Il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 6


Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

X’fisser Nerik għal pajjiżna?
Is-simpatiji Maltin għall-Italja la bdew minħabba l-avvent tal-Faxxiżmu fl-1922 u lanqas ma spiċċaw minħabba fih, iktar u iktar meta ftit kien hemm x’tagħżel bejn despotiżmu viċin tiegħek u ieħor f’artek stess. Kif se nuri fid-dettall imkien ieħor, f’nofs is-snin tletin, lil Mizzi nsibuh jissimpatizza mal-Italja meta permezz tal-Lega tan-Nazzjonijiet, l-Ingilterra, li kellha l-ikbar imperu tad-dinja inklużi l-Eġittu u s-Sudan, irsistiet iktar minn kulħadd għal sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Italja sabiex twaqqafha milli tieħu l-Abbissinja.
Patta qares; iżda f’ħajtu stess l-istorja sa ċertu punt irrijabilitatu.
X’fisser mela Nerik għal pajjiżna?
Immaġinaw x’pajjiż kienet tkun Malta, kenitx tkun pajjiż, kieku ħadd ma fetaħ ħalqu u ssogra ġildu biex jasserixxi l-jedd ta’ poplu, ta’ nazzjon, li gverta ta’ vapur ma kienx, u paljazza lanqas. B’liema dritt jiġi stranjier mistieden f’artek jordnalek biex malajr tibda titkellem b’ilsienu inkella b’rasek idur? Nerik fisser reżistenza għall-arroganza msarrfa f’assimilazzjoni forzata: reżistenza li għenet il-ħolqien ta’ kuxjenza nazzjonali u ta’ pluraliżmu politiku f’direzzjoni demokratika.
Kif urejt – fatti ftit li xejn magħrufa sal-lum – huwa offra u jfisser viżjoni moderna, aġġornata, fl-oqsma soċjali, sindakali u industrijali tal-politika soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna. Eżempju ta’ dan hi l-ħerqa tiegħu għad-devoluzzjoni u d-diċentralizzazzjoni, realizzata fl-1993 mill-ħolqien tal-kunsilli lokali eletti, illum miġbura fi 68 muniċipju. Eżempju ieħor hu l-leġiżlazzjoni dwar kumpens lill-ħaddiem għall-korriment fuq ix-xogħol, li wara, fl-1928, fl-1956 u fl-1987, żvolġiet fil-liġi tal- assigurazzjoni nazzjonali u tas-sigurtà soċjali.
Eżempju bikri ieħor kien l-hekk imsejħa liġi protettiva tal-monopolji, f’kuntrast mal-kummerċ ħieles tal-Imperu, sabiex timmotiva, trawwem u tassisti lill-industrija lokali ħalli hekk tkun tista’ tinbet u żżomm fuq saqajha, sija jekk din kienet inizjalment għall-produzzjoni tal-birra, tal-mirja jew tal-blanduni; liema politika sfat ikkonsolidata fl-1959 mill-Bord għall-Għajnuna lill-Industriji.
Dan tant tħaddem, speċjalment mis-snin sittin ’il quddiem, megħjun ukoll mis-self ta’ kapital Malti lil intraprendituri Maltin u oħrajn da parti tan-National Bank of Malta, primarjament f’oqsma industrijali u turistiċi. Kif kien bassar luċidament l-għaref pijunier Malti Nikola Zammit sa minn deċennji qabel – fix-xogħol għammiel tiegħu Malta e sue industrie – dawn kienu ħtiġiet fl-interess ta’ żvilupp pro-attiv Malti sabiex ixellfu d-dipendenza ekonomika fuq l-interessi Imperjali, ġeneralment effimeri u skont id-daqqa. Meta jfettlilha anki l-flotta tħalli l-port u ssorġi x’imkien ieħor. Għalhekk huma proposti u prospetti li kienu jirrikaċjaw mal-iżvolti Imperjali inċerti u instabbli tas-soltu, fejn l-interess Ingliż jew Imperjali kien dejjem jiġi l-ewwel bl-iskuża tal-fortizza, tal-kummerċ ħieles, l-istrateġija jew tal-protezzjoniżmu għall-prodott Ingliż. Dawn il-miżuri, ideati partikularment minn Mizzi, fasslu sodda għammiela għal żvilupp futur minn żmienu sa żmienna. Nerik kien jgħid li l-flotta Ingliża tħammeġ il-port, biex jemfasizza li l-editti navali Ingliżi ma kellhomx jieħdu u jingħataw preċedenza fuq il-kummerċ u l-intrapriża portwarja Maltija. Il-Port il-Kbir ma kienx tal-Ingliżi jew għall-Ingliżi; kien il-port ewlieni ta’ Malta u tal-Maltin.
L-awtonomija kienet titlu għal artek u l-ibħra tagħha, dak li fil-fatt tfisser is-sovranità.
• Ikompli ġimgħa oħra

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide