VERU ĦMIR MARRU ...U MIJA TELQU!
Bħalma kważi kulħadd bassar sa' ġimgħat qabel beda, s-Summit dwar it-tibdil fil-klima tal-UNFCCC f'Kankun, l-istess bħal dak li kien ġara sena ilu f'Kopenħagen, ġimgħa ilu spiċċa fjask għax għal darb'oħra l-iskop ewlieni tiegħu, dak ta' ftehim (bħal dak fallut ta' Kjoto) li jorbot lill-pajjiżi li ħadu sehem fih sabiex inaqqsu aktar il-ħruġ tal-gassijiet CO2 baqa' ma ntlaħaqx, u dan reġà ġie pospost b'sena oħra għal summit ieħor li suppost għandu jsir f'Durban, fl-Afrika t'Isfel f'Diċembru tal-2011.
L-istess bħalma kien ġara f'Kopeħagen sena ilu, anki f'Kankun fil-Messiku matul is-Summit kontra l-Global Warming,it-temperatura qatt ma kienet daqshekk baxxa f'Diċembru! |
Infatti, minflok, sar qbil li din id-darba flok Copenhagen Accord qed jissejjaħ Cancun Agreement biex f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet il-pajjiżi qablu li f'Durban jaqbu dwar ftehim ta' aktar tnaqqis ! Il-kliem eżatt huwa dan "agreeing that they shall aim to complete further commitments by rich countries to cut greenhouse gas emissions as early as possible".
Barra minhekk il-miri ambizzjużi li d-dinja tnaqqas b'xi 50% l-emissjonijiet, u l-pajjiżi żviluppati b'xi 80-95% twarrbu għal kollox biex issa qablu biss li "work towards identifying a global goal for substantially reducing global emissions by 2050", u dwar dan jippruvaw jiftiehmu fl-Afrika t'Isfel fi tmiem l-2011!
Bħalma ngħidu bil-Malti: Ħmir marru u mija telqu! U dan il-qawl Malti ma setgħax kien aktar xieraq!
Infatti – minkejja dak li qal il-President Marxista tal-Bolivja Morales – l-ikbar ħmir (il-pajjiżi żviluppati) qablu mat-twaqqif ta' dak li qed jissejjaħ Green Climate Fund, b'wegħdiet vagi li jiġbru 100 Biljun Dollaru kull sena sabiex biex mill-2020 jgħinu lill-pajjiżi fqar jadottaw teknoloġiji ħodor u jaffrontaw it-tibdil fil-klima. Allura Morales żgur m'għandux xi jgerger, għax f'dak li jirrigwardja lilhom – IL-FLUS li riedu jisolħu lill-pajjiżi 'kapitalisti' (veru ħmir!) – għamlu progress!
Mill-bqija x'fih aktar dan il-Cancun Agreement? Imma nkunu aktar preċiżi jekk ngħidu x'ma fihx?
Bdejt ngħid li l-pajjiżi qablu li sas-summit li jmiss tal-UNFCCC jaqblu dwar aktar tnaqqis tas-CO2. Iżda pajjiżi qed jiżviluppaw l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet, bħaċ-Ċina u l-Indja, għadhom jirrifjutaw li jintrabtu legalment ma' tnaqqis tal-emissjonijiet. Minħabba f'hekk, allura, lanqas il-pajjiżi żviluppati ma qablu ma aktar irbit legali, fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
Barra minhekk ma rridux ninsew insemmu li mal-Ġappun, din il-ġimgħa żdiedu r-Russja u l-Kanada li wkoll iddikjaraw li mhux beħsibhom jintrabtu b'xi Kjoto ieħor, għax fl-aħħar qed jirrealizzaw ukoll li "tiġdid ta' Kjoto la huwa mod effettiv u lanqas ġust biex jiġi affrontat tibdil fil-klima".
Minkejja dan kollu diġà rajna, qrajna u smajna, u f'dawn il-jiem se nibqgħu naqraw, naraw u nisimgħu, lil min isostni li jbellagħha lil min ma jkunx jaf il-fatti kollha, li s-summit ta' Kankun kien suċċess!
No comments:
Post a Comment