Is-Sibt, 24 ta’ Ottubru 2009

Galileo Galilei : “Eppur Si Muove…”

STORJA

Wara Enrico Mizzi tajjeb li nagħtu ħarsa ħafifa lejn il-persuna l-oħra li dan il-blog jagħti ġieh u jirreferi għaliha. Galileo Galilei għex mat-300 sena qabel Enrico Mizzi. Tul ħajtu (twieled f’Pisa fl-1564 u miet, arrestat f’daru fl-1642) Galilei kien persegwitat mill-awtoritajiet minħabba li ssogra jressaq teoriji ġodda fil-kamp tax-xjenza, b’mod partikulari l-astronomija, li kienu jmorru kontra l-“vanġelu” aċċettat mill-awtoritajiet. Kien biss wara mewtu li mhux biss nagħta raġun, iżda llum hu meqjus bħala missier ix-xjenza moderna.      
Waqt li Galileo kien vaganza f’Venezja sema’ b’Olandiż li kien jipprovdi spettaklu, Hans Lippershey, li kien ivvinta oġġett li min jittawwal lejn xi ħaġa minnujaraha ikbar. Dak iż-zmien kienu jgħidulu spyglass.
Galileo tejjeb fuq l-invenzjoni, u t-teleskopju tiegħu kien tlett darbiet aktar qawwi minn dak tal-Olandiż. Dak kien biss il-prototipu, u sakemm dawwar dan lejn is-sema bil-lejl , dan kien għoxrin darba aktar qawwi.
Kien l-ewwel bniedem li uża t-teleskopju biex jara l-pjaneti u l-istilel. Sata’ jara erba’ mill-qmura ta’ Ġove, iċ-ċrieki ta’ Saturnu, dawk magħrufa bħala sunspots fuq ix-xemx, u wkoll il-krateri tal-Qamar fid-dettal. Iżda din l-invenzjoni tiegħu daħħlitu fl-inkwiet.

Minħabba li t-teleskopju tiegħu kien tant qawwi, hu sata’ jara li mhux l-oġġetti kollha fis-Sistema Solari jduru mad-dinja, iżda dawk li kienu jgħixu fi żmien Galileo kienu jemmnu li d-dinja tagħna kienet iċ-ċentru tas-Sistema Solari. Dik l-idea llum forsi narawha banali, iżda dak kien ukoll it-twemmin uffiċjali tal-Knisja  Kattolika li dak iż-żmien kellha setgħat kbar, fosthom li anki tittortura lil min kien imur kontra t-twemmin tagħha, jekk tħoss il-bżonn.
Eventwalment l-Inkwiżizzjoni spiċċat għaddiet ġuri lil Galileo mixli b’ereżija talli sostna li kienet id-dinja li ddur max-xemx u mhux il-kontra. Dan għax l-awtoritajiet reliġjużi kienu jieħdu litteralment dak li tgħid il-Bibbja, u l-Bibbja, kienu jsostnu, tindika li d-dinja ma tiċċaqlaqx mill-pożizzjoni tagħha.
Galileo kien bniedem reliġjuż, u kien jaqbel li l-Bibbja qatt ma segħtet tiżbalja. Madankollu, kien qal, dawk li jinterpretaw il-Bibbja jistgħu jiżbaljaw, u kien żball li wieħed jassumi li l-Bibbja tittieħed litteralment.
Dan x’aktarx  kien wieħed mill-ikbar “żbalji” tiegħu.  Dak iż-żmien il-qassisin biss setgħu jinterpretaw il-Bibbja, jew ifissru l-intenzjonijiet ta’ Alla. Lanqas biss kien xi ħadd jaħseb li bniedem komuni jagħmel dan. Iżda mal-500 sena wara, fl-1992 kien  il-Papa Gwanni II stess li ddeskriva bħala “żball tat-teologi ta’ dak iż-żmien li ħasbu li l-għarfien tagħna tal-istruttura tad-dinja fiżika, kienet b’xi mod mfissra mis-sens letterarju tal-Iskrittura Mqaddsa”!
Imma sadattant f’dawk is-snin l-ereżija kienet xi ħaġa tassew serja. Fl-1600 wieħed jismu Giordano Bruno  kien instab ħati ta’ ereżija għax hu wkoll kien jemmen li d-dinja ddur max-xemx,  u li hemm pjaneti fl-univers li fihom jgħixu ħlejjaq tal-Mulej. Bruno minħabba f’dan, u t-twemmin Panteista tiegħu dwar Alla, kien inħaraq ħaj.  
Galileo, li fi zmien il-ġuri kellu kważi 70 sena u kien marid, quddiem it-theddid tat-tortura għamel dikjarazzjoni li hu jirrinega, jabbanduna l-opinjoni tiegħu dwar id-dinja u x-xemx. Jingħad, iżda, li hu u ħiereġ mill-awla tal-qorti nstema’ ilissen, minn taħt l-ilsien, it-tlett kelmiet storiċi ta’ sfida lill-Inkwiżizzjoni “Eppur Si Muove”, jew “Imma xorta tiċċaqlaq”, b’riferenza għad-dinja ddur max-xemx.
Galileo kien ġie kundannat għal għomru ħabs id-dar, fejn miet wara disa’ snin.
Il-Knisja eventwalment, fl-1822 neħħiet il-kundanna fuq il-ktieb ta’ Galileo “Dialogo su due Massimi Sistemi del Mondo” dwar it-teorija Kopernikana, li, ċjoè id-dinja ddur max-xemx. Aktar tard kien hemm dikjarazzjonijiet mill-Konċilju Vatikan kmieni fis-Snin Sittin u fl-1979 li implikaw li Galileo nagħta l-maħfra, u li hu kien sofra inġustament taħt idejn il-Knisja.
Fl-aħħarnett, fl-1992, il-Vatikan uffiċjalment  u pubblikament ħeles lil Galileo minn kull ħtija, biex fi Frar li għadda, għall-ewwel darba f’erba’ sekli l-Vatikan iċċelebra quddiesa solenni b’suffraġju għal Galileo. Barra minhekk il-Papa Benedittu XVI faħħar is-sehem “tal-kbir Galileo” (bħalma sejjaħlu hu) fl-istorja tax-xjenza.
Bħalissa, mbagħad, fl-istess Mużej tal-Vatikan, saħansitra qed issir wirja dedikata lil Galileo li se ddum sejra sal-10 ta’ Jannar, 2010.
‘Il quddiem inwasslu aktar tagħrif dwar il-ħajja u s-sehem kbir ta’ Galileo Galilei lix-xjenza u lill-ħsieb ħieles.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide