IĊ-ĊENTRU-LEMIN IŻIED L-VOTI ... IMMA S-SITWAZZJONI INĊERTA
Mill-elezzjoni bikrija tal-Ħadd li għadda, bħalma kien mistenni l-Partit Komunista tal-Moldova (PCRM) kompla naqqas l-appoġġ wara li mill-2001, għal tlett elezzjonijiet wara xulxin, l-elettorat Moldav kien tah maġġoranza ta' voti u siġġijiet; l-uniku pajjiż fost l-eks satelliti tar-Russja Sovjetika li wara li ħeles mill-Komunisti reġà tellagħhom fil-gvern.Il-Prim Ministru u kap tal-PLDM Vlad Filat |
Mhux daqshekk ċar, iżda, l-messaġġ dwar x'alternattiva riedu l-Moldavi.
Infatti filwaqt il-koalizzjoni fil-gvern kabbret l-appoġġ f'voti bi 3% u żjiedet 6 siġġijiet, dan ma kienx biżżejjed biex isolvu l-problema li wasslet biex jirriżenja l-gvern Ċentrista li kellhom: il-ħatra tal-President tar-Repubblika mill-parlament
Dan għax biex il-parlament jaħtar president dan irid jikseb 61 vot mill-101 deputat.
Issa l-koalizzjoni tal-Prim Ministru Vlad Filat għal żewġ siġġijiet biss ma tistax tagħmel dan għax issa għadhom 59 siġġu.
Dan żgur ġara għax l-erba' partiti f'din il-koalizzjoni msejħa 'Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea' għażlu li ma jagħmlux kampanja elettorali flimkien, u kull partit ikkontesta għal rasu u mhux bħala blokk elettorali wieħed.
X'aktarx li din kienet ħaġa mistennija għax l-Alleanza ma kenitx waħda omoġenja. Fiha kien hemm erba' partiti: Tlieta meqjusa bħala Ċentru-Lemini: dak Liberali Demokratiku (PLDM) b'ispirazzjonijiet liberali u KristjanDemokratiċi, membru-osservatur fil-PPE), il-Liberali (PL) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN) – dawn flimkien kisbu 41.5% tal-voti, żjieda ta' kważi 3%, però l-AMN tilef is-7 siġġijiet li kellu.
Iżda fl-Alleanza kien hemm ukoll il-Partit Demokratiku (PDM) Ċentrista-Xellugi, SoċjalDemokratiku li jemmen fit-Tielet Triq (il-falluta "Third Way" ta' Blair u Clinton), membru fil-Partit Soċjalista Ewropew u l-Internazzjonali Soċjalista.
Barra minhekk, bħalma ktibt il-Ħadd li għadda, l-kap tal-PDM Marian Lupu kien membru tal-Partit Komunista Russu, u wara l-waqa' tal-Unjoni Sovjetika ingħaqad ma' dak Moldav, il-PCRM biex ġie nominat ministru u Speaker fi tlett gvernijiet Komunisti bejn l-2001 u l-2009. Iżda minħabba, intqal, li la ġie nominat fil-Kunsill tas-Sigurtà mill-kap tal-PCRM Voronin, u lanqas għall-president, Lupu telaq mill-partit u nagħqad mal-PDM, fejn leħquh kap.
Meta l-koalizzjoni taċ-Ċentru rebħet l-elezzjoni, Lupu kien il-kandidat tagħhom għall-president, iżda ma kellhomx siġġijiet biżżejjed biex itellgħuh, għax id-deputati Komunisti ma vvutaw lil min qiesuħ bħala "traditur". B'hekk kellha ssir elezzjoni kmieni.
X'se jiġri allura issa meta l-partiti taċ-Ċentru għalkemm marru tajjeb, xorta m'għandhomx voti biżżejjed biex jaħtru l-president?
Marian Lupu (kap tal-PDM) parti minn pjan li ħmew il-Komunisti? |
L-istess Ciutac qaltli li x'aktarx jerġgħu jingħaddu l-voti ta' Moldavi li jgħixu barra l-pajjiż, fejn 77% ivvutaw lill-partiti tal-Alleanza, u allura dawn suppost rebħu aktar siġġijiet. Riżultat aħħari jkun magħruf sal-Ġimgħa jew is-Sibt li ġejjin.
Dwar Lupu, Ciutac semmitli kif ħafna qed jissuspettaw li dan iġġieled mal-Komunisti bħala pjan ta' Voronin biex, wara li qabel l-elezzjoni ma vvutawx lil Lupu, issa li ma rnexxilhomx, kif ittamaw, jirbħu l-elezzjoni, l-Komunisti jaqblu li jivvutawlu, imma jitolbu ċerti kundizzjonijiet mill-Alleanza.
Sadattant, qaltli wkoll li hemm xnigħat persistenti li żewġ deputati Komunisti jistgħu jiddikjaraw ruħhom indipendenti jew jingħaqdu mal-PDM, u jivvutaw lil Lupu għall-President.
Nistennew u nittamaw ... għall-ġid ta' Moldova demokratika u aktar ħielsa
No comments:
Post a Comment