It-tielet elezzjoni f’sentejn fil-Moldova
Għada l-Ħadd, wara ftit aktar minn 15-il xahar, il-Moldavi se jkollhom jerġgħu imorru jivvutaw minħabba li l-gvern irriżenja għall-istess raġuni li kien xolja dak ta’ qablu. It-tielet elezzjoni fi żmien sentejn.
Vlad Filat, Prim Ministru attwali u President tal-Partit Liberali Demokratiku |
Iżda ħalli nfakkar fuq fuq x’inhija s-sitwazzjoni politika f’din l-eks satellita tal-Unjoni Sovjetika: l-ewwelnett, sa’ qabel appuntu l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra, l-Moldova kellha r-rekord xejn sabiħ tal-uniku pajjiż – wara l-waqa’ tal-Komunizmu fl-eks Unjoni Sovjetika u fl-Ewropa tal-Lvant – fejn l-elettorat, (l-inqas mis-60% li jmorru jivvutaw), kienu jissorpendu lid-dinja billi jagħtu maġġoranza lil partit imsejjaħ espressament ‘Partit tal-Komunisti tar-Repubblika Moldova’ (PCRM), u dan mhux darba, iżda tlett darbiet wara xulxin, f’elezzjonijiet meqjusa ħielsa u ġusti, għallinqas minn osservaturi internazzjonali.
Ġara li wara t-tielet elezzjoni in fila li, bla mistenni, f’April tas-sena l-oħra, ntrebħet mill-Komunisti, dawn ma setgħux jerġgħu jaħtru Komunista bħala President tar-Repubblika għax, minkejja li kienu żjiedu s-siġġijiet fil-parlament, kien jonqoshom ieħor għal 61 siġġu meħtieġa skond il-kostituzzjoni biex jaħtru president li riedu huma, u allura kellha tissejjaħ elezzjoni bikrija.
Dan għax dik id-darba l-oppożiżżjoni baqgħet magħquda, u ma kienx hemm xi partit – bħad-Demokristjani tal-PPCD li lkoll kienu vvutaw għall-President Komunista Vladimir Voronin – u xi 11-il deputati mill-partit liberali AMN. Żgur li dik kienet ir-raġuni l-għala l-elettorat lil dawn ma vvutalhomx fl-elezzjoni ta’ wara, bħalma ġralhom dawk kollha tal-PPCD, li fil-fatt kien spiċċa ma tella’ l-ebda deputat, u lanqas fil-parlament li għadda ma kellu rappreżentanti.
Intant niġu lura għal dak li ġara wara l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra:
Minkejja li l-Komunisti baqgħu l-ikbar partit, dawn kienu tilfu 12-il siġġu u naqsu kważi 5% tal-voti (għal 44.7%), filwaqt li l-erba’ partiti taċ-Ċentru li kienu fl-oppożizzjoni u kisbu siġġijiet fil-parlament rebħu 51.2% tal-voti u 53 siġġu kontra t-48 tal-Komunisti. B’hekk dawn aktar ma setgħux jaħtru l-president li riedu huma.
L-erba’ partiti taċ-Ċentru huma dak Liberali Demokratiku (PLDM, Ċentru-Lemin, li kiseb 18-il siġġu), il-Liberali (PL, Ċentru-Lemin, -15), id-Demokratiku (PDM, Ċentru-xellugi - 13) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN, Ċentru-Lemin, - 7), u f’Awwissu tas-sena l-oħra iffurmaw dik li ssejħet ‘Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea’.
Filwaqt li dawn bejnithom setgħu jiggvernaw u ffurmaw gvern immexxi mill-kap tal-PLDM Vlad Filat, xorta ma rnexxilhomx jaħtru l-president li xtaqu, Marian Lupu, kap tal-PDM. Lupu huwa post-Komunista u eks Ministru fl-aħħar tlett gvernijiet Komunisti tal-PCRM ta’ Voronin, minn fejn telaq f’Ġunju tas-sena l-oħra, għax qal li qatgħa qalbu li jirriforma l-PCRM minn ġewwa, iżda wkoll wara li Voronin ma kienx ħatru fil-Kunsill Suprem tas-Sigurtà tal-Moldova.
Intant sabiex joħorġu minn din is-sitwazzjoni u l-Moldova jkollha president, l-Alleanza fil-gvern approvat u għamlet referendum f’Settembru li għadda biex il-poplu jivvota jridx tibdil kostituzzjonali, ħalli jkun il-poplu direttament li jivvota biex jaħtar President tar-Repubblika.
Kważi 88% vvutaw favur it-tibdil, iżda minħabba li b’kollox ma marrux jivvutaw it-terz tal-elettorat meħtieġ, ir-referendum ma kienx validu, u allura issa l-poplu se jkollu jmur jivvota mill-ġdid għall-parlament.
L-aktar stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika li sar mill-Institute of Public Policy fis-7 ta’ Novembru poġġa lill-Partit Komunista u lil dak Liberali Demokratiku (PLDM) ras imb’ras, b’medja ta’ 36 u 35 siġġu rispettivament (medja ta’ 30% tal-voti kull wieħed).
Jekk ma’ dawn tal-Liberali Demokratiċi nżiedu s-16-il siġġu li mbassar li jikseb l-PDM u 14 tal-Liberali, allura l-Alleanza taċ-ċentru jista’ ikollha 65 siġġu (u 56% tal-voti), aktar milli biżżejjed sabiex jaħtru l-President tar-Repubblika, u tlett siġġijiet biss inqas miż-żewġ terzi biex ibiddlu l-kostituzzjoni.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li 62.6% ta’ dawk li wieġbu qalu li jivvutaw favur kieku jellu jsir referendum biex il-Moldova tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Ħaġa li għallinqas il-partiti kbar kollha Moldavi jaqblu magħha.
No comments:
Post a Comment