Il-Ħadd, 23 ta’ Jannar 2011

Aħbar li ftit semgħu

HAWN, U JIBQÀ IKUN HAWN, IKEL BIŻŻEJJED GĦAL KULĦADD
L-aptit tal-bniedem għall-aħbarijiet ħżiena m'għandux limiti. Għalhekk il-gossip ġeneralment ikun malizzjuż, u għaliex il-profeti tal-katastrofi huma dejjem garantiti udjenza li tibla' kollox. Mill-banda l-oħra -aħbarijiet tajbin jispiċċaw imwarrba fil-paġni ta' ġewwa tal-ġurnali ... meta jirrapurtawhom!
Per eżempju kemm minnkom smajtu bir-rapport li ppublika l-Institute of Mechanical Engineers tar-Renju Unit, u li fiha dawn urew kif mhux veru li m'hawnx, jew mhux se jkun hawn biżżejjed ikel għall-popolazzjoni tad-dinja, u li għalhekk jeħtiġilna nikkontrollaw it-twelid, għax inkella se nispiċċaw noqtlu u nieklu lil xulxin?
It-rapport kien jismu "One Planet, Too Many People?" u t-tweġiba tagħhom kienet li le, "Population growth not a threat". M'hemmx, u qatt mhu se jkun hemm nies aktar milli tistà titma' d-dinja. Għaliex?
Bħalma spjega Dr. Tim Fox fl-istess rapport, aħna kapaċi nilqgħu l-isfida li nitimgħu pjaneta ta' 9 biljun ruħ grazzi għat-teknoloġiji li jeżistu diġà, u mhux b'xi proċess agrikolu li għad irid jiġi żviluppat.
Dr. Fox jinnota kif fl-Afrika nofs l-ikel li jipproduċu jinqered qabel biss jilħaq jasal fis-suq lokali". B'sistema ta' trasport refriġerata u toroq tajba, l-pajjiżi li qed jizviluppaw jevitaw din il-ħela oxxena.
Anki xjentisti Franċiżi qablu ma' dan ir-raġunament sempliċi u li jagħmel sens.
Dan kollu mhux kulħadd jieħu gost jisimgħu, fosthom uħud li ilhom snin ibassru u jwerwru li sa' tmiem dan is-seklu aktar minn biljun ruħ se jmutu bil-ġuħ, minn ta' quddiem Paul Ehrlich li lura fis-Snin Sebgħin kien għamel furur bil-ktieb tiegħu "The Population Bomb".
Dan kien bassar li sas-sena 2000 il-popolazzjoni tal-Gran Brittanja kellha biss 50% ċans li tibqà teżisti minħabba skarsezza katastrofika tal-ikel, u allura ta bidu għall-kampanja mondjali ta' kontroll tat-tkabbir tal-popolazzjoni. Naturalment il-fatti, illum giddbuh!
Imma xorta waħda tibqà issib il-katastrofisti, fosthom l-ekokatastrofisti, li jibqgħu iwissu li aktar ma tikber il-popolazzjoni tad-dinja, aktar se jkun hawn min jipproduċi gassijiet serra, CO2, għax jekk ma kontux tafu, skond dawn it-talin, meta l-bniedem jieħu n-nifs, qed ikabbar is-CO2 fl-atmosfera!
Imma wara kollox, bħalma ddikjara dan l-aħħar Matt Ridley – l-awtur tal-ktieb li, f'dinja ta' pessimiżmu rampanti, qatt ma nixba' nirrakkomanda, "The Rational Optimist" (ara s-suġġerimenti tiegħi fil-kolonna xellug) – il-popolazzjoni tad-dinja mhix "tisplodi", iżda sempliċiment tikber bir-rata ta' biss 1 fil-mija fis-sena, għax fil-fatt ir-rata vera ta' bnedmin li qed jiżdiedu ilha tonqos għal dawn l-aħħar 20 sena. Din hija problema li  għandha verament tinkwetana, speċjalment lilna fil-Punent!

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide