Ħelsu lil Suu Kyi biex inessu t-taparsi elezzjoni?
Suu Kyi (li llum għandha 65 sena) tifraħ bil-laqgħa kbira li tawha eluf ta' partitarji tagħha quddiem darha l-lejla |
Mela Aung San Suu Kyi fl-aħħar inħelset mat-tmien tas-sentenza li xeħtitha arrestata f'dartha. Mill-bieraħ l-għajdut li r-reġim dittatorjali militari tal-Burma (jew Mjanmar) kien se jeħles lil Suu Kyi mill-arrest ma qata' xejn, u eluf ta' partitarji tar-rebbieħa l-Premju tal-Paċi u ġellieda għall-libertà u d-demokrazija, nġabru quddiem id-dar tagħha fejn ilha magħluqa għal dawn l-aħħar seba' snin, u quddiem il-kwartieri ġenerali tal-partit tagħha, l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (LND), dikjarat iilegali mill-istess reġim.
Suu Kyi qattgħet 15 mill-aħħar 21 sena fil-ħabs minħabba l-oppożizzjon tagħha għal 48 sena ta' dittatura militari, u tgawdi l-istess popolarità, jekk mhux aktar, li kellha fl-1990 meta l-partit tagħha kien kiseb rebħa kbira. Rebħa li l-militar kien injora u minn dakinhar dejjem sab xi skuża biex jarrestaha.
Il-militar kien wettaq kolp ta' stat fl-1962 u taħt il-Ġeneral Ne Win mexxa l-pajjiż f'dik li kienet ssejħet "It-Triq Birmana għas-Soċjaliżmu", taħlita ta' Marxiżmu, nazzjonaliżmu u Buddiżmu, li wasslet lill-pajjiż u lill-poplu għall-faqar.
Ne Win kien spiċċa arrestat fl-1988 minn fazzjonijiet rivali fi ħdan l-istess militar (miet arrestat f'daru fl-2002), li però ma fissirx it-tmiem tad-dittatura militari, li anzi kompliet tabbuża d-drittijiet tal-bniedem.
Iżda minn protesti u rewwixti kbar mibdija mill-istudenti, li fihom f'Awwissu tal-1988 s-suldati sparaw u qatlu mat-3000 ruħ, Suu Kyi ħarġet bħala ikona nazzjonali.
Il-ġunta militari ħabbret elezzjonijiet li ppruvat tikkontrolla b'restrizzjonijiet fuq meetings u b'ċensura, li però qajla swewlha, minkejja li mexxejja politiċi, fosthom l-istess Suu Kyi, nżammew arrestati f'darhom. Infatti l-LND kien kiseb maġġoranza assoluta ta' 392 siġġu mill-492 fil-parlament, u 58.7% tal-voti.
Il-ġunta militari ħabbret elezzjonijiet li ppruvat tikkontrolla b'restrizzjonijiet fuq meetings u b'ċensura, li però qajla swewlha, minkejja li mexxejja politiċi, fosthom l-istess Suu Kyi, nżammew arrestati f'darhom. Infatti l-LND kien kiseb maġġoranza assoluta ta' 392 siġġu mill-492 fil-parlament, u 58.7% tal-voti.
Ir-reġim militari, naturalment m'aċċettax ir-riżultat, u diversi politiċi tal-oppożiżżjoni spiċċaw eżiljati jew arrestati.
Kellhom jgħaddu 20 sena biex saru elezzjonijiet oħra b'aktar minn partit wieħed, li saru l-Ħadd li għadda, u li reġgħu kienu elezzjonijiet farsa li ġew bojkottjati mill-LND ta' Suu Kyi għax m'aċċettawx li jikkontestaw mingħajrha bħala kap, bħalma riedet il-ġunta militari.
Wara li l-partit mwaqqaf mill-militari kiseb maġġoranza assoluta f'siġġijiet u voti, l-elezzjoni ġiet kundannata mill-pajjiż tal-Punent u minn Nazzjonijiet Uniti, iżda mfaħħra miċ-Ċina u mir-Russja!
Sabiex jippruvaw inessu din il-farsa elettorali quddiem id-dinja, qed juzaw il-ħelsien ta' Suu Kyi.
Issa jiddependi kif se jġib ruħu r-reġim, hekk kif Suu Kyi tidher deċiża li tibqà attiva fil-politika kontra dak li jidher li ried ir-reġim bħala kundizzjoni biex tinħeles. Infatti għada stess hi mistennija tindirizza rally tal-partit tagħha.
Ġurnalist tad-Democratic Voice of Burma, organizzazzjoni non-profit bażata fin-Norveġja u mmexxija minn eżiljati Birmani, Aye Min Soe ma tantx hu ottimist. F'intervista mal-ġurnal Taljan Il Foglio, hu qal li jinsab konvint li din m'hi xejn għajr logħba tal-ġunta li se tisserva b'Suu Kyi biex jibdew taħditiet mad-diversi gruppi etniċi li qed joħolqu wkoll l-inkwiet.
Wara jfittxu skuża biex joħolqu l-instabbilità u jakkużawhom b'terroriżmu, ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jiddikjaraw l-istat ta' emerġenza u jaħtfu l-poter assolut.
Fi kliem ieħor l-istorja ta' dak li ġara bejn l-1988 u 1990 terġa' tirrepeti ruħha mill-ġdid. Nistgħu biss nittamaw li le.
No comments:
Post a Comment