L-OPPOŻIZZJONI XELLUGIJA MA TITGĦALLEM QATT
Jidher li l-oppożizzjoni Centru-Xellugija fl-Italja ma fehmet xejn mil-lezzjoni ta' biss tmien xhur ilu. Bħalissa qed jaġixxu eżatt bħalma għamlu s-sena li għaddiet meta ppruvaw ikissru lill-Prim Ministru tal-gvern Ċentru-Lemini ta' Silvio Berlusconi ftit xhur biss qabel l-elezzjonijiet mid-term, (bħal dawk li fihom din il-ġimgħa il-President Amerikan Obama ħa tkaxkira nobis).Is-sena l-oħra, infatti, l-oppożizzjoni approfittat ruħha minn żewġ stejjer-bombi hekk imsejħa "roża" (għax fihom ikunu mdaħħla nisa jew tfajliet) li kien jisimhom Patrizia u Noemi, li ħarġu bihom xi ġurnali fl-ewwel paġna, minn ta' quddiem ix-xellugija La Repubblica, li għamlet jiem sħaħ tippubblika 10 mistoqsijiet lil Prim Ministru, fost tgħajjir u insulti li xejn ma għamlu ġieħ lill-Italja fix-xena internazzjonali, u li l-klima taħraq u ta' mibgħeda u disprezz li ħolqu laħqu l-quċċata, jew aħjar il-qiegħ, bix-xħit tal-istatwa tad-Duomo li ferit serjament lill-istess Prim Minkistru f'wiċċu.
Iżda r-riżultat ta' dan kollu x'kien? L-inkjesti li saru dwar il-każijiet rriżultaw, politikament, tempesta tal-karta, u fl-elezzjonijiet amministrattivi li saru f'Marzu l-Popolo della Libertà u l-Lega ħarġu rebbieħa, anzi saħħew l-appoġġ tal-poplu Taljan biex bdew jiggvernaw fi 11 mill-20 reġjun.
Iżda lanqas għaddiet sena, u minħabba li Fini waqqaf moviment għalih (dwar dan issibu l-aħħar tagħrif aktar 'l isfel), iċ-Ċentru-Xellugin qed jaħsbu li se ssir elezzjoni ma ddumx, u allura qed nassistu għall-istess xenarju ta' sena ilu.
Din id-darba t-tfajliet jisimhom Ruby u Nadia. Fl-istess jum li l-"każ" tal-ewwel waħda beda jinfaqà bħal bużżieqa, ħareġ dak ta' Nadia, bl-iskop li jġiegħlu lil Prim Ministru jirriżenja, mhux għal xi raġuni politika, iżda minħabba qlajjiet ta' relazzjonijiet ambigwi ma' xi tfajla jew oħra.
Wieħed, iżda, jrid jammetti li Berlusconi kultant ma jaħsibhomx u jipprovdi hu stess il-"porvli" biex il-ġurnali, il-media avversarja u l-oppożizzjoni, jattakkawh. Bħall-battuta dan l-aħħar, waqt l-inawgurazzjoni ta' fiera tal-muturi u roti, meta qal "Aħjar tħares lejn it-tfajliet milli tkun gay". Tgħidx xi storbju qajmu rappreżentanti ta' movimenti gay u wkoll min minn iqies ruħu "politically correct". Iżda għal dawn kollha forsi wieġeb is-sens komun ta' Vittorio Sgarbi meta staqsa illi kieku l-Prim Ministru qal "Aħjar tħares lejn il-gays milli tkun tfajla jew straight", allura n-nisa u dawk kollha li mhumiex gay għandhom jieħdu għalihom?!
Bossi u Berlusconi wara li rebħu l-elezzjonijiet amminis- trattivi tas-sena l-oħra,. minkejja l-kampanja ħarxa ta' qlajja' personali kontra l-Prim Ministru |
Il-verità hija li l-oppożizzjoni mhux qed jirnexxilha tattakka l-gvern Ċentru-Lemin fuq il-politika tiegħu, u mhix qed toffri (u dan mhux f'dawn l-aħħar xhur, iżda s-snin) proposti alternattivi.
B'hekk dak li jifdal, l-aktar fl-ewwel paġni tas-soltu ġurnali, huwa s-soltu antiberlusconiżmu b'kużitajiet li lill-biċċa l-kbira tal-eletturi Taljani m'għadhomx jinteressawhom, inqas u inqas meta jiġu biex jivvutaw.
-------------------------------
Imma dan Fini xi jrid?
Din hija l-mistoqsija li t-Taljani qed jagħmlu minn kemm li-Speaker tal-Camera dei Deputati Gianfranco Fini tlewwem ma' Berlusconi u waqqaf moviment politiku li miegħu issieħbu għadd ta' deputati tal-Popolo della Libertà, li hu stess kien waqqaf flimkien ma' Berlusconi.Fini flimkien mad-deputati li marru miegħu f"settembru kienu spiċċaw ivvutaw favur l-hekk imsejħa "Ħames Punti" li għandhom iwasslu l-koalizzjoni Ċentru-Leminija tibqà tiggverna sa' tmiem il-leġislatura, sal-2013, skond il-mandat tal-poplu.
Iżda proprju dalgħodu waqt l-ewwel kungress tal-moviment il-ġdid Futuro e Libertà, ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jirriżenja, jiddikjara kriżi governattiva, biex jiġi diskuss mill-ġdid il-programm tal-gvern, u tiġi verifikata n-natura tal-koalizzjoni u l-kompożizzjoni tal-gabinet. Kompla jgħid li l-moviment tiegħu la hu kontra l-Popolo della Libertà u lanqas kontra Berlusconi. Sempliċiment għandu proġett aktar ambizzjuż", għax dik il-fażi hija issa magħluqa. "L-elezzjonijiet ma rriduhomx, iżda ma jbeżżgħunix".
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara nofsinhar, il-Prim Ministru iżda wieġeb li m'għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja. Jekk Fini jħoss li l-esperjenza tagħhom fil-gvern intemmet, għandu jkollu l-kuraġġ u r-reponsabbiltà li jivvota kontra l-gvern fil-Parlament.
Dan it-taħwid u indeċiżjoni ta' Fini ħarġu wkoll f'intervista li ta llum stess lill-ġurnal Ġermaniż Welt am Sonntag, filwaqt iddeskriva żball l-għaqda tal-partit li kellu, Alleanza Nazionale, ma' Forza Italia, u qal li kien ikun aħjar kieku baqgħu separati, iżda jkomplu jimmarċjaw flimkien bħala alleati, qal dawn il-preċiżi kelmiet lill-ġurnal Ġermaniż:
"Il-Gvern ta' Berlusconi nħatar mill-poplu, u Berlusconi għandu mhux biss il-possibilità, izda wkoll id-dover li jiggverna sal-appuntament elettorali tal-2013. Huwa dakinhar biss li wieħed ikun jista' jitkellem dwar alleanzi ġodda. Fl-Italja hemm gvern b'maġġoranza qawwija, u elezzjonijiet qabel iż-żmien "illum joħolqu problemi kbar u riskjużi". Jekk il-gvern iwettaq dak li wiegħed, iżomm. Iżda hemm problemi, anmetta Fini.
Bir-raġun, allura, nistaqsu aħna wkoll: Imma dan Fini allura xi jrid? Forsi li sempliċiment ifittex jilħaq minflok Berlusconi u jmexxi l-gvern Ċentru-Lemini hu?!
No comments:
Post a Comment