Is-Sibt, 8 ta’ Jannar 2011

It-Terroriżmu Islamiku

MHUX BISS IL-PUNENT, ISSA L-INSARA !

L-inkwadru tal-Kruċifiss imċappas bid-demm tal-Insara-Kopti
maqtula u feruti fl-attakk terroristiku Iżlamiku li sar
fuq knisja mimlija b'Insara fl-ewwel sigħat tas-sena l-ġdida
Mal-bidu tad-deċenju ġdid il-fanatiżmu Islamiku għamel "qabża oħra ta' kwalità": l-għadu prinċipali issa m'għadux il-Punent, imma l-Kristjaneżimu. Sensiela twila ta' attentati mdemmija mis-Sudan għall-Pakistan, mill-Filippini għal Libanu, mill-Irak sal-Eġittu, jixhdu li l-iskop huma tnejn: jitterrorizzaw lill-Insara, jattakawhom u jippersegwitawhom, u jippruvaw iqajjmu gwerra taċ-ċiviltà bil-kruċjati b'kollox!
Għal dawn l-istraġi kien hemm min ipprova jagħti raġunijiet lokali, interni ta' dak il-pajjiż partikulari, bħal dawk fl-Eġittu bejn il-Kopti-ortodissi u l-Islamiċi,  fejn hemm tħassib kbir dwar il-Milied li huma jiċċelebraw illum, u fis-Sudan fejn se jivvutaw il-Ħadd.
Iżda meta l-vittmi tal-massakri jkunu Insara f'diversi pajjiżi, u anki mbiegħda minn xulxin, bilfors tirrealizza li  – bħalma ddikjara l-Papa – li l-għadu dinji tal-Islam fanatiku illum hija ċ-ċiviltà Nisranija.
Dan l-Islam fanatiku jeħtieġ għadu biex jgħaqqad lill-fidili tiegħu u jiġbor wara l-bandiera feroċi ta' al-Qajda lill-popli li jemmnu f'Allaħ.
S'issa kienet l-Amerika l-għadu numru wieħed, iżda dan waqà fi speċi ta' inerzja għax Obama mhuwiex Bush, u għall-fanatiċi huwa vitali li jkollhom għadu faċilment identifikabbli f'wiċċ u isem. Il-kulur tal-ġilda tiegħu u l-għeruq etniċi ta' Obama, flimkien mar-relazzjoni bierda tiegħu ma' Iżrael, jagħmluh aktar aċċettabbli għall-Għarab ui l-Islamiċi.
Konsegwenza ta' dan l-Kristjaneżimu spiċċa l-Għadu Simboliku, meqjus bħala r-reliġjon tal-Punent.
B'hekk dawn l-Għarab, Eġizzjani, Pakistani u Sudaniżi li jsegwu r-reliġjon Nisranija huma kunsidrati bħala tradituri, eretiċi, u l-Kristjaneżimu bħala mezz ta' "Punentiżżazzjoni" ta' dawn il-popli u pajjiżi.
Nitħajjar inxaqleb lejn dawk li aktar milli gwerra tar-reliġjon, iqiesu l-għanijiet tal-fanatiżmu Islamiku bħala aktar lajċi u jirrigwardaw il-Punent tal-finanzi u l-"materjaliżmu Amerikan".
Iżda jidher li issa xi ħaġa nbidlet, u din il-bidla fl-istrateġija terroristika Islamika tolqotna direttamenmt bħala Ewropej. Dan għax, anki jekk x'aktarx aħna ninsew jew ninjorawh, l-Ewropa hi meqjusa mill-Islam bħala l-benniena tal-Kristjaneżimu, Kattoliku jew Protestant.
Għalhekk l-Ewropa għandha ssemmi leħinha b'qawwa, konvinzjoni u determinazzjoni. Apparti t-twemmin innnifsu, fin-nofs hemm l-istess ċiviltà tagħna.
Ma nistgħux nibqgħu lura milli niddefendu lil dawk l-Insara massakrati u allura ċ-civiltà tagħna, fil-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni u popli u l-libertà ta' twemmin tagħhom, anki jekk  ma tkunx temmen.
Wara t-titubar tal-Kap għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea l-Barunissa Laburista Ingliża Catherine Ashton quddiem dawn il-massakri u persekuzzjoni tal-Insara mill-fanatiċi Islamiċi, diversi deputati Ewropej bdew isemmgħu leħinhom, u proprju llum il-Ministru tal-Esteri Taljan Franco Frattini bagħat ittra lil Ashton iffirmata wkoll mill-ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, Polonja u Ungerija li fiha nsistew li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara tiġi nkluża fis-Summit Diplomatiku li jmiss isir fil-31 ta' Jannar fi Brussels, biex matulu jiġu miftiehma miżuri konkreti ħalli tiġi żgurata l-libertà tar-reliġjon u espressjoni fil-pajjiżi fejn il-minoranzi Nsara qed jiġu attakkati u persegwitati, fosthom twissija li titnaqqas jew titwaqqaf kull għajnuna lil dawk il-pajjiżi jekk din il-persekuzzjoni ma titwaqqafx immedjatament.
L-Italja, bl-appoġġ tal-U.E.  mistennija tressaq mozzjoni wkoll fin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istess problema. 
Inħoss li meta tqies li tant niftaħru (jew konna niftaħru), li aħna 90% Kattoliċi, allura kellha tkun Malta li tieħu l-inizjattivi li issa ilu żmien jieħu l-gvern Taljan f'dan il-front.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide