FILM TORK ANTI-SEMITA MIŻMUM MILLI JIBDA JINTWERA LLUM
Illum id-dinja kollha ċivilizzata qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Olokawstu, ċjoè tifkira tal-qtil tal-massa, ġenoċidju sistematiku, tal-Lhud fi żmien ir-reġim Nażista bejn l-1941-45 fl-Ewropa, li ssarraf fil-mewt ta' il fuq minn sitt miljun Lhudi (Ara l-blog ta' sena ilu, 27/01/10).Iżda jekk taħsbu li l-anti-semitiżmu xi ħaġa tal-imgħoddi, qed tiżbaljaw bl-ikraħ.U hawn mhux qed nirreferi biss għal dak tal-Għarab. Biżżejjed taqraw il-ktieb ferm interessanti ta' Denis MacShane "Globalising Hatred: The New Antisemitism" (araw is-suġġerimenti tiegħi fil-kolonna xellug) biex tirrealizzaw dan.
Intant proprju din il-ġimgħa kellna prova oħra, jekk kien hemm bżonnha.
Fil-Ġermanja – il-benniena tal-ikbar moviment anti-Semitiku li qatt eżista, dak Nażista ta' Hitler li wassal appuntu għall-Olokawstu – kumpanija tal-films Torka riedet toħroġ il-film Kurtlar Vadisi - Filistin (Valley of the Wolves - Palestine) dwar l-attakk tas-sena l-oħra minn truppi Iżraeliti fuq il-bastiment Tork 'Mavi Marmara', li kien ipprova jkisser l-embargo ta' Gaża. U tafu meta riedet toħroġ il-film? Proprju llum s-27 ta' Jannar biex jikkoinċidi, appuntu, mal-Jum Internazzjonali tal-Olokawstu!
Bir-raġun kollu, għalhekk, li l-Assoċjazzjoni tal-Kontrol fuq il-Films (FSK), jew il-bord tal-klassifikazzjoni tal-films fil-Ġermanja, ma ħallix li l-film jibda jintwera minħabba l-elementi anti-semitiċi u kontra Iżrael li fih il-film.
Apparti dan il-kontenut tal-film, li żgur inissel sentimenti kontra l-Lhud u Iżrael, politiċi kemm minn naħa tal-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni, ikkundannaw l-għażla tad-data li riedu joħorġu l-film għax tixhed nuqqas ta' rispett lejn il-vittmi tal-Olokawstu, fi kliem id-deputat Demokristjan Philip Missfelder, filwaqt li d-deputat tal-Ħodor Jerzy Montag sejjaħ l-istess għażla tad-data bħala "irresponsabbli".
Fil-Ġermanja hemm komunità Torka kbira li żgur tiġi influwenzata minn propaganda bħal dik f'dan il-film Tork, filwaqt li wieħed ma jistax ma jfakkarx kif l-istess Turkija qed dejjem iżjed titbiegħed mis-sekulariżmu li kien daħħal Kemal Ataturk, u tersaq aktar lejn ix-Xarija, il-fundamentaliżmu Islamiku.
Kemm il-film huwa propaganda anti-Iżrael tixhdu d-deċiżjoni tal-kummissjoni ta' inkjesta miż-zewġ naħat tal-parlament ta' Iżrael li qieset l-attakk tal-qawwiet armati Lhud fuq il-bastiment Tork bħala ġustifikati, filwaqt li għal aktar tagħrif dwar dak l-attakk tistgħu taraw il-blogs tal-31ta' Mejju, u tat-2 u 5 ta' Ġunju 2010.
Sadanitat bħalissa f'Kastilja hemm wirja bl-isem ta' "Anne Frank: Ġrajja għal Żminijietna" organizzata minn Karl Borg bil-kollaborazzjoni ta' Anne Frank House. Anne Frank kienet mietet ta' 15-il sena f'kamp ta' konċentrament, iżda qabel kienet leħqet kitbet djarju. Il-wirja hija miftuħa kuljum sat-18 ta' Frar bejn id-9 am u s-7pm, u s-Sibt u l-Ħadd mid-9am sas-1pm.
No comments:
Post a Comment