Il-Ħamis, 30 ta’ Diċembru 2010

Wara r-rebħa tal-Ħamas fil-Palestina

L-U.E. TWISSI LILL-PALESTINJANI DWAR IL-ĦAMAS
Angela Merkel iltaqgħat mal-mexxej Palestinjan Abbas

F'inqas minn ġimgħa wara li l-Ħamas ħarġu r-rebbieħa assoluti fl-elezzjoni li saret fil-Palestina, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea qablu mat-twissija tal-Prim Ministru Ġermaniż Angela Merkel li jekk il-Ħamas ma jiċħadx il-vjolenza u jagħraf lill-istat ta' Iżrael, mhux se jibqgħu jgħaddu għajnuna finanzjarja lill-Awtorità Palestinjana, li issa hija dominata mill-Ħamas.
Merkel għamlet din it-twissija waqt iż-żjara li qed tagħmel fir-reġjun, fejn il-bieraħ ingħaqdet mal-Aġent-Prim Ministru ta' Iżrael Eħud Olmert fl-ftiehmu biex ma jiddiljawx mal-Ħamas qabel dawn jirrikonoxxu lil Iżrael u jirrinunzjaw għall-vjolenza.
L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar donatur ta' għajnuna lill-Awtorità Palestinjana, 500 Miljun Ewro kull sena sa' mill-2003.

Il-Ħamis, 23 ta’ Diċembru 2010

Insara rrabjati għall-Kummissjoni Ewropea

GĦAL BRUSSELS IL-MILIED MA JEŻISTIX!
Il-Kummissjoni Ewropea qed tiġi attakkata għax ipproduċiet aktar minn tlett miljun kopja ta' djarju tal-Unjoni Ewropea biex jitqassam fl-iskejjel sekondarji tal-EU, iżda li fih m'hemm l-ebda riferenza għall-Milied, filwaqt li tinkludi festi Lhud, Ħindu, Sikh u Musulmani.
Id-djarju għas-sena li ġejja  hu maħsub bħala rigal tal-Kummissjoni lill-istudenti u jinkludi 51 paġna ta' tagħrif fuq karta tleqq dwar l-Unjoni, iżda l-Insara jinsabu rrabjati għax fis-sezzjoni tal-25 ta' Diċembru m'hemm l-ebda indikazzjoni li jiġi ċelebrat il-Milied fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, u meta dik Nisranija hija r-reliġjon tal-maġġoranza assoluta tal-Ewropej!
Dan filwaqt li, għal kuntrarju, bħalma bdejt ngħid, jissemmew festi ta' reliġjonijiet oħra, u wkoll anniversarji ewlenin tal-UE.
Johanna Touzel, kelliema għall-Kummissjoni Kattolika tal-Isqfijiet fil-Komunità Ewropea, sejħet dan in-nuqqas tal-festi Nsara bħala sorprendenti u li jbellħek. "Il-Milied u l-Għid huma festi importanti għal mijiet ta' miljuni ta' Insara u Ewropej. Hija ommissjoni stramba u nittama li ma saritx apposta", iddikjarat Touzel.
Martin Callahan, il-kap tal-Konservattivi Ingliżi fil-Grupp ĊentruLemini tal-Konservattivi u Riformisti fil-Parlament Ewropew (KRE) akkuża lill-Kummissjoni li aktar kien moħħha f'rigali ta' propaganda liż-żgħażagħ milli fl-ispirtu veru tal-Milied".
Imma kelliemi għall-Kummissjoni Ewropea sejjaħ id-djarju bħala "żball kbir, granċ" (blunder) għax il-Kummissjioni ma riedet toffendi s-sensibilità ta' ħadd, u li, anzi, darb'oħra l-festi reliġjużi se jitneħħew kollha mid-djarju biex b'hekk jevitaw il-kritika!!

Din hija soluzzjoni li ħafna qisuha bħala waħda ta' "lagħqiżmu", filwaqt li oħrajn raw fiha attentat aktar serju mill-mażunerija dinjija jew il-Marxisti globali biex jedukaw jew aħjar jindotrinaw liż-żgħar fil-prinċipji tal-"mondjalizzazzjoni" areliġjuża (mhux neċessarjament atea), u li l-UE hija l-antiċipu tagħha.

Ta' min infakkar li mit-Trattat ta' Lisbona kienu tħallew barra l-għeruq reliġjużi taċ-ċiviltà Ewropea, rikonoxxuti saħansitra minn min hu ateu, u li dan l-aħħar gruppi Kattoliċi ta' lobbying u anki membri parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) ilmentaw mal-Kummissjoni talli fil-kartolina tal-Milied għal din is-sena kien hemm miktub biss "Awguri tal-Istaġun", mingħajr ebda riferenza għall-Kristjaneżimu.

Nittamaw biss li dan kollu hu frott biss ta' political correctness mifhum ħażin, jekk mhux estrem.

L-Erbgħa, 22 ta’ Diċembru 2010

Is-Serata Kommemorattiva f'ġieħ Enrico Mizzi

PROSIT TASSEW LIL KULĦADD, imma ...
Attendejt b'ħerqa għas-serata fis-60 Anniversarju mill-mewt ta' Enrico  Mizzi, li kienet suċċess kbir. Ta' dan nifraħ nirringrazzja lill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi, biex b 'hekk niġbor lil kull min kellu x'jaqsam mal-organizzazzjoni.
Kien interessanti d-diskors tal-Professur Emeritu Dun Peter Serracino Inglott, li ġedded il-memorji tiegħu personali meta l-familja tiegħu kienet togħqod ftit 'l-isfel minn fejn kien jgħix Nerik fi Triq San Ġwann, il-Belt, u dan kien jispegalu il-għala hu, Nerik, kien tant kontra l-emigrazzjoni għax kien jara lill-patrija titlef l-aħjar nies tas-sengħa tagħha.
Imma jiddispjaċini nosserva li Serracino Inglott ma kienx preċiż meta l-ewwel donnu ried jagħti l-impressjoni li Enrico Mizzi kellu xi sehem fit-twaqqif tal-partit ta' Mussolini, mbagħad alluda li dan tal-aħħar kien Soċjalista (dan veru), u BAQA' Soċjalista (mhux veru), biex kompla b'dik li jiena personalment qist bħala ereżija politika meta l-kelliem qal li Enrico Mizzi kien meqjus bħala "xellugi"!
 Nittamaw li dan kien żball ġenwin tal-professur, u ma ridx iwettaq xi reviżjoni storika f'ġieħ xi 'riabiltazzjoni' li m'hemmx bżonnha jew lokha.
– L-istoriċi kollha jgħidulek li fi żmien Nerik li tkun xellug kien ifisser tkun Marxista, Soċjalista jew Komunista! Xellugi Malti  magħruf ta' dik l-era kien żgur Manuel Dimech.
Dak iż-żmien ma kienx hemm min jipprova jbenġel jew aħjar iħawwad l-imħuħ dwar dan,  bħal fi żmienna. Dak iż-żmien l-abjad kien jissejjaħ abjad u l-iswed (jew aħjar l-aħmar) kien jissejjaħ iswed.
– Issa kif qatt allura politiku bi twemmin sod ta' "Religio et Patria" jista' jiġi kunsidrat "xellugi"? Ma ninsewx li l-enċiklika Rerum Novarum li tant kienet għall-qalb Nerik, kienet tikkundanna l-idea xellugija tal-komunjoni tal-ġid, is-soċjaliżmu.
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min jemmen li veru li trid tejjeb il-qagħda tal-klassi tal-proletarjat, imma dan ma jfissirx li teqred jew iddgħajjef lil dik medja, li minfok għandha tiġi msaħħa?
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min, wara li darba, fl-Ewwel ta'  Mejju f'Malta kien tkanta l-Innu tal-Bandiera l-Ħamra, Nerik kien ipprotesta fil-Parlament, f'ismu u f'isem l-oppożizzjoni, u wara f'"Il-Patrija" kien kiteb sensiela ta' artikli dwar it-theddida tal-Komuniżmu f'Malta?
Dwar dan hemm ħafna iżjed x'jinkiteb, u 'l quddiem hekk beħsibni nagħmel.
Illum nagħlaq billi nerġà nirrepeti t-tama tiegħi li Serracino Inglott ma riedx juża l-kelma "xellug" li anki llum tistà tinftiehem ħażin, toħloq konfużjoni u konfondiment.
Bir-rispett kollu kien ikun aktar preċiż li wieħed qal – nittama li hekk ried jgħid il-professur – li Enrico Mizzi, għal żmienu kien meqjus radikali jew liberali, iżda żgur mhux xellugi!
Għax ix-xellugin jekk ma jirnexxilhom xejn, kienu kapaċi jdaħħluha, f’moħħ anki nies istruwiti, li kull progress soċjali huwa sinonimu max-xellug, ifisser xellug.
                      

Is-Sibt, 18 ta’ Diċembru 2010

Anniversarju li m'għandna ninsew qatt

60 SENA MILL-MEWT TA' ENRICO MIZZI

Parti biss mill-folla enormi (b'uħud kellhom jitilgħu fuq it-tiġrif tat-Teatru Rjal) li nġabret fit-toroq tal-Belt Valletta għall-funeral statali tal-Prim Ministru u Patrijott Kbir Malti li kien miet bħal nhar it-Tnejn 20 ta' Diċembru, tal-1950.
Sadattant għada l-Ħadd fil-Berġja ta' Kastilja fis-6 ta' filgħaxija se ssir Ċelebrazzjoni Kommemorattiva organizzata mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi.
Waqt is-serata, li se tkun taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Dott. Lawrence Gonzi, se jsir diskorsi dwar Enrico Mizzi mill-Imħallef Dott. Giovanni Bonello, mill-Professur tal-Filosofija Dun Peter Serracino Inglott, u wara  Dott. Philip Farrugia-Randon jaqra siltiet minn diskorsi ta' ġieħ lil Enrico Mizzi li kienu saru minn personalitaijiet distinti Maltin.
Dott. Lawrence Gonzi itemm b'diskors tal-okkażjoni.
Wara d-diskorsi tinfetah wirja ta' dokumenti uniċi marbuta ma' Fortunato u Enrico Mizzi.
Kulħadd jista' jattendi.

Lejn Dittatura Komunista fil-Venezwela

HUGO CHAVEZ B'POTERI ASSOLUTI
Proprju ftit ġimgħat qabel fil-5 ta' Jannar jitlef il-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet fil-kungress  wara r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru f'Settembru li għadda (ara l-blog tas-27/09), il-President Marxista tal-Venezwela Hugo Chavez grazzi għad-deputati tal-partit tiegħu nagħta poteri assoluti li jiggverna mingħajr l-approvazzjoni tal-kungress għal 18-il xahar.
Dan il-pass ġie kundannat kemm fil-Venezwela kif ukoll barra l-pajjiż. Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan fakkar kif din hija r-raba' darba minn kemm ilu jaħkem il-pajjiż mill-1999, li għadda liġijiet bħal dawn.
Fl-elezzjonijiet ta' Settembru l-Oppożizzjoni kisbet 67 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali ta' 167, bil-partit ta' Chavez jitlef 41 siġġu mill-139 li kellu, biex spiċċa b'98.
Chavez , għalhekk, qed jipprova jintimida l-oppożizzjoni in vista tal-elezzjoni għall-President tar-Repubblika li jmiss fl-2012.

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Diċembru 2010

Kieku Kellha ssir Elezzjoni Issa fl-Italja

JERĠÀ JIGGVERNA Ċ-CENTRODESTRA
Li kieku kellha ssir elezzjoni issa fl-Italja din tintrebaħ minn, u tkompli tiggverna l-koalizzjoni taċ-ĊentruLemin immexxija minn Silvio Berlusconi, minkejja li mill-Popolo della Libertà (PdL) telaq Fini u xi membri parlamentari oħra li ffurmaw grupp/partit għalihom.
Dan joħroġ minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-Euromedia Research din il-ġimgħa wara li l-gvern kiseb vot ta' fiduċja fil-parlament.
Minnu jirriżulta li l-partiti tal-koalizzjoni taċ-CentroDestra fil-gvern bejnithom jiksbu 45.2% tal-voti, mqassma hekk:
Popolo della Libertà: 30.2%; Lega Nord: 12.8%; La Destra: 1.8% u Alleanza di Centro: 0.4%.




Dan ifisser li filwaqt li t-tluq ta' Fini u deputati oħra itelflu mal-4% tal-voti li kien kiseb l-PdL fl-2008, dan xorta jibqa' l-ikbar partit fl-Italja, bid-dritt li jkompli jiggverna b'maġġoranza komda parlamentari li telliflu Fini. Jikkonferma wkoll kemm illum m'hemmx alternattiva għall-istess gvern.
Dan għax l-ikbar partit fl-oppożizzjoni, dak post-Komunista Partito Democratico (PD) ta' Bersani, mhux talli ma jżiedx il-voti kieku kellha ssir elezzjoni,  talli jkompli jnaqqas l-appoġġ li mit-33.2% li kien kiseb fl-aħħar elezzjoni, skond dan l-istħarriġ, jistà jinżel għal rekord baxx ta' 25.2%!
Minkejja, mbagħad, li l-partit ta' Di Pietro (Italia dei Valori) jżied b'1.4% għal 5.8%, u dak tax-Xellug  Sinistra Ecologia Libertà (ta' Vendola) jistà jġib 4.8% (+1.7), dawn flimkien mal-PD ilaħħqu biss 35.2%. Lanqas il-voti tad-diversi partiti żgħar l-oħra xellugin estremi jew imxaqilba lejn ix-xellug ma jkunu biżżejjed biex jiggverna x-Xellug, għax dawn (Federazione Sinistra - Komunisti ta' Bertinotti, ir-Radikali ta' Pannella u l-moviment ta' Grillo) mhux mistennija jaqbżu s-6 fil-mija bejnithom.
Dan għax il-bqija tal-voti, skond dejjem  l-istess stħarriġ tal-Euromedia, għandhom jitqassmu fuq il-partiti l-oħra taċ-Centru-Lemin preżentement fl-oppożiżżjoni (u li vvutaw l-isfiduċja fil-gvern): Unione di Centro (UDC) ta' Casini: 6.8%; Futuro e Libertà ta' Fini: 4.2%; u Alleanza per l'Italia (API) ta' Rutelli: 0.4%, li Berlusconi qed jittama li jikkonvinċihom jingħaqdu mal-gvern jew jappoġġjawh. 
Dan ifisser li ċ-Ċentru-Lemin kollu  huwa l-ikbar forza politika assoluta fl-Italja, għax jekk tgħodd dawn ma' dawk preżentement fil-gvern immexxi  minn Berlusconi, dawn ileħħqu 57.4% !
Ix-Xellug jistà biss jiggverna, jekk dawn il-partiti Ċentru-Leminin ta' Casini, Fini u Rutelli (li qed jippruvaw jiffurmaw dak li qed isejħu t-terzo polo), jingħaqdu ma' jew jappoġġjaw lix-Xellug tal-Partito Democratico u Di Pietro.
Dik, iżda, minbarra li tkun balbuljata, dawgħa politika bi ftit li xejn futur, ikun l-ikbar tradiment tar-rieda tal-poplu Taljan, poplu anti-Xellugi u Ċentru-Lemini fil-maġġoranza kbira tiegħu.
Naturalment dawn huma ċifri skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika li fih kien hemm, sa' din il-ġimgħa, 34.6% li kienu għadhom indeċiżi lil min u jekk imorrux jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni issa, iżda xorta huma indikjarazzjoni tajba ta' fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu, u l-opinjoni ġenerali dwar il-gvern preżenti taċ-CentroDestra.

L-Elezzjoni fil-Kosovo

RIŻULTAT IMĦAWWAD U GVERN INĊERT
Bħalma kien mistenni l-elezzjoni bikrija li saret il-Ħadd li għadda wara li l-gvern ta' qabel kien waqqa' lilu nnifsu (post tat-12 ta' Diċembru) tat riżultat imħawwad u inċertezza dwar x'forma se jieħu l-gvern. Dak ta' qabel xejn ma kien wieħed omoġenju b'koalizzjoni bejn l-ikbar partit, dak ĊentruXellugi, il-Partit Demokratiku (PDK), dak taċ-ĊentruLemin, Lega Demokratika (LDK) u tal-minoranza Serba, Liberali tal-Kosovo (SLS).
Riżultati preliminari juru li filwaqt li dawn iż-żewġ partiti prattikament baqgħu fejn kienu, dak liberali tas-Serbi (SLS) minn tlieta x'aktarx jispiċċa b'14-il siġġu, u diffiċli jiġi ffurmat gvern mingħajru.
Dan għax sorpriża oħra ta' din l-elezzjoni kienet li minn imkien tfaċċa fil-parlament il-moviment nazzjonalista Vetecendosje (Awtodeterminazzjoni) -LV, ta' Albin Kurt, li jrid l-awtonomija totali mis-Serbja biex jgħaqqad lil Kosovo mal-Albanija. Dan kiseb 12.2%, u x'aktarx ikollu 14-il siġġu wkoll fil-parlament Kosavari, ta' 120 siġġu.
Mela b'hekk għandna lill-minoranza Serba li, kontra d-direttiva tal-gvern Serb li riedhom jibbojkottjawha, marru jivvutaw bi ħġarhom u b'hekk it-turnout mill-aħħar elezzjoni żdied bi kważi 8%, u minn naħa l-oħra parti sostanzjali mill-maġġornanza Albaniża fil-Kosovo taw il-ġenb lill-partiti tradizzjonali biex kabbru  partit li jrid jgħaqqad il-Kosovo mill-ġdid mal-Albanija, bħalma kienet meta l-Jugoslvja kienet maħkuma mill-Komunista Tito.
Mal-partit ta' Kurt kemm il-PDK kif ukoll l-LDK ma jridux ikollhom x'jaqsmu.
Għalhekk li issa biex jerġa jgħaqqad gvern l-PDK tal-Prim Ministru Thaci jeħtieġ l-appoġġ ta' żewġ partiti oħra, x'aktarx ikollu jdur fuq l-Alleanza Ġdida tal-Kosovo (AKR) , l-Liberali Serbi u partit ieħor, żgħir, Serb. Koalizzjoni oħra xejn omoġenja ĊentruXellugija-leminija.
Il-ħasra hija li l-partiti taċ-Ċentru u tal-Lemin (LDK, AAK, AKR u LDD), bejnithom reġgħu kisbu il-maġġoranza tal-voti, 44.8% u, jekk issa nżiedu wkoll lin-Nazzjonalista Vetecendosje-LV, saħansitra 57% !
Iżda meta se jitgħallmu dawn li fl-għaqda hemm is-saħħa?
THACI AKKUŻAT BI TRAFFIKAR TA' ORGANI UMANI U DROGA
Sadattant din il-ġimgħa rapport ta' investigazzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa jakkuża lill-Prim Ministru Thaci li kien jittraffika f'organi umani u droga wara li fl-1999 intemmet il-gwerra tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Kosovo (UCK) kontra l-president Jugoslav Milosevic.
Dak iż-żmien Thaci kien il-kmandant tal-grupp gwerrillier Albaniż, iżda hu qed jiċħad li kellu x'jaqsam ma' dak it-traffikar.

Il-Ħamis, 16 ta’ Diċembru 2010

Fjask ieħor bħalma mbassar f'Kankun

VERU ĦMIR MARRU ...U MIJA TELQU!
Bħalma kważi kulħadd bassar sa' ġimgħat qabel beda, s-Summit dwar it-tibdil fil-klima tal-UNFCCC f'Kankun, l-istess bħal dak li kien ġara sena ilu f'Kopenħagen, ġimgħa ilu spiċċa fjask għax għal darb'oħra l-iskop ewlieni tiegħu, dak ta' ftehim (bħal dak fallut ta' Kjoto) li jorbot lill-pajjiżi li ħadu sehem fih sabiex inaqqsu aktar il-ħruġ tal-gassijiet CO2 baqa' ma ntlaħaqx, u dan reġà ġie pospost b'sena oħra għal summit ieħor li suppost għandu jsir f'Durban, fl-Afrika t'Isfel f'Diċembru tal-2011.
L-istess bħalma kien ġara f'Kopeħagen sena ilu, anki  
f'Kankun fil-Messiku matul is-Summit kontra 
l-Global Warming,it-temperatura qatt ma 
kienet daqshekk  baxxa f'Diċembru!
Infatti, minflok, sar qbil li din id-darba flok Copenhagen Accord qed jissejjaħ Cancun Agreement biex f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet  il-pajjiżi qablu li f'Durban jaqbu dwar ftehim ta' aktar tnaqqis ! Il-kliem eżatt huwa dan "agreeing that they shall aim to complete further commitments by rich countries to cut greenhouse gas emissions as early as possible".
Barra minhekk il-miri ambizzjużi li d-dinja tnaqqas b'xi 50% l-emissjonijiet, u l-pajjiżi żviluppati b'xi 80-95% twarrbu għal kollox biex issa qablu biss li "work towards identifying a global goal for substantially reducing global emissions by 2050", u dwar dan jippruvaw jiftiehmu fl-Afrika t'Isfel fi tmiem l-2011!
Bħalma ngħidu bil-Malti: Ħmir marru u mija telqu! U dan il-qawl Malti ma setgħax kien aktar xieraq!
Infatti – minkejja dak li qal il-President Marxista tal-Bolivja Morales – l-ikbar ħmir (il-pajjiżi żviluppati) qablu mat-twaqqif ta' dak li qed jissejjaħ  Green Climate Fund, b'wegħdiet vagi li jiġbru 100 Biljun Dollaru kull sena  sabiex biex mill-2020 jgħinu lill-pajjiżi fqar jadottaw teknoloġiji ħodor u jaffrontaw it-tibdil fil-klima. Allura Morales żgur m'għandux xi jgerger, għax f'dak li jirrigwardja lilhom – IL-FLUS li riedu jisolħu lill-pajjiżi 'kapitalisti' (veru ħmir!) – għamlu progress!
Mill-bqija x'fih aktar dan il-Cancun Agreement? Imma nkunu aktar preċiżi jekk ngħidu x'ma fihx?
Bdejt ngħid li l-pajjiżi qablu li sas-summit li jmiss tal-UNFCCC jaqblu dwar aktar tnaqqis tas-CO2. Iżda pajjiżi qed jiżviluppaw l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet, bħaċ-Ċina u l-Indja, għadhom jirrifjutaw li jintrabtu legalment ma' tnaqqis tal-emissjonijiet. Minħabba f'hekk, allura, lanqas il-pajjiżi żviluppati ma qablu ma aktar irbit legali, fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
Barra minhekk ma rridux ninsew insemmu li mal-Ġappun, din il-ġimgħa żdiedu r-Russja u l-Kanada li wkoll iddikjaraw li mhux beħsibhom jintrabtu b'xi Kjoto ieħor, għax fl-aħħar qed jirrealizzaw ukoll li "tiġdid ta' Kjoto la huwa mod effettiv u lanqas ġust biex jiġi affrontat tibdil fil-klima".
Minkejja dan kollu diġà rajna, qrajna u smajna, u f'dawn il-jiem se nibqgħu naqraw, naraw u nisimgħu, lil min isostni li jbellagħha lil min ma jkunx jaf il-fatti kollha, li s-summit ta' Kankun kien suċċess!

