Jekk xi ħadd kellu d-dubji dwar dak li qed jinħema fil-kapitali Daniża għas-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima, u l-iskop veru tal-biċċa l-kbira tad-delegati tal-pajjiżi li suppost għadhom qed jiżviluppaw (p.e. ċ-Ċina!) żgur li m’għadx hemm skużi għal dubji. Id-diskorsi u l-atteġġjamenti tal-kapijiet u d-delegati kixfu dak li verament jinteressahom: Flus …FLUS … u aktar FLUS!
Tneħhew il-maskri u l-ingwanti u l-iskop veru tal-babaw tat-‘tisħin tal-globu’ ħareġ ċar. Diskorshom kien jikkonsisti jew f’biki u tnewwiħ dwar il-faqar u t-theddid mit-tibdil fil-klima, jew inkella f’tgħajjir sfrenat lill-pajjiżi kapitalisti li ġabu dan il-gwaj kollu fid-dinja, u kif allura huma obbligati jħallsu sa’ mniħirhom.
Qalilna l-kampjun tal-liberta’ u d-demokrazija, l-Komunista Hugo CHAVEZ tal-Venezwela, li huwa l-kapitaliżmu li jaħti għat-‘tisħin tal-globu’ , “…iżda b’xorti tajba, jekk hawn ġew hawn l-ispettru ta’ dan il-kapitaliżmu, …hawn ukoll il-ħares tas-Soċjaliżmu jħuf li se jsalva l-pjaneta” – u hawn is-sala nfaqgħet biċ-ċapċip itarrax ta’ dawk preżenti li qamu saħansitra bil-wieqfa, u li kienu jinkludu wkoll dawk xellugin estremi minn pajjiżi kapitalisti – li kien hemm ħafna minnhom.
Qablu kien tkellem ix-xempju l-ieħor tad-demokrazija u l-liberta’, id-dittatur taż-Żimbabwe li wkoll intlaqa’ b’ċapċip kbir meta ma staħax jinsisti bi dritt għall-flus mill-Punent bħala tpattija għas-suppost “dejn klimatiku”!
Biex ikompli jgħaqqad iċ-ċirku, mbagħad tkellem ukoll in-negozjatur ewlieni tal-gżira ta’ Tuvalu, Ian Fry li, liebes ingravata-ċoff, mela’ għajnejh bid-dmugħ hekk kif talab lid-delegati l-oħra jieħdu azzjoni soda, għax qal li filgħodu qam jibki, u li “il-futur ta’ pajjiżi huwa f’idejkom”.
Ħalliha li wara sar magħruf li dan Fry lanqas biss jgħix f’Tuvalu, iżda fl-Awstralja fejn ilu fuq minn għaxar snin. Sadattant dwar ‘il-periklu’ li suppost qed jiffaċcjaw il-gżejjer żgħar mit-tibdil fil-klima , aqra aktar l-isfel.
Intant f’Kopenhagen tkellem ukoll il-President AmerikanOBAMA(viżibilment frustrat), illum appella lill-pajjiżi jaċċettaw ftehim, "anki jekk mhux perfett", u li probabbli se jkun wieħed sempliċiment politiku mingħajr ebda irbit sostanzjali.
Ta min ifakkar li lanqas Obama nnifsu ma jista’ jintrabat b’xi tnaqqis, għax dan għad irid jikseb l-approvazzjoni, diffiċli, tas-Senat f’pajjiżu.
Ta min ifakkar li lanqas Obama nnifsu ma jista’ jintrabat b’xi tnaqqis, għax dan għad irid jikseb l-approvazzjoni, diffiċli, tas-Senat f’pajjiżu.
Il-Gżejjer mhux veru fil-periklu
Wieħed mill-ikbar babaw favoriti u fl-istess ħin sottili hu dak li jbeżżgħu bil-periklu tal-baħar jogħla u jhedded li jgħarraq gżejjer żgħar u fost dawn jissemmew il-Maldivi, Tuvalu u għadd ta’ gżejjer fl-Oċean Paċifiku, iżda li ma jinkludux lil Malta, tant li l-istess European Envirnoment Agency ma tinkludix l-għoli tal-livell tal-baħar fit-tbassir ta’ perikli fi-Mediterran mit-tibdil fil-klima .
Iżda l-Isvediż Dr. Niels-Axel Mörner, l-aqwa espert fid-dinja dwar problemi relatati mal-livell tal-baħar igiddeb bil-provi li gżejjer bħal Maldivi jew Tuvalu huma fil-periklu li ‘jgħerrqu’, bħalma ssostni l-IPCC tan-NU li mit-22 li kitbu r-rapport dwar is-suġġett ĦADD minnhom ma kien speċjalista dwar il-livell tal-baħar.
Mörner sab li l-baħar veru kien qed jogħla, bejn l-1850 u l-1940, b’mhux aktar minn millimetru kull sena. Wara baqa’ stabbli, sakemm fis-Snin Sebgħin, per eżempju fil-Maldivi, NIŻEL bejn 20 u 30 ċentimetru, u minn dakinhar baqa’ stabbli.
Dwar Tuvalu li suppost se tegħreq fi żmien ħamsin sena minħabba l-ħafna karbonju li pproduċew, hemm ukoll ma jirrizultax xi żjieda fil-livell tal-baħar kawżat mit-tibdil fil-klima f’dawn l-aħħar 30 sena.
Iżda fiż-żewġ każi l-gvernijet kien jaqblilhom isostnu t-teżi tal-UN-IPCC, biex jakkwistaw kemm jifilħu flus mill-pajjiżi żviluppati!
No comments:
Post a Comment