Il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2009

Climategate Tsunami

Jirriżenja direttur imdaħħal    fl-iskandlu Climategate
Il-Professur PHIL JONES ħabbar li rriżenja minn Direttur tal-Climate Research Unit (CRU) fl-Università ta’ East Anglia fl-Ingilterra sakemm tintemm l-investigazzjoni (il-kelma eżatta użata fl-istqarrija tiegħu hija Review) indipendenti, dwar l-allegazzjonijiet wara l-hacking u l-pubblikazzjoni ta’ e-mails li oriġinaw mill-istess CRU.
Jones – li huwa l-aktar xjentist implikat fl-iskandlu Climategate – qal li dan qed jagħmlu biex ma jfixkilx ix-xogħol tal-investigazzjoni (li trid tlesti xogħlha sar-Rebbiegħa tal-2010) u lanqas il-ħidma tal-istess CRU. 
   Kurjuż il-fatt li postu temporanjament mhux se jieħdu Keith Briffa li huwa  d-Deputat Direttur tas-CRU, iżda minflok professur ieħor, Peter Liss, se jagħmilha ta’ Acting Director.
Minn meta faqqa’ l-iskandlu Briffa, x’aktarx ta’ nisel Malti, ma nstemgħax iżjed, u ma weġibx għal diversi messaġgi li ntbagħtulu anki minn Malta, inkluż minni.
---------------<>----------------
Xi wħud ikkummentawli li fil-blogg tiegħi qed nagħti ħafna importanza lil dak li qed insejjaħ ġenn dwar t-tibdil fil-klima. Dan veru, iżda wara li faqqa’ l-iskandlu ta’ Climategate, kważi kuljum qed ikun hemm żviluppi importanti, li ħaqqhom li nġibhom għall-attenzjoni ta’ dawk li jsegwu dan il-blogg
Dan aktar u aktar meta l-media lokali, bħal ħafna minn dik internazzjonali, qed jinjoraw, jew għadhom ma stenbħux għall-importanza ta’ dan l-iskandlu xjentifiku, li bħal donnu tsunami, qed iħalli riperkussjonijiet  f’diversi pajjiżi.
Wara li nkixef dak l-iskandlu, minbarra li n-numru ta’ xettiċi dwar it-tibdil fil-klima u t-tisħin tal-globu suppost kawżat mill-bniedem kompla jikber, riperkussjonijiet oħra qed ivarjaw minn sejħiet għal inkjesti, riżenji, kunsiderazzjonijiet mill-ġdid ta’ pożizzjonijiet ta’ korpi u istituzzjonijiet, mhux biss xjentifiċi, u saħansitra bdil ta’ mexxej ta’ partit, dibattiti. u diżgwid fi ħdan partiti anki fi gvernijiet, b’uħud minn dawn fil-periklu li jaqgħu.



------------<>-------------
GVERN FIL-PERIKLU/KAP TAL-OPPOŻIZZJONI ĠDID
F’din is-sitwazzjoni jinsab il-gvern Laburista Awstraljan wara li l-Erbgħa, liġi li ried iressaq li tintroduċi Emissions Trading Scheme (ETS), suq ġdid biex l-industrji, u l-pajjiż, inaqqas il-ħruġ ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet CO2, m’għadditx mis-Senat b’41 kontra u 33 favur.
Fis-Senat Awstraljan il-Laburisti m’għandhomx maġġoranza u biex jgħaddi liġijiet iridu l-appoġġ tal-Ħodor. Jidher li din id-darba lanqas dawn ma kienu biżżejjed, għax minbarra li ħames deputati Laburisti ivvutaw kontra l-liġi, l-Oppożizzjoni Liberali/Nazzjonali, li għall-ewwel deher li kienet se tivvota favuriha, spiċċat ivvutat kontra.

Li kieku m’għamlitx hekk tnax-il senatur Liberali kienu lesti jirriżenjaw. Iżda l-mexxej Liberali Turnbull baqà jinsisti li huma jivvutaw favur. Dan wassal biex fil-Partit saret elezzjoni għall-ħatra tal-kap li ntrebħet minn Tony Abbot.
Wara li l-Oppożizzjoni għelbet lill-gvern, Abbott iddikjara li l-Awstralja m’għandhix tadotta sistemi ta’ kummerċ tal-emissjonijiet qabel din tkun parti minn sistema dinjija. “Dak ikun iż-żmien xieraq, jekk qatt jasal, għax ma jidhirx li dan se jseħħ, lanqas fl-Amerika”.
Il-Prim Ministru Laburista Kevin Rudd iddikjara li ma kienx se jirrizenja minkejja dan il-vot kontra, u beħsiebu jerġà jressaq il-liġi x’aktar fi Frar tas-sena d-dieħla. Jekk lanqas dakinhar ma jġibha żewġ, ikollu jsejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien, għax din suppost issir sa’ Novembru tas-sena d-dieħla.

Ta min ifakkar li l-Awstralja, flimkien mal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, ma kenitx iffirmat il-Protokol ta’ Kjoto fl-1997 meta kien hemm gvern Liberali. Iżda malli l-Labour rebħu l-elezzjoni fl-2007, l-ewwel miżura li ħadu kienet li ffirmaw dak it-trattat.


No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide