INTILEF L-EKWILIBRJU BEJN IL-POLITIKA U L-QRATI
Il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi |
B'hekk qed tkompli tipprova tasal bil-gossip u l-kompliċità ta' ċerti qrati politiċiżżati, fosthom l-istess Corte Costituzioinale, jew Consulta (kif ġieli tissejjaħ).
Din il-qorti – li ta' min nifakkar li 11 mill-15-il imħallef li jiffurmawha, huma dikjaratament xellugin – proprju din il-ġimgħa ssentenzjat li l-liġi msejħa tal-"legittimo impedimento", (li kienet tiskuża akkużati u xhieda f'karigi għolja governattivi milli jattendu seduti tal-qorti meta jkunu okkupati b'xogħol tal-gvern), in se ma tmurx kontra l-Kostituzzjoni Taljana, iżda interpretat l-ewwel artiklu fis-sens li tkun il-qorti individwali li quddiemha qed jinstema' il-każ partikulari, li tiddeċiedi hi jekk tikkunsidrax ir-raġuni mogħtija mill-uffiċjal tal-gvern biex ma jattendix is-seduta, hix valida jew le.
B'"kumbinazzjoni"imbagħad, proprju l-għada ta' din is-sentenza, jiġifieri l-bieraħ il-Ġimgħa, il-Procura ta' Milan għaġġlet fetħet każ kontra l-Prim Ministru Silvio Berlusconi ta' investigazzjoni f'allegata kompliċità fi prostituzzjoni ta' żeffiena tan-nightclubs magħruifa bħala Ruby, meta din kien għadha ma għalqitx 18-il sena.
L-istess Ruby mill-ewwel kienet iddikjarat li qatt ma kellha x'taqsam ma' ħadd sesswalment waqt xi parties li kienu jsiru fir-residenza privata ta' Berlusconi, u wisq inqas mal-Prim Ministru.
Filwaqt li ma jitwemminx kif ċerti maġistrati lesti jaħlu l-ħin tagħhom u r-risorsi tal-qrati u l-pulizija f'każijiet daqstant ridikoli, Berlusconi kompla jiddikjara li hu m'għandu xejn x'jaħbi u qed jistenna bil-ħerqa li jiddefendi ruħu fil-qorti. Hu ssejjah biex jidher bejn nhar il-Gimgħa 21 u l-Ħadd 23 ta' Jannar.
"Li kieku kelli nieħu inizjattivi bħal dawn bis-serjetà, meta fir-realtà mhumix, kont ngħid li issa qed jinqabeż kull limitu, li din mhi xejn għajr persekuzzjoni politika", bis-solita media xxerred seksik u gossip f'servizz ta' diżinformazzjoni.
Din il-perskuzzjoni politika ssarfet hekk:
Minn kemm ilu li ħareġ għall-politika kontra Berlusconi saru 105 inkjesti ġudizzarji;
Inbdew 28 ġuri li minn 10 minnhom ħareġ liberat u 13 ġew arkivjati (sadattant l-ebda maġistrat ma ħallas tal-iżbalji ġudizzjarji), filwaqt li 5 minnhom għadhom miftuħa.
Ġuristi serji u anki membri emeriti tal-Corte Costituzionale, bħall-President Emeritus Antonio Baldassare, jħossu li s-soluzzjoni għal din il-kriżi bejn l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiżi hija li bla telf ta' żmien jerġà jiġi ristabbilit l-ekwilibrju bejn il-politika u l-ġudikatura.
Dan jista' jsir billi terġà tiddaħħal klawsola importanti li teżisti fil-pajjiżi kollha demokratiċi tal-Punent, li kienet tneħħiet mill-Kostituzzjoni Taljana fl-1993, konsegwenza tal-iskandli msejħa "Mani Pulite" fi żmien il-Prima Repubblica.
F'Artiklu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Italja kien hemm klawsola li kienet tgħid li, sakemm individwu jkun membru parlamentari, ma jistgħux jittieħdu l-ebda passi ġudizzjarji kontrih mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Parlament, sakemm, naturalment, ma jinqabdx fil-fatt iwettaq delitt li għalih hemm mandat jew arrest.
Il-mibki President Emeritus tar-Repubblika Francesco Cossiga fl-2008 kien ressaq Abbozz ta' Liġi biex dik il-klawsola terġà tiddaħħal fil-Kostituzzjoni Taljana, iżdal leħaq miet f'Awwissu li għadda.
No comments:
Post a Comment