It-Tlieta, 14 ta’ Diċembru 2010

Il-Kriżi Parlamentari fl-Italja(2)

BERLUSCONI JIKSEB IL-FIDUĊJA  FIL-PARLAMENT

Wara li dalgħodu kiseb il-vot ta' fiduċja fis-Senato b'maġġoranza ikbar milli mistennija, nofs siegħa ilu tħabbar ir-riżultat fil-votazzjoni tal-Camera dei Deputati fejn il-gvern Ċentru-Lemini hemmhekk ukoll kiseb il-fiduċja, bi 314 vot favur u 311 kontra.
Dan ifisser li l-gvern ta' Silvio Berlusconi, wara l-vot ta' fiduċja li kien kiseb f'Settembru li għadda (bil-voti favur ukoll tad-deputati ta' Fini li kienu ħarġu mill-Popolo della Libertà), reġà kiseb il-fiduċja tal-Parlament, minkejja li din id-darba d-deputati Finjani vvutaw kontra, apparti tlieta li vvutaw favur il-vern, Gianpiero Catone, Maria Grazia Squillini u Catia Polidori (li minħabba f'hekk ġiet mgħajjra u attakkata fl-awla minn deputati tal-oppożizzjoni), filwaqt li ieħor, Silvano Moffa astjena.


Deputati tal-gvern jifirħu u jxejru bnadar tal-Italja wara
l-vot ta' fiduċja. Fini ma felaħx u għalaq is-seduta!
Anki barra l-bini tal-parlament kien hemm il-vjolenza meta għadd ta' dimostranti, suppost studenti, iżda fil-fatt is-soliti anarkiċi, radikali u estremisti xellugin attakkaw il-pulizija u ppruvaw jinvadu s-Senat.


L-ikbar tellief huwa żgur l-eks alleat ta' Berlusconi u ko-fundatur tal-ikbar partit Popolo della Libertà, Fini li pprova jwaqqa' l-gvern taċ-ĊentruLemin li l-poplu kien tellgħu bħala kandidat fi ħdan l-istess PdL, u ma rnexxielux, u li issa l-irġulija titlob li għallinqas jirriżenja mill-kariga ta' Speaker tal-Camera, jekk mhux mill-parlament ukoll.

Il-Kriżi Parlamentari fl-Italja

IL-GVERN TAĊ-ĊENTRU LEMIN JIKSEB IL-FIDUĊJA FIS-SENAT
B'maġġoranza komda ta' 162 favur u 135 kontra l-gvern taċ-Ċentru-Lemin nofs siegħa ilu kiseb il-fiduċja fis-Senat. Maġġoranza saħansitra ikbar milli mistennija.
B'sorpriża id-deputati fil-partit Futuro  e Libertà (imwaqqaf mill-eks alleat fil-Popolo della Libertà u fil-gvern, li-Speaker tal-Camera dei Deputati Gianfranco Fini) minflok ivvutaw kontra, astjenew. Anki kieku vvutaw kontra l-gvern kien xorta waħda jikseb il-fiduċja.

Issa jmiss il-votazzjoni fuq mozzjoni ta' sfiduċja mressqa mill-oppożizzjoni fil-Camera dei Deputati, li r-riżultat tagħha huwa inċert, u mistenni jkun magħruf għal ħabta tas-sagħtejn ta' wara nofsinhar.

Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 2010

Elezzjoni Kurjuża fil-Kosovo

 Gvern li kien waqqa’ lilu nnifsu
Illum qed issir elezzjoni kurjuża fil-Kosovo. Hemmhekk tressaq vot ta’ sfiduċja, minn partit fl-oppożizzjoni. Din xejn ma hija ħaġa ġdida. Il-kurjuża hija li l-istess gvern tal-Kosovo appoġġa, kważi ‘organizza’ il-waqgħa tiegħu, li wasslet għal elezzjoni bikrija li l-partit fil-gvern ried b’qawwa kbira.
Tgħid l-elezzjoni tal-lum se twassal għal soluzzjoni
finali tal;-problemi filp-Kosovo jew se tkompli
taggravhom?
Wara li ntemmet il-gwerra għall-indipendenza tal-Kosovo (bi 92 tal-popolazzjoni Albaniża) mis-Serbja u l-pajjiż beda jiġi ggvernat minn Nazzjonijiet Uniti, bit-tama li tinstab soluzzjoni għall-awtonomija tal-Kosovo. Meta s-Serbja appoġġjata mir-Russja m’aċċettatx il-pjan tal-NU li miegħu qablu l-Unjoni Ewropea u l-Amerika, il-Kosovari fl-2008 iddikjaraw il-pajjiż repubblika. Wara li n-NU irreferit l-każ lilha, f’Lulju li għadda l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ssentenzjat li d-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo ma kenitx tmur kontra l-Liġi Internazzjonali. Il-pajjiż s’issa ġie rikonnoxxut minn 73 pajjiż, inkużi dawk tal-Unjoni Ewropea fosthom Malta, għajr għal Spanja u l-Greċja.
F”Settembru s-Serbja aċċettat li tibda taħditiet uffiċjali mal-Kosovo għal soluzzjoni finali, wara li ġiet imwissija li jekk ma tagħmilx dan ma kienx se jsir aktar progress lejn is-sħubija tas-Serbja fl-Unjoni Ewropea.
Aktar pajjiżi kienu lesti jirrikonoxxu l-pajjiż, iżda din l-aħħar krizi politika fil-pajjiż waqqfet dan kollu, għax iddgħajjef il-pożizzjoni ta’ Kosovo intabbli, ħtija ta’ klassi politika mhux matura biżżejjed.
Iżda kif bdiet din il-kriżi? Kollox beda meta l-President tar-Repubblika Fatim Sejdiu kellu jirriżenja f’Settembru li għadda meta nstab li hu mhux suppost baqà kap tal-partit tiegħu, il-Lega Demokratika (LDK). Ħaġa li hu qal li ma kienx jaf li ma setgħax jagħmel, u li effettivament hu ma kienx baqa’ jeżerċita l-kariga ta’ mexxej tal-partit.
L-għada l-LDK, Ċentru-Lemini, ħabbar li ma kienx se jibqà jagħmel parti mill-gvern ta’ koalizzjoni maċ-Ċentru-Xellugi Partit Demokratiku (PDK) tal-Prim Ministru Hashim Thaci.
Hawnhekk it-tielet l-ikbar partit, l-Alleanza Ġdida tal-Kosovo (AKR), Ċentrista Liberali, ressaq mozzjoni ta’ vot ta’ sfiduċja fil-gvern …li iżda ġiet appoġġjata wkoll mill-istess partit tal-Prim Ministru Thaci!
Skond l-aktar ġurnal popolari, Koha Ditore “imkien fid-dinja ma kien hemm gvern li waqqa’ lilu nnifsu u talab li dan jinbidel. Fil-Kosovo biss setgħat tiġri ħaġa bħal din.”
Iżda l-PDK jidher fiduċjuż li jerġà jirriżulta l-ikbar partit wara l-elezzjoni ta’ għada, l-ewwel waħda minn meta l-Kosovo ddikjara l-indipendenza. X’aktarx li din id-darba jipprova jifforma gvern ma’ proprju mal-AKR li ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja u li kien twaqqaf mill-ikbar sinjur Albaniż fid-dinja, Behgjet Pacolli.
Mil-banda l-oħra l-LDK ma tantx kien ferħan b’din l-elezzjoni bikrija għax, fost raġunijiet oħra, sostna li l-kampanja elettorali kienet qasira wisq, u l-partit qatt ma kien favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-gvern.
Minn meta fl-2006 miet il-kap-fundatur Ibrahim Rugova, mexxej storiku tal-ġlieda paċifika għall-indipendenza tal-Kosovo, l-LDK baqà ma ħax ruħ. Il0-prtit inqsam f’Ottubru b’eks ministru u iben Rugova, Uke, jiffurmaw lista ċivika msejħa  ‘LDK-Ibrahim Rugova’ u jikkontestaw l-elezzjoni.
F’Novembru mbagħad saret l-elezzjoni għall-kap fejn post l-eks President tar-Repubblika Sejdiu ħadu s-sindku tal-belt kapitali Pristina, Isa Mustafa, u li permezz tiegħu l-partit qed jittama li jieħu vantaġġ mill-popolarità tiegħu.
Fost il-partiti l-oħra li qed jikkontestaw hemm tlieta taċ-Ċentru-Lemin: l-Alleanza għall-Futur tal-Kosovo (AAK), il-Partit Demokratiku Kristjan Albaniż (PSHDK) u l-Lega Demokratika tad-Dardanja (LDD), magħmul minn deputati li kienu telqu mill-LDK.
Dawn, flimkien mal-LDK u l-AKR fl-aħħar elezzjoni bejnithom kisbu 44.5% tal-voti, kontra l-34.3% li kien kiseb il-PDK. Iżda jekk ma jingħaqdux fi front wieħed, bħal f’pajjiżi oħra, u minflok jinqasmu aktar, din is-saħħa ma tfisser xejn, u jirbaħ ix-Xellug.
Dan qed jitgħallmuh l-qawwiet politiċi kollha li ma jridux lix-Xellug fil-gvern, ikun ta’ liema sura jkun, aħmar, roża, aħdar jew bħad-dulliegħ (minn barra ħadra izda minn ġewwa ħamra), u waħdu jew f’koalizzjoni mal-vojt ideoloġiku taċ-ċentristi, li jew jispiċċaw maħkuma mix-xellug, jew inkella inevitabilment ma “jsaddux”, bi kriżi governattiva wara oħra. U fil-Kosovo?

Summit Ieħor Fjask dwar il-'Klima'

FLOK ACCORD ...AGREEMENT ...IEĦOR TA' PAROLI BISS !!

Bħalma kważi kulħadd bassar sa' ġimgħat qabel beda, s-summit dwar it-tibdil fil-klima tal-UNFCCC f'Kankun, l-istess bħal dak li kien ġara sena ilu f'Kopenħagen, is-Sibt filgħodu kmieni ntemm fi fjask għax għal darb'oħra l-iskop ewlieni tiegħu, dak ta' ftehim (bħal dak fallut ta' Kjoto) li jorbot lill-pajjiżi li ħadu sehem fih sabiex inaqqsu aktar il-ħruġ tal-gassijiet CO2 baqa' ma ntlaħaqx, u dan reġà ġie pospost b'sena oħra għal summit ieħor li suppost għandu jsir f'Durban, fl-Afrika t'Isfel f'Diċembru tal-2011.

Infatti, minflok, sar qbil li din id-darba flok Copenhagen Accord qed jissejjaħ Cancun Agreement biex f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet  il-pajjiżi qablu li f'Durban jaqbu dwar ftehim ta' aktar tnaqqis ! Il-kliem eżatt huwa dan "agreeing that they shall aim to complete further commitments by rich countries to cut greenhouse gas emissions as early as possible".


L-istess bħalma kien ġara f'Kopeħagen sena ilu, anki  f'Kankun fil-Messiku matul is-Summit kontra l-Global Warming, it-temperatura qatt ma kienet daqshekk  baxxa f'Diċembru! Jiġifieri anki dawk li marru hemm bit-tama li jgħaddu għaxart ijiem jilgħaqu x-xemx u jgawdu l-baħar baqa'f'wiċċhom.

Dwar dan il-falliment nikkummenta fit-tul aktar tard din il-ġimgħa

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Diċembru 2010

Il-Protesti Vjolenti fl-Italja u fl-Ingilterra

DAWN MA HUMA STUDENTI XEJN !
Kulħadd żgur semgħa bid-dimostrazzjonijiet ta' protesti f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, minħabba miżuri li kellhom jieħdu l-gvernijiet tagħhom. Dan l-aħħar bdew jipprotestaw ukoll l-istudenti li, bħal kulħadd, għandhom dritt jipprotestaw. Il-problema hija li ħafna drabi dawn il-protesti qed jispiċċaw fil-vjolenza.
Attakki vjolenti kontra l-pulizija. Tkissir ta' bini pubbliku iżda anki proprjetà privata. Invażjoni ta' istituzzjonijiet statali, simboli tad-demokrazija bħas-Senat Taljan jew il-kwartieri tal-partit elett mill-poplu biex imexxi r-Renju Unit, u wkoll attakki fuq il-familja rjali Ingliża.
Dawn Le! Dawn mhumiex drittijiet ċivili. Huma abbużi mil-libertà. Għalhekk kundannabbli.
Iżda huma biss il-fidili jew  min irid iqarraq li jibqà jinsisti jsejħilhom "studenti".
DAWN MA HUMIEX STUDENTI
F'ras dawn il-protesti vjolenti hemm sempliċi delinkwenti armati, vjolenti, kriminali,  anarkiċi, rivoluzzjonarji Xellugin, iżda fl-istess ħin kodardi, b'wiċċhom mgħotti, mxewxa u apoġġjati mill-oppożizzjoni uffiċjali (bħal fl-Italja meta l-mexxej tal-post-Komunisti msejħa "Demokratiċi", Bersani ingħaqad magħhom u telgħa saħansitra fuq bejt biex juri l-appoġġ tiegħu!
L-istess bħalma kien jiġri fis-Snin Sittin, eżattament fl-1968.
Għalhekk nappella lill-media biex ma jibqgħux iwaħħlu fl-istudenti.
Jaqtgħuha din ta' protesti vjolenti minn STUDENTI!

Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru 2010


Fortunato (1844-1905)          Enrico (1885-1950)
        Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato            u ibnu Enrico Mizzi

Bi pjaċir kbir ilqajt it-twaqqif dan l-aħħar ta' Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato u ibnu Enrico Mizzi għax, kif jgħidu t-Taljani, "Era ora". 
L-għanijiet ta' din il-Fondazzjoni jinkludu l-għarfien aħjar tal-kontribut ewlieni ta' dawn iż-żewġ personalitajiet ewlenin fl-istorja riċenti ta' Malta, li tippreserva l-arkiviji tagħhom u li tassigura li l-aċċessibilita' tal-arkivji tagħhom għar-riċerkaturi storiċi, politiċi u kulturali. Dawn l-arkivji huma sors ewlieni għar-rigward tal-iżvilupp tal-ħajja politika, kulturali u soċjo-ekonomika ta' Malta. 
 Il-viżjoni ta' Fortunato Mizzi, segwita minn dik ta' ibnu Enrico Mizzi welldet moviment kulturali u soċjali mmirat lejn it-titjib ta' kundizzjonijiet soċjali, lejn il-kwalita' ta' ħajja aħjar u ġustizzja soċjali mibnija fuq il-valuri nsara. Dan il-moviment soċjo-kulturali ssawwar u nfirex permezz ta' strumenti demokratiċi fit-twaqqif ta' partit politiku rappreżentattiv ta' moviment poplari imsaħħaħ bl-istampa ta' ġurnal politiku. Din il-viżjoni riflessa fil-ħidma tagħhom permezz ta' dawn l-istrumenti politiċi, fis-snin bikrin tal-ġlieda għal demokrazija libera fil-qofol tal-kolonjaliżmu f'Malta, hija patrimonju politiku fl-identita' nazzjonali ta' pajjiżna. 
 L-impenn politiku ta' Fortunato u Enrico Mizzi – flimkien ma' ta' oħrajn – taw bidu għall-proċess lejn l-Indipendenza ta' Malta, mill-Moviment Anti-Riformista fl-aħħar tas-Seklu Dsatax, għal dak Kostituzzjonali mill-bidu sa nofs is-Seklu Għoxrin meta miet Enrico Mizzi fl-1950. Dan il-moviment tmexxa u żviluppa minn Fortunato u Enrico Mizzi kemm bħala Kapijiet tal-Partito Nazionale (1880) u tal-Partit Democratico Nazionalista (1921), li minnhom żviluppa l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bħala ġurnalisti u edituri ta' gazzetti politiċi fil-bidu tal-ġurnaliżmu f'Malta. 
 Il-Bord tal-ewwel Gvernaturi tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi huma l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Lawrence Gonzi, il-Monsinjur Fortunato Mizzi ( li flimkien uffiċjalment waqqfu l-Fondazzjoni fis-26 ta' Novembru), il-Viċi Kap tal-PN, Dr. Tonio Borg, is-Segretarju tal-PN, Dr. Paul Borg Olivier, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, Paula Mifsud Bonnici, l-Imħallef Emeritus tal-Qorti Ewopea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr. Giovanni Bonello, il-President tal-Istitut Mediterranju, Dun Peter Serracino Inglott u l-President tal-Moviment Azzjoni Soċjali, Carmelina Debono.
Is-Sur Richard Muscat huwa s-Segretarju tal-Fondazzjoni. 

Il-Ħamis, 2 ta’ Diċembru 2010

Is-Summit tal-Klima f'Kankun jibda b'Disfatta

IL-ĠAPPUN MA JRID JAF BL-EBDA KJOTO IEĦOR

Is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li qed jiltaqa' f'Kankun fil-Messiku ma setgħax kellu bidu agħar: fl-ewwel jum tal-ftuħ nhar it-Tnejn il-gvern Ġappuniż ħabbar li jekk ma jintlaħaqx ftehim dswar protokoll ieħor qabel dak jiskadi fl-2012, mhu se jaqbel ma' l-ebda estensjoni tal-Protokoll ta' Kjoto, .
In-negozjatur Ġappuniż fis-summit, Jun Arima ddikjara li l-Ġappun mhu se jiffirma l-ebda ftehim għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (CO2) taħt l-ebda kundizzjoni u l-ebda ċirkustanza.
"Anki jekk il-Protokoll ta' Kjoto isir is-suggett ewlieni fuq l-aġenda ta' Kankun, u l-Ġappun isib ruħu iżolat dwaru, il-Ġappun mhux se jaqbel miegħu," qal Hideki Minamikawa, il-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Ambjent Ġappuniż.
Dawn  id-dikjarazzjonijiet ssorprendew diversi delegazzjonijiet oħra għax ġejjin proprju mill-pajjiż li fih il-protokoll kien ġie adottat, fi Kjoto f'Diċembru tal-1997, biex imbagħad sar effettiv fi Frar tal-2005, bi ftit li xejn effett, riżultati, tant li ftit huma dawk li llum mhux iqiesuħ bħala fallut.
Dan għax filwaqt li l-protokoll ġie ratifikat minn 192 pajjiż – bi 73 pajjiż industrjalizzat kienu ntrabtu li jnaqqsu s-CO2 tagħhom b'5.2% fuq il-livelli tal-1990 – dawn ma rnexxilhomx inaqqsu l-emissjonijiet b'mod distingwibbli, viżibbli f'dawn l-aħħar 15-il sena (skond rapport li l-London School of Economics ħarġet din is-sena, il-Hartwell Paper), u fuq kollox l-aktar żewġ pajjiżi li jipproduċu CO2 – iċ-Ċina u l-Istati Uniti – mhumiex marbutin bil-protokoll u ma tanxt jidhru li se jintrabtu b'xi protokoll simili.
Din tal-Ġappun hija daqqa ta' ħarta kbira meta tqies li s-Summit ta' Kankun – li qed ilaqqa' 194 rappreżentati ta' gvernijiet u mijiet ta' gruppi  mhux governattivi – suppost qed jiltaqa' biex n-negozjaturi jaqblu fuq trattat ġdid li jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet CO2, biex jieħu post dak ta' Kjoto jiskadi sentejn oħra.
Qed ngħid "suppost" għax wara li dan ma kienx rnexxilhom jilħquh f'dak ta' Kopenħagen, din id-darba mhux qed jissemma' wisq bħala l-iskop ewlieni ta' dan is-summit, u wkoll għax ħafna policy makers ilhom xhur iwissu u rassenjati li minn Kankun mhux jistennew progress sinifikanti, u żgur mhux xi trattat li jorbot – jiġifieri se jkollna ripetizzjoni ta' dak li ħareġ minn Kopenħagen sena ilu – F J A S K  !
Din il-pożizzjoni tal-Ġappun qed tkompli ddakkar lil pajjiżi oħra li minn wara Kopenħagen u l-iskandlu Climategate qed jaħsbuha sew qabel jintrabtu b'aktar miżuri. Issemmit New Zealand li kienet wieħed minn ħames pajjiżi biss mhux Ewropew li kienu minn tal-ewwel li ffirmaw it-Trattat ta' Kjoto 13-il sena ilu.
Minn kalkoli li saru fi New Zealand proprju f'dawn il-jiem, ġie mbassar li jekk il-gvern jintrabat għal aktar tnaqqis ta' CO2, eżattament xiri ta' carbon credits minn pajjiżi oħra, jkabbar il-piż fuq il-kontijiet tal-pajjiż, mingħajr ebda gwadann f'fondi jew dħul ieħor.
Barra minhekk, kieku New Zealand kellu jerġà jintrabat b'xi protokoll ieħor, ikun l-uniku pajjiż, minn fost dawk li ffirmaw dak ta' Kjoto, apparti l-Ewropa, li jagħmel dan. Infatti l-Kanada, r-Russja, l-Istati Uniti – aktar u aktar wara li r-Repubblikani kisbu l-maġġoranza fil-Kamra – u probabbilment anki l-Awstralja m'għandhom l-ebda ħsieb ta' xi Kjoto ieħor. U ma' dawn issa żdied il-Ġappun ukoll.
Biex ma nsemmix lill-Unjoni Ewropea – l-uniċi pajjiżi li għadhom jinsistu għal aktar irbit ta' trażżin ta' CO2 – li qed jixhdu ċerti dubji u jgħidu li f'Kopenħagen kienu ttieħdu 'for granted', iżda issa mhux beħsibhom jaqblu ma' xi Kjoto 2 sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma joffrux xi ħaġa bħala kumpens jew in cambio.
Dan ikun ifisser li Kjoto 2 jispiċċa ma jorbotx pajjiżi li bejnithom jipproduċu 84% tas-CO2 fid-dinja!
Mhux aħjar, allura, l-għexiren ta' eluf li hemm f'Kankun ifittxu jmorru lura lejn  pajjiżhom u ma jkomplux jikkunsmaw aktar CO2?! Għax ta min ifakkar li kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendew delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivisti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena! ... dak kollu għalxejn!
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide