STORJA
Fil-fatt dik ma kenitx l-ewwel darba li Nerik Mizzi wassal lill-Partit Nazzjonalista jirbaħ il-gvern. Fl-elezzjoni tal-1932, meta Nerik kien Kap tal-PN flimkien ma’ Ugo Mifsud, il-Partit Nazzjonista għamel l-ikbar rebħa fl-istorja tiegħu billi kiseb ‘l fuq mnn 65% tal-voti u ta’ siġġijiet.
Il-PN fil-programm elettorali tiegħu niżżel li kellu l-ħsieb jinsisti li Malta ma tibqax iżjed kolonja u għal Dominion Status, jiġifieri l-ewwel pass lejn l-Indipendenza.
Dan beżża lill-gvern Imperjali Ingliż li kien spiċċa ssospenda l-kostituzzjoni u reġà ħataf il-gvern f’idejh. F’wieħed mil-aħħar meetings li leħaq għamel il-PN qabel il-gvern Ingliż anki dawn ipprojbixxa biex Malta saret dittatura kolonjali, Nerik iddikjara kategorikament:
Ma jistax ikun li aħna nilqgħu b’indifferenza umiljazzjonijiet u impożizzjonijiet bħal dawn, wara li verdett popolari konna nifhmu, u bir-raġun kollu, li sa fl-aħħar dawk li huma responsabbli mill-politika Ingliża, ser jirrealizzaw, u jkunu iżjed prudenti magħna. F'’dik l-okkażjoni Enrico Mizzi għajjat il-motto tiegħu, l-għajta-appell lill-poplu Malti, u li baqgħet tidwi għal snin wara, ta’ Resistere! Resistere! Resistere!
Bir-raġun, għalhekk, li aktar ma ssir taf dwaru, aktar tibda tinduna kemm fil-fatt Enrico Mizzi jistà jitqies bħala patrijott skomdu.
Skomdu l-ewwelnett għall-Ingliżi li, meta għal Malta spiċċat l-ewwel Gwerra Dinjija, kienu arrestawh u għaddewh qorti marzjali, u aktar tard, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, eżiljawh fl-Afrika.
Skomdu għax bi twemminu, kliemu u l-kitba tiegħu dan il-“kavallier mingħajr tebgħa u mingħajr biżà”, kif għadu jissejjah sal-lum, għal nofs seklu sħiħ, sal-mewt bikrija tiegħu fl-1950, kien jagħti fastidju, ifixkel, jisfratta l-pjanijiet ta’ l-Ingliżi, iżda mhux tagħhom u lilhom biss.
Hawnhekk se nittratta l-ġlieda l-kbira tiegħu għad-difiża ta’ l-identità nazzjonali u kulturali ta’ Malta.
Se nibda billi nikkwota, per eżempju, minn risposta li Nerik kien ta fil-ġurnal Malta (24.03.1911) lil gazzetta pro-Ingliża f’Malta Malta Chronicle, u li hu stess ikkwota waqt il-qorti marzjali li kienu għaddewh l-Ingliżi, u li minn sabuh ħati u kkundannawh sena ħabs, li però, kienu ħafrulu meta raw l-għadab tal-poplu:
...aħna l-Maltin...frankament u lealment ngħidu lil Ingilterra li tħares aktar l-interessi tagħha li kieku tirrispetta fina dak kollu li jikkostitwixxi wirt intanġibbli tar-razza tagħna, billi jagħrfu li aħna għandna d-dritt nitkellmu l-lingwa tagħna u nissalvagwardaw l-interessi u l-libertajiet tagħna...
...intom jirnexxilkom tagħmlu l-lingwa Ingliża bħala dik unika hawnhekk...biss meta u jekk tkunu għextu hawn daqs kemm ilha tgħix u taħdem hawn ir-razza Latina.
Hawn ta’ min ifakkar li dak iż-żmien l-imperu Ingliż kien ta bidu għall-pjan li minflok it-Taljan, li għal sekli sħaħ kienet il-lingwa kulturali tal-Maltin, idaħħal dik Ingliża, bl-iskop finali li b’hekk jiddenazzjonalizza ‘l Maltin, u jkun jista’ jiddominahom aħjar. Għax wara mitt sena li kien ilhom li ħatfu lil Malta, u l-aktar meta l-Italja ingħaqdet fl-1860, bdew jinkwetaw li l-poplu xorta baqa’ kburi bl-identità Latina-Taljana, Ewropea tiegħu.
Iżda dan kien fl-1911, meta fl-Italja ma kienx għad hemm il-Faxxiżmu, u allura l-Ingliżi ma setgħux iġibu l-iskuża ta’ theddida minn xi espansjoniżmu Taljan. Anzi l-Italja dak iż-żmien kienet alleata ta’ l-Ingilterra!
Ir-riferenza ta’ Nerik għar-razza Latina, wieħed jista’ jifimha aħjar minn ittra oħra tiegħu li dehret fil-ġurnal Skoċċiż Glasgow Herald fil-21 ta’ Diċembru 1924. Dan kien żmien meta l-Gvern Imperjali Ingliż kien qed jipprova jbiddel l-ortografija tal-Malti biex tiġi tixbah aktar lill-Għarbi milli lil Latin/Taljan, bl-iskop ċar li jkunlu aktar faċli jinforza l-lingwa Ingliża.
Din l-ittra kienet b’risposta għal oħrajn tal-Brigadier Ġenerali Mudie, li għal xi snin kien rappreżentant tal-Gvern Ingliż fil-Kunsill Amministrattiv kolonjali f’pajjiżna, u ta’ ċertu Dr. Cowan li għex għal żmien twil f’Malta.
Wara li Nerik fakkar kif sfortunatament id-dominazzjoni Għarbija, l-istess bħal fi Sqallija u bnadi oħra, ħalliet traċċi fuq il-Malti, ikkwota lill-filoloġista Ingliż W. Wright li fi studju li għamel kien iddeskriva l-Malti bħala “l-aktar djalett Għarbi korrott, li għandu 30 fil-mija biss Għarbi u l-kumplament ta’ oriġini Taljana jew neo-Latina”, Nerik kompla jgħid li qabel ma ħakmuna l-Għarab, “Malta kienet parti mill-Imperu Ruman għal eluf ta’ snin, u l-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu kunsidrati bħala “socii” ta’ waħda mill-aktar ġnus nobbli, il-”Quirina”...l-Maltin kienu jitkellmu l-Latin ta’ Sqallija, jew, forsi, il-Grieg, iżda żgur mhux il-Feniċ jew il-Puniku.”
Wara li l-Konti Ruġġieru u ibnu ħelsu lil Malta mill-ħakma Għarbija, “kien ir-Re Federiku II li keċċa l-Għarab li kien fadal, u anki Lhud li kien hawn, u ħelisna wkoll mill-aħħar traċċi tal-Liġi Musulmana.
Fl-1224, imbagħad, minħabba tradiment tas-sid fewdali qered il-belt ta’ Celano fir-reġjun ta’ Abruzzo u lill-popolazzjoni ta’ Celano bagħtaha f’Malta, li magħha ingħaqdu oħrajn minn Sqallija, wara li wkoll inħelset mill-ħakma Gharbija”.
Dak iż-żmien Malta kienet miżgħuda tista’ tgħid bl-Għarab biss għax dawn kienu ħallew biss xi 250 familja Maltin, ilsiera, u l-maġġoranza kienu qatluhom jew eżiljawhom.
Dawn il-veritajiet forsi llum nistgħu nikkunsidrawhom bil-kalma kollha u mingħajr preġudizzji u passjoni politika, għax wara kollox huma biss Storja. Iżda dak iż-żmien kienu kwistjonijiet jaħarqu ferm u skomdi għall-awtokrati Ingliżi.
Biex tkompli tiggrava l-affarijiet, imbagħad, aktar tard Mussolini daħal fil-gwerra alleat ta’ Hitler, bil-konsegwenza li Enrico Mizzi reġà spiċċa vittma taċ-ċirkostanzi, u sar skomdu, anki għal uħud li kienu jaqblu miegħu.
Dwar dan il-perjodu, li spiċċa b’Nerik jiġi eżiljat mill-gvern imperjali Ingliż fl-Afrika, flimkien ma’ għadd ta’ Maltin oħra, nikteb darb’oħra.
No comments:
Post a Comment