il-moviment tmexxa u żviluppa minn Fortunato u Enrico Mizzi kemm bħala Kapijiet tal-Partito Nazionale (1880) u tal-Partit Democratico Nazionalista (1921), li minnhom żviluppa l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bħala ġurnalisti u edituri ta' gazzetti politiċi fil-bidu tal-ġurnaliżmu f'Malta. 
 Il-Bord tal-ewwel Gvernaturi tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi huma l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Lawrence Gonzi, il-Monsinjur Fortunato Mizzi ( li flimkien uffiċjalment waqqfu l-Fondazzjoni fis-26 ta' Novembru), il-Viċi Kap tal-PN, Dr. Tonio Borg, is-Segretarju tal-PN, Dr. Paul Borg Olivier, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, Paula Mifsud Bonnici, l-Imħallef Emeritus tal-Qorti Ewopea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr. Giovanni Bonello, il-President tal-Istitut Mediterranju, Dun Peter Serracino Inglott u l-President tal-Moviment Azzjoni Soċjali, Carmelina Debono.
Is-Sur Richard Muscat huwa s-Segretarju tal-Fondazzjoni. 

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide