Il-Ġimgħa, 17 ta’ Diċembru 2010

Kieku Kellha ssir Elezzjoni Issa fl-Italja

JERĠÀ JIGGVERNA Ċ-CENTRODESTRA
Li kieku kellha ssir elezzjoni issa fl-Italja din tintrebaħ minn, u tkompli tiggverna l-koalizzjoni taċ-ĊentruLemin immexxija minn Silvio Berlusconi, minkejja li mill-Popolo della Libertà (PdL) telaq Fini u xi membri parlamentari oħra li ffurmaw grupp/partit għalihom.
Dan joħroġ minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-Euromedia Research din il-ġimgħa wara li l-gvern kiseb vot ta' fiduċja fil-parlament.
Minnu jirriżulta li l-partiti tal-koalizzjoni taċ-CentroDestra fil-gvern bejnithom jiksbu 45.2% tal-voti, mqassma hekk:
Popolo della Libertà: 30.2%; Lega Nord: 12.8%; La Destra: 1.8% u Alleanza di Centro: 0.4%.




Dan ifisser li filwaqt li t-tluq ta' Fini u deputati oħra itelflu mal-4% tal-voti li kien kiseb l-PdL fl-2008, dan xorta jibqa' l-ikbar partit fl-Italja, bid-dritt li jkompli jiggverna b'maġġoranza komda parlamentari li telliflu Fini. Jikkonferma wkoll kemm illum m'hemmx alternattiva għall-istess gvern.
Dan għax l-ikbar partit fl-oppożizzjoni, dak post-Komunista Partito Democratico (PD) ta' Bersani, mhux talli ma jżiedx il-voti kieku kellha ssir elezzjoni,  talli jkompli jnaqqas l-appoġġ li mit-33.2% li kien kiseb fl-aħħar elezzjoni, skond dan l-istħarriġ, jistà jinżel għal rekord baxx ta' 25.2%!
Minkejja, mbagħad, li l-partit ta' Di Pietro (Italia dei Valori) jżied b'1.4% għal 5.8%, u dak tax-Xellug  Sinistra Ecologia Libertà (ta' Vendola) jistà jġib 4.8% (+1.7), dawn flimkien mal-PD ilaħħqu biss 35.2%. Lanqas il-voti tad-diversi partiti żgħar l-oħra xellugin estremi jew imxaqilba lejn ix-xellug ma jkunu biżżejjed biex jiggverna x-Xellug, għax dawn (Federazione Sinistra - Komunisti ta' Bertinotti, ir-Radikali ta' Pannella u l-moviment ta' Grillo) mhux mistennija jaqbżu s-6 fil-mija bejnithom.
Dan għax il-bqija tal-voti, skond dejjem  l-istess stħarriġ tal-Euromedia, għandhom jitqassmu fuq il-partiti l-oħra taċ-Centru-Lemin preżentement fl-oppożiżżjoni (u li vvutaw l-isfiduċja fil-gvern): Unione di Centro (UDC) ta' Casini: 6.8%; Futuro e Libertà ta' Fini: 4.2%; u Alleanza per l'Italia (API) ta' Rutelli: 0.4%, li Berlusconi qed jittama li jikkonvinċihom jingħaqdu mal-gvern jew jappoġġjawh. 
Dan ifisser li ċ-Ċentru-Lemin kollu  huwa l-ikbar forza politika assoluta fl-Italja, għax jekk tgħodd dawn ma' dawk preżentement fil-gvern immexxi  minn Berlusconi, dawn ileħħqu 57.4% !
Ix-Xellug jistà biss jiggverna, jekk dawn il-partiti Ċentru-Leminin ta' Casini, Fini u Rutelli (li qed jippruvaw jiffurmaw dak li qed isejħu t-terzo polo), jingħaqdu ma' jew jappoġġjaw lix-Xellug tal-Partito Democratico u Di Pietro.
Dik, iżda, minbarra li tkun balbuljata, dawgħa politika bi ftit li xejn futur, ikun l-ikbar tradiment tar-rieda tal-poplu Taljan, poplu anti-Xellugi u Ċentru-Lemini fil-maġġoranza kbira tiegħu.
Naturalment dawn huma ċifri skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika li fih kien hemm, sa' din il-ġimgħa, 34.6% li kienu għadhom indeċiżi lil min u jekk imorrux jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni issa, iżda xorta huma indikjarazzjoni tajba ta' fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu, u l-opinjoni ġenerali dwar il-gvern preżenti taċ-CentroDestra.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide