Il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2009

Mill-Awstrja għal Malta u l-Brażil

“38 ġurnata oħra, fis-7 ta’ Diċembru li ġej, jiltaqa’ summit kruċjali għall-futur tad-dinja tagħna kif nafuha …” – b’din is-solennità kollha opinjonista fi tmiem-ġimgħa li għaddiet bdiet artiklu f’ġurnal lokali. Kienet qed tirreferi għall-Konferenza f’Diċembru dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f’Kopenħagen, u li matulha in-Nazzjonijiet Uniti qed jittamaw li jintlaħaq ftehim biex jieħu post dak magħruf bħala l-Protokol ta’ Kjoto, tal-1988.
Dak il-protokol suppost kellu jwassal biex jitnaqqas il-ħruġ tal-gassijiet serra, CO2 u oħrajn, li jingħad li qed iwasslu għat-tibdil fil-klima, li jingħad li jista’ iwassal għall-konsegwenzi katastrofiċi għall-umanità.
Dan skond l-IPCC, organizzazzjoni li twaqqfet fl-1988 min-N.U., li, kontra dak li jaħsbu ħafna, mhix waħda xjentifika, iżda  politika. Iżda nħallu dan l-argument għalissa.
Minħabba wkoll (u mhux biss) li l-Protokol ta’ Kjoto ma kienx ġie ffirmat mill-pajjjżi kollha –fosthom l-Istati Uniti (għax il-gvern ta’ dak iż-zmien ma kienx konvint mill-argumenti tal-IPCC), miċ-Ċina u l-Indja, l-ikbar produtturi ta’ gassijiet meqjusa ħatja għall-bdil fil-klima – dak il-protokol qatt ma sata’ jirnexxi fil-miri ta’ tnaqqis ta’ dawk il-gassijiet u, allura, filli jbiegħed, jevita s-suppost diżastri kollha li kienu qed jiġu mbassra.
Forsi s’issa, min ma kienx jaf diġà, induna li jiena xettiku ferm dwar kemm il-bniedem hu responsabbli għal xi tibdil fil-klima. Dan għax, bħalma niddikjara f’parti oħra ta’ dan il-blogg, jiena nqies li dwar dan is-suġġett hawn ħafna misinformazzjoni u qerq, u li wara dawn hemm interessi politiċi u finanzjarji kbar, li qed ifixklu u jgħawwġu l-vera xjenza dwaru.


Bħalma wkoll iddikjarajt drabi oħra, anki fuq mezzi tax-xandir, jiena naqbel ma’ miżuri li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħela fil-konsum tal-enerġija, u biex nħarsu l-ambjent għalina u għal uliedna.
Ma naqbilx, però, ma’ ċerti miżuri li jistgħu ikollhom effett negattiv fuq l-ekonomiji u l-progress tal-pajjiżi li jadottawhom. Ħaġa li l-ebda pajjiż fil-kriżi internazzjonali attwali ma jista’ jaffordja.
Aktar u aktar meta jeżistu provi li miżuri bħal dawn ikollhom effett minimu, anki kieku dawn jitħarrxu u flok b’20% jew 50%, il-livelli ta’ l-emissjonijiet kellhom jitnaqqsu b’mija fil-mija. 
L-inċertezza f’dan il-kamp hi kbira u l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel l-bniedem hija li jħalli lil min jallarmah u jikkundizzjonalu l-prijoritajiet  tiegħu, bħal per eżempju fl-infieq tal-gvern, biex imbagħad jgħaddi ż-żmien, u nirrealizzaw kemm żbaljajna li qagħdna fuq pariri ta’ min ried biss jallarmana.
Min jallarma jista’ ikollu  aġenda moħbija, skop biex lil dak li jkun ma jħallihx jirraġuna u jistudja s-sitwazzjoni bil-kalma wara li jikkunsidra u jisma’ opinjonijiet differenti, u dan jista’ jwassal, kif fil-fatt, ġara u qed jiġri, li jittieħdu deċiżjonijiet mgħaġġla, b’konsegwenzi li jkunu agħar mill-‘marda’ li suppost kellhom ifejjqu, u mbagħad forsi jkun tard wisq biex insewwu l-konsegwenzi.
Għadna fil-ħin li nevitaw dan, kemm-il darba nitgħallmu mill-iżbalji tal-imgħoddi u ma ngħaġġlux, bħalma kien ġara fiż-żmien li wassal għall-IPCC u Kjoto.
Jiddispjaċini li f’dik l-għaġġla ta’ dakinhar Malta tagħna kellha sehem ukoll. 
Kif beda nfatti dan il-ġenn?
Tajjeb nibdew billi ngħidu li sas-Snin Sebgħin il-biżà imnissla minn xi xjenzjati u ċerta media ma kenitx li d-dinja qed tisħon, iżda li qed tiksaħ …b’konsegwenzi wkoll diżastrużi!
Imma sa’ nofs it-Tmeninijiet żewġ xjenzjati Amerikani, Dickinson u Cicerone, bdew iwiddbu li jekk it-temperatura tkompli togħla b’madwar 5 gradi, kif kienu qed jikkalkulaw huma, dan ikun l-għola f’10 miljun sena, b’konsegwenzi katastrofiċi għad-dinja.
Fl-1985, mbagħad saret konferenza ftit rappurtata f’Villach, fl-Awstrja, organizzata mill-World Metereological Organisaton (WMO) u l-United Nations Environment Programm (UNEP), li fiha l-persunaġġ ewlieni kien il-Professur Bert Bolin li kien jemmen u jippriedka li l-gassijiet CO2 kienu qed jgħollu t-temperatura, bil-konsegwenzi li wissew ż-żewġ xjenzjati Amerikani.
Fl-istess konferenza d-direttur tal-UNEP Mustafa Tolba wissa’ bil-qawwa dwar “it-tibdil fil-klima kawżat mill-bniedem”, filwaqt li Bolin irrakkomanda t-twaqqif ta’ “konvenzjoni globali” li xogħolha jkun li tpoġġi t-tibdil fil-klima fil-quċċata tal-aġenda politika internazzjonali. Għal dan il-għan fi tmiem l-1987 il-WMO u l-UNEP qablu li għandu jinħoloq “mekkaniżmu inter-governattiv” biex jipprovdi “stimi xjentifiċi tat-tibdil tal-klima”.
Dan il-mekkaniżmu nħoloq fl-1988 u ssemma l-IPCC, li kellu jkun il-player ċentrali fid-dibattitu fis-snin ta’ wara. Fit-twaqqif tal-IPCC kellha sehem Malta, għalkemm meta dan sar ftit li xejn kienu jafu bih.

Malti li ħataf iċ-ċans mill-ewwel minn dan il-ġenn dwar it-tisħin tal-pjaneta tagħna kien il-Professur fil-Liġi Internazzjonali David  Attard. F’Malta kien għadha kemm seħħet bidla fil-gvern wara 16-il sena mill-aktar imqallba fil-politika interna u internazzjonali tal-gvern ta’ qabel, u l-gvern il-ġdid kien għadu qed “isib saqajh”.
 Hawn tfaċċa Attard li kiteb ittra fit-Times ta’ Londra dwar li għandha tiġi mħarsa l-klima globali b’riżoluzzjoni tan-N.U. li tiddikjara t-temp u l-klima wirt komuni uman, u b’mekkaniżmu xieraq li jħares dawn ir-riżorsi naturali, jiġifieri sostanzjalment dak li kienu nsistew dwaru l-WMO u l-UNEP inqas minn sena qabel.
Wara dik l-ittra Attard qal li kien imsejjaħ għal laqgħa mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr. Eddie Fenech Adami, flimkien ma’ xi ħaddieħor, it-tnejn bi proposti differenti li l-P.M. kellu jressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijet Uniti ta’ Settembru ta’ dik is-sena.
Dan kien għażel il-proposta ta’ Attard u talab lin-N.U, jieħdu azzjoni ħalli titħares il-klima tal-pjaneta tagħna, bin-N.U. fil-fatt taċċetta l-proposta tal-gvern Malti. Konsegwenza immedjata ta’ dik l-aċċettazzjoni kienet li Tolba leħħaq lil Attard konsulent għoli tiegħu.
Aktar tard in-N.U. sejħet lagħqa f’Ġinevra f’Novembru sabiex titwaqqaf l-IPCC, iżda dakinhar attendew biss 28 pajjiż mill-159 imsieħba, fosthom Malta rappreżentata mill-istess Attard. Dan fisser, skond Bolin, li “l-problema tal-klima ma kenitx għadha qed tokkupa post għoli fl-aġenda politika”.
Kien żgur dan li wassal lill-ewwel president tal-IPCC John Houghton iwissi li “Jekk ma nħabbrux diżastri, ħadd mhu se jismagħna”!
Intant, skond Attard, l-ewwel laqgħa preparatorja tal-IPCC saret f’Malta, fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Palazzo Parisio. “Hemmhekk ħdimna b’għaġġla kbira u, fi żmien 12-il xahar, integħlbu d-dubji kollha dwar konvenzjoni dwar it-tibdil fil-klima” (intervista fil-Malta Independent).
Dik il-konvenzjoni eventwalment saret fl-1992 f’Rio de Janeiro il-Brażil, liema konvenzjoni wasslet għall-Protokol, fallut minn twelidu, ta’ Kyoto fl-1997. Aktar darb’oħra.


No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide