IL-ĠENN DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA
Ħmistax-il jum ieħor tibda tiltaqa’ konferenza oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima iżda, minkejja li hawn min qed jistenna ħwejjeġ kbar minnha, mhux biss fi tmiemha mhu se jiġi ffirmat l-ebda protokol ġdid li jieħu post dak, fallut, ta’ Kjoto biex il-gvernijiet inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet CO2, iżda hemm dubji kbar kemm se jintlaħaq anki sempliċi ftehim li jorbot dwar miżuri b’effett immedjat lejn dak it-tnaqqis.Nemmen li sal-lum kulħadd jaf li dawn il-miżuri n-NU qed tinsisti li jittieħdu għax, skond l-“esperti” tagħha, s-CO2 u gassijiet oħra qed isaħħnu
d-dinja tagħna b’konsegwenzi katastrofiċi, u fin-nofs hemm mdaħħla, biex ma ngħidx fis-sogru, Biljuni ta’ Ewro.
Iżda l-konsensus xjentifiku li suppost kien hemm dwar dawn it-teoriji beda dejjem aktar jinkixef li qatt fil-fatt ma eżista, għax wara li t-temperatura globali kienet għoliet b’0.7ºĊ mis-Snin ’70 sa’ dawk ’90, mill-bidu tal-Millenju din baqgħet stabbli, anzi bdiet nieżla, u ma kellhix x’taqsam mal-livelli tas-CO2 jew gassijiet serra fl-atmosfera. Fl-istess waqt il-konsensus politiku beda jisfaxxa. Dan quddiem il-konsegwenzi diżastrużi ta’ dawk il-miżuri mhux biss fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li jadottawhom (anki fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja/ekonomika globali mwiergħa), iżda anki fuq l-istess ċiviltà industrjali moderna u l-istil ta’ ħajja tal-popli tagħhom.
Il-Protokol ta’ Kjoto qatt ma sata’ jirnexxi fil-miri tiegħu li l-pajjiżi industrjalizzati flimkien jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 globali sal-2012 b’5.2% taħt il-livelli li kienu fl-1990. L-ewwelnett għax, minkejja li kien infetaħ għall-iffirmar (ratifika) fl-1997, daħal fis-seħħ biss fl-2005, meta rratifikawh il mill-inqas 55 pajjiż industrjalizzati meħtieġa skond l-istess ftehim.
Iżda ma’ dawn ma kienux ingħaqdu uħud mill-aktar pajjiżi li joħorġu CO2 minnhom bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-Awstralja, li ffirmat biss fl-aħħar tal-2007 malli tela’ fil-gvern il-Partit Laburista.
L-Istati Uniti opponiet il-Protokoll l-ewwelnett għax l-amministrazzjoni ta’ Bush ħasset li jagħmel ħsara lill-ekonomija tal-pajjiż, u għax filwaqt li pajjiżi oħra “mhux industrjalizzati” li jipproduċu kwantità kbira ta’ CO2, bħaċ-Ċina u l-Indja, ma kienux obbligati jiffirmawh.
Kien hemm imbagħad, pajjiżi, bħal Malta, li ma kellhomx bżonn inaqqsu l-ammont ta’ CO2 għax dan kien ferm taħt il-limiti stabbiliti mill-Protokol. Jiġifieri s-sehem tagħna kien, u għadu, totalment negliġibbli. Per eżempju illum Malta “responsabbli” għal biss 0.06% tat-total tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-Unjoni Ewropea, u 0.01% dawk tad-Dinja kollha! Iżda dwar dan kollu darb’oħra.
Intant illum in-NU, minkejja (jew minħabba) dak il-falliment qed tipprova timponi miri ferm aktar ambizzjużi minn Kjoto, anki ta’ tnaqqis sal-2020 ta’ 40% tal-emissjonijiet meta mqabbla mal-livelli li kienu fl-1990.
Iżda aktar ma resqin il-jiem tas-summit ta’ Kopenħagen, aktar ħarġu d-differenzi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk qed jiżviluppaw dwar min għandu jnaqqas l-emissjonijiet, b’kemm u min se joħroġ il-flus ħalli jintlaħqu dawk il-miri, u f’għajnuna lill-pajjiżi li qed jizviluppaw, għall-istess skop.
Dan qed iwassal lil numru ta’ pajjiżi jaqblu li minflok ftehim uffiċjali li jorbot legalment aktar faċli li jintlaħaq sempliċi ftehim politiku, ta’ prinċipji, li miegħu ikunu mehmuża, annessi, l-obbligazzjonjiet futuri ta’ kull nazzjon.
Iżda l-President Amerikan Obama – li mid-dubji ta’ Bush dwar trattati bħal dak ta’ Kjoto, mar fl-estrem l-ieħor u jrid li l-Amerika tkun hi li tmexxi dan il-ġenn dwar it-tibdil fil-klima – ma jridx li jitlaq minn Kopenħagen b’“biċċa karta” biss. Ma jridx żgur li trattat ġdid jiġi pospost b’xi sena għas-summit li jmiss dwar il-klima, f’Diċembru tal-2010 fil-Messiku, kif qed jidher probabbli.
Dan għax sadattant hu jkollu jaffronta l-mid-term elections f’pajjiżu meta mistenni jitlef il-maġġoranza fis-Senat u allura ma jkunx jista’ jiffirma l-ebda trattat dwar il-klima mingħajr l-approvazzjoni tal-istess Senat. Fil-fatt lanqas illum m’għad għandu mandat mill-Kungress kollu biex jagħmel dan.
Sadattant iċ-Ċina Komunista – li issa għaddiet lill-Amerika fl-emissjonijiet u telgħet fl-ewwel post, iżda xorta qed tippretendi li l-Punent iħallasha bħala pajjiż qed jiżviluppa! – qed “tistudja” il-proposti u taħsbiha sew.
Hekk ukoll għandhom jagħmlu f’dan l-intervall il-pajjiżi l-oħra qabel jintrabtu b’aktar miżuri restrittivi, għalja u ta’ ħsara għall-ekonomiji tagħhom u, fuq kollox inutli u bla bżonn.
No comments:
Post a Comment