Il-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 7

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
Tieqa lejn l-Ewropa permezz tal-Italja
Nerik fisser ukoll li minkejja li Malta kienet taħt il-ħakma u fl-isfera Ingliża, kellha tinżamm dejjem miftuħa beraħ it-tieqa lejn l-Ewropa, lejn il-kontinent, evidentement tramite l-Italja. L-Italja li kienet iċ-ċirkwitu storikament mixgħul u ġeografikament agħar; l-Italja li kienet u setgħet allura tiffaċilita l-aċess Malti għall-Ewropa, għaċ-ċiviltà Ewropea, li kif kien jgħid hu, la kienet Għarbija u lanqas Afrikana; l-Ewropa Kattolika, Latina, meridjonali, Mediterranea, f’kuntrast jew f’konfront mal-Imperu Protestant, Nordiku u Anglo-Sassonu li kien jippossiedi lil Malta, u jqisha qabel kollox bħala fortizza għall-bżonnijiet Ingliżi u Imperjali.
L-istorja anki kontemporanja turi kif l-Italja, għar-raġunijiet tagħha, għal darba wara l-oħra interċediet għal Malta internazzjonalment u wieġbet għal sejħiet Maltin b’għajnuna finanzjarja u militari, irrispettivament minn min kien fil-gvern.
    Mizzi fisser ukoll l-ideal ta’ riavviċinament prattiku u kooperazzjoni andanti bejn l-Ingilterra u l-Italja fil-Mediterran. Huwa kien jiffavorixxi kemm jista’ jkun relazzjonijiet tajbin bejn l-Italja u l-Ingilterra, anki għaliex dan kien jarah fl-interess ta’ Malta u, fis-snin tletin, fl-interess akbar tal-Ewropa kollha, kontra t-tendenza ta’ eġemonija ġdida Tedeska li kienet bdiet tirranka.
Sfortunatament, min kien imexxi l-politika estera Ingliża fis-snin tletin, Sir Anthony Eden, kien stupidament iktar imxaqleb favur il-Ġermanja, skomdu u biċ-ċiera mal-Italja; jemmen li l-periklu prinċipali għall-Ewropa kien ġej minn Mussolini u mhux minn Hitler. Nerik Mizzi ma kellu l-ebda simpatija mal-Ġermanja u, sa fejn kien irredentist, l-iktar f’żgħożitu, huwa ħolom b’patt mal-pajjiż ġar, mhux mal-pajjiż ħakkiem, kif warajh ħolom ħaddieħor.
Patrijott li miet fqir
Mizzi fisser ukoll xempju ta’ onestà, ta’ integrità, ta’ bżulija u ta’ kuraġġ fis-servizz pubbliku, fil-ħidma sfiqa u fil-patrijottiżmu tiegħu; patrijottiżmu li għalih hu ta ħajtu, u li għalih sofra minn kollox, iktar minn kull politiku Malti ieħor; patrijottiżmu li minnu hu żgur qatt ma abbuża jew stagħna. Nerik Mizzi miet fqir, ma ħalliex ġid materjali, apparti dak li fil-milja tas-snin irriżulta direttament u indirettament mill-viżjoni u l-impenn politiku, soċjali u kulturali tiegħu.
Mill-perspettiva nazzjonalistika tal-lum, l-għarqub ta’ Akille fil-politika Mizzjana jista’ jitqies li kien dak dwar il-Malti bħala lsien li kellu jingħata statut uffiċjali, nazzjonali, fl-edukazzjoni u fil-qrati, bi skapitu tat-Taljan, u ġeneralment bħala staffa għall-Ingliż fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva. Malti jitkellem bil-Malti, Mizzi iktar milli kien kontra l-Malti bħala tali, bħala lsien nattiv vernakulari, kien kontra l-użu tiegħu jew l-abbuż minnu bħala politika sfurzata ta’ Ingliżazzjoni u de-Italjanizzazzjoni fi gżira tant qrib il-ġara, l-Italja b’patrimonju Taljan-Latin tul sekli sħaħ, gżira li ma riditx tinbela’ mill-Ingliżi u internazzjonalment tisfa iżjed iżolata u iżjed soppressa milli kienet.
Il-Malti la kellu orotgrafija u lanqas letteratura
Bir-rispett kollu, niftakru li l-Malti fi żmienu bil-kemm kellu ortografija waħda pprattikata, jew xi letteratura li setgħet tibda tikkompara ma’ dik Taljana, jew imqar ma’ dik Ingliża.
Għalhekk Mizzi kien jilmenta mill-ipokrezija Ingliża meta jara lill-Ingilterra teqred il-Galliku fl-Irlanda u timbotta l-Malti f’Malta, tiftaħ l-istituti kulturali fl-Italja u tagħlaq dak li kien hawn Malta. Paradossi oħra bħal dawn, il-famużi two weights and two measures, jew fi kliem Dimech ‘kodiċi taċ-ċomb għall-Maltin u ieħor tal-karta strazza għall-Ingliżi’, wasslu għall-famuża diċitura: ‘yes, but not in Malta’.
Fil-milja tas-snin, l-impożizzjoni u ċ-ċirkustanzi ffavorew lill-Ingliż kontra t-Taljan, li però minn Malta ma sparixxiex, għax kif kien jgħid Nerik: il-politika tinbidel, il-ġeografija le.
Mill-konfront Anglo-Taljan gawda l-Malti; ħarġet u ssopraviviet demokrazija parlamentari, pluralista; u kien Gvern Nazzjonalista, immexxi iktar prammatikament minn filjozz devot ta’ Nerik Mizzi, li fl-1964 għamel il-Malti lingwa nazzjonali f’kostituzzjoni ta’ nazzjon indipendenti u sovran.
Kienet il-viżjoni u l-iżvolta Ewropea-kontinentali li rrendiet ruħha f’indipendenza mill- Ingilterra fil-21 ta’ Settembru, 1964 u, bejn l-1957 u l-2004, issarrfet fi sħubija sħiħa tat-tliet pajjiżi kkonċernati fl-istess Unjoni Ewropea.
TMIEM
Għal darb’oħra nrringrazzja mill-qalb lill-Professur Henry Frendo talli qabel li nippubblika d-diskors prezzjuż tiegħu f’dan il-blog. Fl-istess ħin xieraq infakkar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi pubblikat il-ktieb ġdid tiegħu “Culture, Politics and the Future of Identity”(Midsea Publications).

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide