PATRIJOTT SFORTUNAT
Bħala blogg dedikat u ispirat minnu, ma nistax inħalli dan ix-xahar jgħaddi mingħajr ma nfakkar lil wieħed mill-ikbar patrijotti Maltin li kellu l-isfortuna li jmut proprju f’Diċembru ta’ kważi 60 sena ilu ftit xhur biss wara li laħaq Prim Ministru. Enrico Mizzi miet fl-20 ta’ Diċembru 1950 fl-eta ta’ 65 sena, li mal-40 minnhom iddedikahom għall-politika u għall-patrija. Jiġifieri s-sena l-ġdida li tibda nhar il-Ġimgħa taħbat is-60 anniversarju mill-mewt tiegħu
Nistgħu ngħidu li dawn l-aktar minn 40 sena fil-politika mhux biss swewlu l-karriera ta’ avukat u flusu (miet fqir), iżda wkoll saħħtu, bil-ħafna dispjaċiri u ftit sodisfazzjonijiet, minħabba l-isfortuna li baqgħet tiġri warajh sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, proprju meta, għat-tieni darba l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu, ifforma gvern, iżda, għat-tieni darba wkoll ma kellux ix-xorti jara l-partit tiegħu itemm il-leġislatura kollha.
L-ewwel darba kienet fl-1932 meta l-PN immexxi minnu flimkien ma’ Ugo Mifsud kien kiseb maġġoranza assoluta, iżda wara li huma marru Londra u talbu d-Dominio Status għal Malta (l-ewwel pass lejn l-indipendenza), il-gvern Imperjali Ingliż minflok wettaq kolp ta’ stat: qabad u ritira l-kostituzzjoni, reġa’ ħataf il-gvern f’idejh, u waqqaf dittatura kolonjali (Dwar dan ktibt fit-tul fl-ewwel post tiegħi fil-blogg fis-17 ta’ Ottubru).
Sfortunament, anki dak iż-żmien, waqt li kien Londra, Enrico Mizzi wkoll kien fil-periklu li jitlef ħajtu minħabba mard, bħalma sar magħruf biss wara.
Iżda l-isfortuna, bħalma bdejt ngħid, bdiet sa’ mill-bidu tal-karriera politika tiegħu. Fl-1912 kien l-awtur ta’ ktejjeb bl-isem ta’ Il Convegno di Malta o una nuova soluzione alla Questione Maltese, li fiha ssuġġerixxa li l-Ingilterra ċċedi lil Malta lill-Italja bi tpartit mal-Eritrea. Kienet riesqa l-Ewwel Gwerra Dinjija u, minkejja li f’dik il-gwerra l-Italja u l-Ingilterra spiċċaw alleati, Nerik kien ingħadda Qorti Marzjali akkużat bi slealta’ lejn il-Kuruna Ingliża!
Ħalliha li wara t-Tieni Gwerra Dinjija sar magħruf li Churchill kien offra Malta lil Mussolini biex dan jibqa’ newtrali fil-gwerra bħalma kien għamel Franco ta’ Spanja!
Wara dik il-gwerra – li matulha Enrico Mizzi u mal-40 Malti ieħor spiċċaw internati mill-gvern Ingliż fl-Afrika – il-Malta Labour Party, taħt it-tmexxija ta’ Pawlu Boffa, rebaħ l-ewwel elezzjoni tal-1947, iżda d-deputat ta’ Boffa, Duminku Mintoff irriżenja minn ministru mill-kabinett, u fost aktar inkwiet fil-MLP, dan spiċċa qalibha lil Boffa li waqqaf partit għalih.
Il-gvern Laburista f’inqas minn sentejn u nofs irriżenja, u mill-elezzjoni li saret fl-1950 ħarġu rebbieħa n-Nazzjonalisti taħt it-tmexxija ta’ Enrico Mizzi, għalkemm hu sata’ jifforma biss gvern ta’ minoranza.
Din l-isfortuna żgur li kkawżat aktar minn għafsa ta’ qalb lil Nerik meta għal darb’oħra, meta sab ruħu meritatament jiggverna, ma setgħax iwettaq dak kollu għall-qalbu għall-ġid tal-pajjiż, b’mod partikulari t-tagħlim tat-Taljan, li għalih, u għall-maġġoranza li vvutaw lll-PN, kienet tfisser id-difiża ta’ l-identità nazzjonali u kulturali ta’ Malta.
Infakkar li din kienet reazzjoni għall-attentati tal-imperu Ingliż li minflok it-Taljan, li għal sekli sħaħ kienet il-lingwa kulturali tal-Maltin, idaħħal dik Ingliża, bl-iskop finali li b’hekk jiddenazzjonalizza ‘l Maltin, u jkun jista’ jiddominahom aħjar.
Iżda Enrico Mizzi ta prova ta’ realista u statista li kien, warrab għal mument l-idealiżmu, ġaladarba l-mument politiku (kellu bżonn il-voti fil-parlament tad-deputati ta’ Boffa u l-Kostituzzjonalisti biex jgħaddi l-budget u jassikura s-sussidji mill-Ingilterra ħalli ma togħlix il-ħajja) ma setgħax jagħmel mod ieħor.
Din is-sitwazzjoni ta’ gvern ta’ minoranza kienet tinkwetah, aktar u aktar li, ironikament, kellu jrażżan it-tbaqbiq tad-demm patrijottiku proprju meta rega’ sab ruħu jmexxi lill-għażiża patrija tiegħu.
Dan kollu, jekk ma kienx il-kawża, probabbli kellu sehem ukoll fl-attakk tal-qalb li tah mas-sebħ ta’ bħal Ħadd li għadda, 59 sena ilu.
Kawża oħra kienet żġur il-fatt li minkejja li, ma ħassux jiflaħ – u kontra l-parir tat-tabib tiegħu li ma jmurx tard filgħaxija l-ajruport x’ħin kienet ġejja Malta l-Prinċipessa Margaret – ma riedx jonqos mid-dover tal-kariga tiegħu bħala Prim Ministru, u mar xorta jilqagħha f’lejla ta’ kesħa kbira, meta kellu qalbu dgħajfa minħabba l-malarja li ħa waqt li kien eżiljat fl-Uganda.
Kemm l-eżempju jista’ ikollna bħalu ta’ politiku veru sfortunat, iżda ġenwin, sinċier, determinat u responsabbli?