ATTWALITA'
It-Tnejn 9 ta’ Novembru — l-20 anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Fisser it-tmiem ta’ traġedja, ta’ epoka, ta’ ħolma kerha: il-Komuniżmu. Dan għax wara li waqa’ dak il-ħajt li fired familji fl-istess belt, Berlin u fl-istess pajjiż, il-Ġermanja, demokratika tal-Punent fuq naħa, u Komunista fil-Lvant, mhux biss din tal-aħħar kisbet mill-ġdid il-libertà, iżda, b’konsegwenza ta’ hekk, wara d-9 ta’ Novembru 1989 nofs l-Ewropa wkoll ħelset mill-ħakma Komunista u tar-Russja Sovjetika
Għalhekk tajjeb u xieraq niċċelebraw dan l-anniversarju, minkejja li l-Komuniżmu għadu ma mietx għal kollox, anzi għadu ħaj u jgħakkes biljun ta’ rġiel u nisa (Ċina, Kuba, Korea, Laos u l-Vjetnam). Dan minbarra li llum hemm reġimi Marxisti fil-Venezwela, Bolivja u l-Ekwador. Imbagħad il-periklu ta’ attentati biex id-dinja kollha tkun maħkuma minn gvern wieħed, li kien l-iskop aħħari tal-Komuniżmu, għadu jeżisti.
Dak il-ħajt li kien ikkalzra nofs l-Ewropew taħt reġim totalitarju u barbaru, iġġarraf, anzi ġie mġarraf darba għal dejjem, imma issa xorta rridu nogħqodu attenti li ma jitlax ħajt ieħor li jispiċċa jagħlaq lill-umanità kollha f’ħabs immexxi minn xi gvern sopranazzjonali dinji ta’ xi Nazzjonijiet Uniti.
Qed niċċelebraw il-mewt ta’ Komuniżmu, il-Komuniżmu oriġinali, dak tal-utopja, tal-ħolma ta’ dinja mingħajr klassijiet soċjali, ġusta, b’kulħadd indaqs, fejn b’ħidmitu l-bn iedem jagħti dak li jiflaħ u jirċievi dak li jeħtieġ.
Iżda dik kienet, appuntu, biss ħolma, kerha. Ir-realtà irriżultat f’reġimi totalitarji vjolenti terroristiċi u pulizjeski, b’aktar minn 100 miljuni vittmi maqtula, bil-poplu jispiċċa fejn veru kulħadd kien l-istess: jgħix f’faqar u miżerja liema bħalha – apparti l-ħakkiema u l-galoppini, l-klieb fidili tagħhom.
Ma satax ikun mod ieħor, u dawk il-pajjiżi Komunisti li għadhom fuq saqajhom minn hemm għad jgħaddu wkoll. Ir-Russja Komunista, bħall pajjiżi l-oħra satelliti tagħha fl-Ewropa, ma ġġarfitx wara xi attakk minn barra l-pajjiż, iżda b’implużjoni, splużjoni interna, minħabba d-dgħjufija fiha infisha, bħal kastell tal-karti tal-logħob li f’daqqa waħda jaqa’. Iġġarrfet għax is-sistema irrazzjonali Marxista-Leninista ipparalizzat kull kapaċità produttiva.
Kienet sistema anti-ekonomika, nieqsa mill-boxxla tas-suq u tal-prezz tas-suq, determinanti għal sistema ta’ domanda u offerta (supply and demand), fejn allura ma setgħux jittieħdu deċizjonijiet xierqa dwar tqassim ta’ riżorsi u kwalità u kwantità ta’ dak li l-pajjiż kellu jipproduċi.
Dan ma jfissirx li s-soċjetà liberal-demokratika, l-ekonomija tas-suq ħieles, “tal-Punent”, hija sistema perfetta, mingħajr difetti u inkonvenjenzi gravi, iżda hija, sal-lum, l-unika sistema li kapaċi tipproduċi l-ġid.
Iżda mbagħad hija wkoll l-unika sistema li għandha l-istrumenti biex tikkoreġi lilha nfisha minn ġewwa, mingħajr indħil minn barra. Soċjetà li tistà u għandha tibdel u tikkoreġi lilha nfisha kontinwament, għax konxja li, f’dinja li tinbidel minn mument għal ieħor, ir-riformiżmu huwa xogħol li ma jintemm qatt. Is-“soċjetà perfetta” ma teżistix. Hija biss utopja, ħolma, illużjoni, fantasija tal-fundamentaliżmi ideoloġiċi u reliġjużi.
Semmejt tmiem ta’ komuniżmu u periklu ta’ ħajt totalitarju ieħor li hemm min qed jipprova jerġà jtella’ billi jinqeda bin-Nazzjonijiet Uniti biex issa jipprova jikkalzra mhux poplu jew xi popli, iżda lill-umanità kollha kemm hi.
It-tentattivi biex din l-organizzazzjoni li, wara kollox, mhix eletta mill-popli, issir speċi ta’ xi “gvern dinji”, sa’ mit-twelid tagħha qatt ma naqsu.
Minn ta’ quddiemnett hemm il-Kanadiż Maurice Strong li sa’ minn żogħżitu kien jemmen fis-Soċjaliżmu u li l-poter kollettiv tal-istat għandu jintuża biex tinħoloq dinja aħjar. Għalhekk interessa ruħu mill-ewwel fin-Nazzjonijiet Uniti fejn minn sempliċi junior officer, spiċċa konsulent tal-eks Segretarju Ġenerali Annan u sotto-segretarju.
Mill-ewwel kien ingħaqad mal-moviment ‘ambjentalista’ li fih ra kawża li kellha tgħin biex in-NU issir ‘gvern dinji’. Tista’ tgħid li dejjem kien wara inizjattivi internazzjonali dwar tibdil fil-klima, speċifikament it-tisħin tal-globu, u miżuri dejjem aktar iebsa, li jheddu l-ekonomija u l-progress tal-pajjiżi.
Strong u dawk kollha bħalu nostalġiċi xellugin li sfaw orfni wara l-falliment tas-sistemi Komunisti, ħasbu li jimlew l-vojt psikoloġiku mħolli mill-Marxiżmu bl-‘ambjentaliżmu’, sabiex l-ideali Robinħudjani Soċjalisti li jieħdu mingħand is-sinjur biex jagħtuħ lill-fqir jattwawh fuq livell internazzjonali, billi jqassmu l-ġid mill-pajjizi (tal-Punent) sinjuri lil dawk li qed jiżviluppaw.
Il-Ħajt ta’ Berlin waqa’ 20 sena ilu, u miegħu il-ħolma Komunista ta’ soċjetà ta’ ugwali. Iżda llum għad hawn min qed jaħmi Komuniżmu dinji ġdid ta’ pajjiżi ugwali, fil-faqar, u ftit li xejn sovrani!
No comments:
Post a Comment