X'għandhom x'jaqsmu l-patrijott Malti Enrico Mizzi u x-xjenzjat Taljan Galileo Galilei? It-tnejn kienu ħassieba ħielsa u t-tnejn sofrew diskriminazzjoni, intolleranza, persekuzzjoni u spiċċaw il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom li baqgħu sodi fih sa' mewthom.
Kienu wkoll persunaġġi skomdi għal żmienhom u vittmi taċ-ċirkustanzi. Iżda fl-aħħar is-sewwa, bħal dejjem, spiċċat biex rebħet, u l-istorja tathom raġun it-tnejn.
Fil-fatt Enrico Mizzi (jew Nerik, kif kienu jsejjaħlu affettwożament l-popolin) ġie vendikat għax permezz tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, aħna l-Maltin ssiġillajna darba għal dejjem l-appartenenza tagħna bħala poplu Latin-Ewropej li, wara kollox, kien l-iskop aħħari tal-ġlieda ta' Nerik.
Ix-xjenzjat Galileo Galilei urta lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi ta' żmienu meta sostna, fost sejbiet oħra tiegħu frott studju u riċerka intensiva, li kienet id-dinja li ddur madwar ix-xemx, u mhux il-kontra, bħalma dejjem ġie ppridkat qabel minn min kien iqies li d-dinja, il-pjaneta tagħna, kienet ċ-ċentru tal-univers. Saħansitra kien ikkundannat bħala eretiku mill-Inkwiżizzjoni. Iżda llum mhux biss ġie riabilitat, iżda l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ammetta li l-Knisja Kattolika żbaljat u l-Papa Benedittu XVI din is-sena faħħar is-sehem tiegħu fl-astronomija. Albert Einstein kien sejjaħlu "Missier ix-xjenza moderna".
Għalhekk, b'dan il-blogg nixtieq mhux biss nagħti ġieħ lil dawn iż-żewġ persunaġgi storiċi kbar, iżda nwassal opinjonijiet u ideat kontra l-kurrent, mingħajr l-ipokresija u l-banalità tal-political correctness, u tagħrif u aħbarijiet li rari joħorġu mis-soltu media, sabiex inxejjen klixejiet li, sfortunatament ħafna minnha naċċettawhom bħala "vanġelu", mingħajr ma nagħtu ċans li nisimgħu jew tinstema' l-verità kollha, biex wara niffurmaw l-opinjoni infurmata tagħna.
No comments:
Post a Comment