PROSIT TASSEW LIL KULĦADD, imma ...
Attendejt b'ħerqa għas-serata fis-60 Anniversarju mill-mewt ta' Enrico Mizzi, li kienet suċċess kbir. Ta' dan nifraħ nirringrazzja lill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi, biex b 'hekk niġbor lil kull min kellu x'jaqsam mal-organizzazzjoni.Kien interessanti d-diskors tal-Professur Emeritu Dun Peter Serracino Inglott, li ġedded il-memorji tiegħu personali meta l-familja tiegħu kienet togħqod ftit 'l-isfel minn fejn kien jgħix Nerik fi Triq San Ġwann, il-Belt, u dan kien jispegalu il-għala hu, Nerik, kien tant kontra l-emigrazzjoni għax kien jara lill-patrija titlef l-aħjar nies tas-sengħa tagħha.
Imma jiddispjaċini nosserva li Serracino Inglott ma kienx preċiż meta l-ewwel donnu ried jagħti l-impressjoni li Enrico Mizzi kellu xi sehem fit-twaqqif tal-partit ta' Mussolini, mbagħad alluda li dan tal-aħħar kien Soċjalista (dan veru), u BAQA' Soċjalista (mhux veru), biex kompla b'dik li jiena personalment qist bħala ereżija politika meta l-kelliem qal li Enrico Mizzi kien meqjus bħala "xellugi"!
Nittamaw li dan kien żball ġenwin tal-professur, u ma ridx iwettaq xi reviżjoni storika f'ġieħ xi 'riabiltazzjoni' li m'hemmx bżonnha jew lokha.
– L-istoriċi kollha jgħidulek li fi żmien Nerik li tkun xellug kien ifisser tkun Marxista, Soċjalista jew Komunista! Xellugi Malti magħruf ta' dik l-era kien żgur Manuel Dimech.
Dak iż-żmien ma kienx hemm min jipprova jbenġel jew aħjar iħawwad l-imħuħ dwar dan, bħal fi żmienna. Dak iż-żmien l-abjad kien jissejjaħ abjad u l-iswed (jew aħjar l-aħmar) kien jissejjaħ iswed.
– Issa kif qatt allura politiku bi twemmin sod ta' "Religio et Patria" jista' jiġi kunsidrat "xellugi"? Ma ninsewx li l-enċiklika Rerum Novarum li tant kienet għall-qalb Nerik, kienet tikkundanna l-idea xellugija tal-komunjoni tal-ġid, is-soċjaliżmu.
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min jemmen li veru li trid tejjeb il-qagħda tal-klassi tal-proletarjat, imma dan ma jfissirx li teqred jew iddgħajjef lil dik medja, li minfok għandha tiġi msaħħa?
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min, wara li darba, fl-Ewwel ta' Mejju f'Malta kien tkanta l-Innu tal-Bandiera l-Ħamra, Nerik kien ipprotesta fil-Parlament, f'ismu u f'isem l-oppożizzjoni, u wara f'"Il-Patrija" kien kiteb sensiela ta' artikli dwar it-theddida tal-Komuniżmu f'Malta?
Dwar dan hemm ħafna iżjed x'jinkiteb, u 'l quddiem hekk beħsibni nagħmel.
Illum nagħlaq billi nerġà nirrepeti t-tama tiegħi li Serracino Inglott ma riedx juża l-kelma "xellug" li anki llum tistà tinftiehem ħażin, toħloq konfużjoni u konfondiment.
Bir-rispett kollu kien ikun aktar preċiż li wieħed qal – nittama li hekk ried jgħid il-professur – li Enrico Mizzi, għal żmienu kien meqjus radikali jew liberali, iżda żgur mhux xellugi!
Għax ix-xellugin jekk ma jirnexxilhom xejn, kienu kapaċi jdaħħluha, f’moħħ anki nies istruwiti, li kull progress soċjali huwa sinonimu max-xellug, ifisser xellug.
No comments:
Post a Comment