IL-GVERN ĊENTRU-LEMINI JKOMPLI JISSAĦĦAĦ
Eżatt bħalma kien bassar il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi f'Diċembru wara li għeleb il-voti ta' sfiduċja mressqa mill-oppożizzjoni u l-eks alleati Finjani, il-gvern ĊentruLemini ma' kull votazzjoni qed ikabbar il-maġġoranza filwaqt li l-oppożizzjoni qed tkompli tiddgħajjef, anki internament.Dan seħħ kollu f'ġurnata waħda, illum, u leħaq il-qofol bil-gvern jirnexxielu jegħleb il-vot ta' sfiduċja fil-Minstru tal-Kultura Sandro Bondi, mressaq mill-oppożizzjoni minħabba li ġġarrfet dar ta' żmien ir-Rumani f'Pompei!
Mis-608 deputati preżenti fil-Camera dei Deputati, 314 ivvutaw kontra l-mozzjoni, filwaqt li 291 (mill-oppożizzjoni) ivvutaw favur il-mozzjoni. Jiġifieri maġġoranza ta' 22 vot.
Dan ifisser li mill-vot ta' ġimgħa ilu, meta l-gvern għadda l-Liġi Alfano b'20 vot, issa żjied tnejn oħra, u saħansitra19-il vot fuq l-vot 'storiku' ta' fiduċja tal-14 ta' Diċembru.
ID-DAR LUSSUŻA TA' MONTECARLO ...TGĦID ISSA JIRRIŻENJA FINI?
Iżda din ma kenitx l-unika disfatta illum għall-oppożizzjoni: Fil-Procura ta' Ruma ġew depożitati d-dokumenti li bagħat il-gvern ta' Santa Lucia li jippruvaw li ż-żewġ kumpaniji off shore li magħhom kienet reġistrata d-dar f'Montecarlo li kien wiret il-partit ta' Fini (Alleanza Nazionale), huma proprjetà ta' Giancarlo Tulliani, ħu s-sieħba ta' Fini, Elisabetta, u dan jipprova li s-sid tad-dar huwa proprju Tulliani li lilu allura kienet inbiegħet d-dar bi prezz tassew baxx.
Issa wieħed irid jara jekk Fini jżommx kelmtu wara li dan f'konferenza stampa li kien ta f'Settembru tas-sena l-oħra kien iddikjara li "jekk jinstab li Tulliani huwa sid id-dar, ma naħsibhix darbtejn biex nirriżenja minn speaker tal-Kamra". Ħaġa li ilha tinsisti fuqha l-maġġoranza fil-gvern, minħabba li s-sehem attiv ta' Fini fil-politika (kontra l-gvern) m'għadhix aktar kompatibbli mal-kariga super partes ta' speaker.
QERQ F'ELEZZJONIJIET INTERNI FIL-PARTITO DEMOCRATICO
Sadanittant, illum ukoll, il-post Komunista Partito Democratico illum kellu jipposponi l-assemblea nazzjonali għal Frar. Din l-assemblea suppost kellha tħabbar il-kandidati għall-elezzjonijiet amministrattivi li ntgħażlu mill-partitarji waqt il-primaries, jew elezzjonijiet interni.
Dan wara protesti minn partitarji f'Napli għax fil-primaries t'hemmhekk ivvutaw għadd ta' immigranti Ciniżi f'Napli li lanqas biss jafu jitkellmu bit-Taljan!
Veru ġurnata sewda, aktar mill-ħamra, għax-Xellug fl-Italja llum!
No comments:
Post a Comment