Is-Sibt, 19 ta’ Diċembru 2009

MUNTANJA LI WELLDET ĠURDIEN

il-falliment ta’ kopenħagen
Il-muntanji tħabblu, iżda mill-ħlas welldu biss ġurdien tal-imramma ridikolu”. Dan il-vers (Parturient montes, nascetur ridiculus mus) minn poeżija tar-Ruman  Quintus Horacius Flaccus tiddeskrivi eżattament ir-riżultat tas-summit f’Kopenħagen dwar il-klima wara ġimgħatejn ta’ diskussjonijiet u konfużjoni bejn rapprażentanti ta’ ‘l fuq minn 190 pajjiż. L-organizzaturi, in-Nazzjonijiet Uniti, bnew muntanja kbira ta’ aspettattiva u katastrofiżmu kemm-il darba dik il-konferenza dinjija ma tilħaqx l-iskopijiet li għaliha saret, li l-ewwel kien li jiġi ffirmat trattat li jieħu post il-Protokoll ta’ Kjoto li jintemm fl-2012, u wara, meta bdew ixommu li dan ma kien hemm l-ebda ċans li jseħħ, bdew jgħidu li l-konferenza kellha twassal biex għallinqas jintlaħaq ftehim globali li jorbot lill-pajjiżi kollha, sabiex aktar tard s-sena d-dieħla, dawn jiffirmaw protokoll ġdid.   
 Ġara, iżda, li lanqas dan il-ftehim ma waslu għalih, għax mhux biss m’għandnix Protokoll ta’ Kopenħagen, iżda lanqas Ftehim ta’ Kopenħagen li jorbot lill-pajjiżi kollha. falliment. Dan, ma’ oħrajn, kont bassartu kważi xahar ilu, fil-21 ta’ Novembru.
Il-President Obama irnexxielu biss jikkonvinċi lill-mexxejja ta’ erba’ pajjiżi oħra, li suppost għadhom qed jiżviluppaw, biex jingħaqdu miegħu  f’sempliċi “Qbil (Accord) ta’ Kopenħagen”. Sakemm qed nikteb kien għad mhux magħruf jekk l-Unjoni Ewropea jew ir-Russja kienux se jingħaqdu ma’ dawk il-ħames pajjiżi, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw xejn ma ħarġu kuntenti bil-qbil, li Obama stess ammetta li mhuwiex biżżejjed u li għad fadal ħafna xi jsir.
Falliment għax l-uniku ftehim, anzi, biex inkunu eżatti, qbil politiku dgħajjef u vag, huwa karta ta’ tlett paġni skarsi, s’issa ffirmat minn ħames pajjiżi biss minn 193, meta biex dan ikun effettiv jrid jiġi approvat b’konsensus. Fil-fatt il-Konferenza ta’ Kopenħagen sempliċiment “ħadet nota” tiegħu, iżda ma adottattux bħala d-dokument finali tagħha. Kulħadd, għalhekk, se jaqdef għal rasu.  Fuq kollox dan il-qbil ma jorbot lil ħadd legalment! Falliment.
Iżda, għal min forsi xorta jinteressah, ħalli naraw il-fatti ta’ dan il-Qbil ta’ Kopenħagen, u mhux il-ftaħir tas-soltu media internazzjonali dwar “ftehim storiku –  sinifikanti (meaningful)”.
L-erba’ pajjiżi li qablu ma’ Obama (li għal xi raġuni ma ħassx il-bżonn li jikkonsulta lill-Unjoni Ewropea) huma  biss iċ-Ċina, l-Indjan, il-Brażil u l-Afrika  t’Isfel. Dawn ma setgħux ma jaqblux għax Obama kien hu li qabel mal-erba’ kundizzjonijiet ewlenin li dawn baqgħu jinsistu dwarhom mill-bidu:
1.     L-ebda limiti obbligatorji ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
2.     L-ebda tnaqqis ta’ emissjonijiet sakemm dan ma jħallasx għalihom il-Punent.
3.     L-ebda kontroll internazzjonali ta’ kwalunkwe tnaqqis li ma jħallasx għalih il-Punent.
4.     L-ebda użu tal-“global warming” bħala skuża biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq pajjiżi li ma jnaqqsux l-emissjonijiet
Dawn fil-qosor huma l-punti ta’ dan il-Qbil ta’ Kopenħagen:
Il-ħames pajjiżi qablu li, “jenfasizzaw li t-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi  ta’ żmienna” u “r-rieda politika qawwija li jiġġieldu t-tibdil fil-klima” filwaqt li jirrikonoxxu “il-ħtieġa xjentifika li ż-żjieda fit-temperatura globali għandha tkun taħt iż-2ºĊ u forsi taħt il-1.5ºĊ”, jimmiraw li “jikkoperaw biex jilħqu dawn l-għanijiet globali u nazzjonali kemm jista’ ikun malajr”, jirrikonoxxu li l-qirda tal-faqar  hija “il-prijorita’ assoluta għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw”, u jaċċettaw il-ħtieġa li jgħinu lill-pajjiżi vulnerabbli – speċjalment dawk l-inqas żviluppati, il-gżejjer żgħar u l-Afrika  – biex jadattaw għat-tibdil fil-klima.
Miri: Il-partijiet fil-Qbil se jimponu fuqhom infushom miri ta’ emissjonijiet għas-sena 2020, u jridu jissottomettu l-istess miri lis-segretarjat sal-31 ta’ Jannar 2010. Pajjiżi li qed jiżviluppaw u li se jitħallsu biex inaqqsu l-emissjonijiet jistgħu jiġu kkontrollati biex jiġi żgurat li dan qed jagħmluh. Pajjiżi żviluppati se jgħinu finanzjarjament lil dawk inqas żviluppati biex ma jkomplux jeqirdu l-imsaġar tagħhom. Jista’ jiddaħħal in-negozju tal-karbonju (carbon trading).
Burokraziji ġodda u finanzjament: Taħt is-superviżjoni ta’ “panel ta’ livell għoli”, il-pajjiżi żviluppati jagħtu sa’ €21 Biljun bejn l-2010-12, bil-mira ta’   €70 Biljun sal-2020, f’finanzjament “gradwali, addizzjonali, prevedibbli u adekwat” lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta’ Copenhagen Green Fund. “Mekkaniżmu ta’ Teknoloġija” għandu “iħaffef it-trasferiment ta’ żviluppi teknoloġiċi” lill-istess pajjizi.
Dak kollox. Qbil għali, li jista’ jiswa’ ħafna flus? Iva. Neċessarju? Le. Il-paragun bejn l-allarmiżmu mgħajjat minn diversi mexxejja qabel u waqt il-konferenza dwar is-suppost ħtieġa li “Insalvaw il-pjaneta issa” qabel ikun tard wisq, u r-riżultat dgħajjef  li ħareġ minnha huwa verament każ ta’ muntanja li welldet ġurdien żgħir! U mn’Alla!
Minkejja r-retorika kollha li smajna minnhom f’dawn il-jiem, jidher li l-mexxejja ta’ dawk in-nazzjonijiet fejn dawn perjodikament ikollhom jaffrontaw il-ġudizzju elettorali, bdew jiddubitaw kemm ċerti xjentisti qed jgħidulhom il-verita’, speċjalment minn meta, ftit qabel marru Kopenħagen, faqqa’ l-iskandlu ta’ Climategate.
Dawn issa suppost li se jerġgħu jiltaqgħu sitt xhur oħra fil-Ġermanja, iżda sa’ dakinhar mistennija jkunu ħarġu r-riżultati tal-investigazzjonijiet dwar Climategate li diġa’ tħabbru li se jsiru kemm fl-Ingilterra kif ukoll fl-Istati Uniti.
B’hekk l-iskandlu mistenni jkompli jikber, u għalhekk aktar probabbli li konferenza oħra ma ssirx qabel Diċembru ieħor, fil-Messiku.
Sa’ dak iż-żmien il-babaw tat-“Tisħin tal-Globu”  ikun kompla sfuma. Kopenħagen fisser il-bidu tat-tmiem ta’ dan li hemm  min qed iqiesu “Komuniżmu Aħdar”: attentat mill-Eko-Komunisti ta’ kolp ta’ stat burokratiku globali li falla, u qajla jkollu ċans jirnexxi xi darb’oħra. Iżda tajjeb li nibqgħu viġilanti, għassa, u nirreżistu kontra kull attentat simili li għad jista’ jitfaċċa.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide