Il-Ġimgħa, 23 ta’ Marzu 2012

Ċentru-Lemin Maqsum - Jirbaħ ix-Xellug

L-EWWEL GVERN B'PARTIT WIEĦED FIS-SLOVAKKJA
Nibda qabel kollox billi niskuża ruħi għal din l-assenza tiegħi għal dawn l-aħħar ħmistax, imma kelli impenji oħra, anki familjari li ma ħallewlix wisq ħin liberu.
F'dan il-perjodu kien hemm l-elezzjoni bikrija fis-Slovakkja wara li l-oppożizzjoni Soċjalista qablet li – wara li l-ewwel darba astjeniet – tivvota favur tkabbir fl-ammont ta' self disponibbli  fil-European Financial Stability Facility tal-UE basta l-gvern ĊentruLemini ta' Ivana Radicova jirriżenja. Kien hemm  ukoll l-hekk imsejjah skandlu"tal-Gurilla" dwar wire tapping mis-servizz sigriet li kien jinvolvi kemm mill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni, fejn, però, żewġ partiti fil-gvern, biex jiksbu vantaġġ elettorali bdew jikkritikaw lil Prim Ministru Radicova u lil-eks ministru Dzurinda tal-ikbar partit fil-koalizzjoni governattiva dwar l-iskandlu, meta ma kienx hemm provi validi biżżejjed fid-dokumenti pubblikati.
Minħabba f'dan kollu, fl-analiżi tiegħi ta' kull ġimgħa f'In-Nazzjon kont ittamajt li, minħabba li l-maġġoranza tal-elettorat Slovakkja ĊentruLeminija, is-Soċjalisti setgħu jiksbu maġġoranza biss jekk jiżdied in-numru ta'  dawk li ma jmorrux jivvutaw.
Ġara, però, li din id-darba s-Slovakki marru jivvutaw f'numru ikbar, anki jekk bi ftit, 0.3%, iżda dan ivvantaġġja lis-Soċjalisti li żjiedu bi ftit inqas minn 4% il-voti fuq dawk li kisbu sentejn ilu, u baqgħu l-ikbar partit. Hekku, għax anki fl-elezzjoni ta' qabel kienu s-Soċjalisti li kisbu l-aktar voti, iżda dakinhar xorta ma setgħux jiggvernaw għax ma kisbux maġġoranza ta' siġġijiet mill-150 fil-parlament.
Minflok kienu erba' partiti taċ-ĊentruLemin li ggvernaw għax bejnithom kellhom maġġoranza ta' voti u siġġijiet
Din id-darba, però il-fatt li ċ-ĊentruLemin kienu maqsumin fi 12-il partit ħadem kontrihom għax, il-voti tferrxu u s-sistema elettorali tat maġġoranza biżżejjed ta' siġġijiet lis-Soċjalisti, biex għall-ewwel darba fis-Slovakkja se jkollhom gvern magħmul minn partit wieħed – dan  minkejja li l-maġġoranza tal-elettorat xorta waħda għadha ĊentruLeminija 44.98%. Is-Soċjalisti kisbu 44.4%.
Intant is-sitt partiti taċ-ĊentruLemin għallinqas qablu li ma jappoġġjawx lis-Soċjalisti, biex issa dawn mhux se jkollhom biċċa xogħol ħafifa jiggvernaw waħedhom fil-kriżi ekonomika/finanzjarja fil-pajjiż u fl-Ewropa  – filwaqt li s-soluzzjonijiet xellugin li se jattwaw biex isolvu l-kriżi se jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni, bħalma kienu għamlu meta l-aħħar li kienu fil-gvern fl-2006.
Sadanittant il-partiti taċ-ĊentruLemin, jekk iridu jikkonfrontaw bis-serjetà lis-Soċjalisti, jrid ikollhom aktart lealtà lejn xulxin, u jridu bilfors isibu mod kif jingħaqdu f'moviment jew partit wieħed kbir ħalli l-maġġoranza tal-elettorat, ĊentruLemini, jkun jistà jagħtih maġġoranza ta' siġġijiet ukoll f'elezzjoni oħra

L-Erbgħa, 7 ta’ Marzu 2012

L-Għażla tal-Kandidat Repubblikan

XEJN  DEĊIŻIV QABEL APRIL-MEJJU
Mill-għaxar stati fejn il-bieraħ saru l-elezzjonijiet primarji tar-Repubblikani biex jintgħażel il-kandidat li se jisfida lill-President Obama f'Novembru, Mitt Romnery rebaħ sitta, Rick Santorum tlieta u Newt Gingrich wieħed, b'Romney jirbaħ l-istat kruċjali ta' Ohio, iżda dan b'vantaġġ ta' wieħed fil-mija biss aktar minn Santorum: 38% kontra 37%.
L-istati fejn sar l-elezzjonijiet kienu għaxra u huwa għalhekk li l-bieraħ jissejjaħ Super Tuesday.
Ġeneralment wara dawn l-elezzjonijiet ikun kważi ċert min se jirriżulta l-kandidat tal-partit. iżda l-analisti kollha qed jaqblu li dan ma kienx il-każ din id-darba, u x'aktarx li qabel April jew Mejju r-Repubblikani mhux se jkunu għadhom għażlu l-isfidant ta' Obama.
Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Erba' snin ilu fl-elezzjonijiet għall-għażla tal-kandidat Demokratiku dawn kienu damu sa' Ġunju biex fl-aħħar kien ħareġ rebbieħ Obama, u t-taqtigħa, anki verbalment, bejn Obama u Hilary Clinton xejn ma  kienet waħda nadifa.
Bħal dan iż-żmien f'Marzu ta' erba' snin ilu, kwart tal-partitarji ta' Clinton kienu bdew jheddu li jekk ma kenitx se tirbaħ hi n-nominazzjoni, huma kienu se jabbandunaw lill-partit Demokratiku, u jivvutaw lill-kandidat Repubblikan John McCain! Ħalliha li mbagħad, wara li Obama ntgħażel kandidat, Clinton ċediet, u l-partit kollu ingħaqad wara Obama sar-rebħa tal-Presidenza.
Biex Romney jirbaħ in-nominazzjoni jrid jirbaħ mill-inqas 1144 delegat, u s-sitwazzjoni wara Super Tuesday hija hekk:
Romney 429 delegat; Santorum 169; Gingrich 118
Ta' min jinnota li s'issa saru elezzjonijiet fejn kien jingħad li Romney kien favorit, iżda ħafna mill-istati li jmiss issa jinsabu fin-nofsinhar tal-pajjiż fejn hemm aktar Repubblikani konservattivi li xejn m'huma kuntenti bl-ideat liberali żżejjed jew dubjużi ta' Romney dwar suġġetti għall-qalb dawn il-votanti.
Għal daqshekk hawnhekk jistà ikun Santorum vantaġġjat, għalkemm mill-banda l-oħra hemm ukoll stati msejħa winner-takes-all  (fejn min jikseb maġġoranza ta' voti – ġeneralment 50%, jirbaħ id-delegati kollha f'dak l-istat) u hawn jiddependi jekk fid-'dwell' ikunux hu u Romney biss.

Il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2012

Elezzjoni oħra farsa fir-Russja

BĦALMA ILU MISTENNI ....'JIRBAĦ' PUTIN
Ma kienet sorpriża għal ħadd l-aħbar li ta l-lejla l-istazzjon statali Russu, li Vladimir Putin rebaħ l-elezzjoni li saret illum, biex wara intervall ta' erba' snin, għat-tielet darba, hu se jerġà jokkupa l-kariga ta' president, bħalma diversi analisti, u anki jiena, konna bassarna dakinhar stess, li Dmitri Medvedev 'leħaq' President, li ċjoè dan tal-aħħar kien se jirriserva s-siġġu lil Putin, sakemm dan jagħmel erba' snin Prim Ministru minfloku (speċi ta' musical chairs, insomma) u issa jirritorna President.
Sakemm qed nikteb, id-diversi exit polls qed jagħtu 'rebħa' lil Putin ta' bejn 51 u 61%, li xorta huwa ferm inqas mill-71% li hu kien kiseb fl-2004, u Medvedev fl-2008 meta kienu marru jivvutaw 69.7% u MHUX 64% bħalma bdiet tirraporta l-media, forsi influwenzata minn dak li bdew jgħidulhom l-awtoritajiet biex ma tidhirx d-differenza ta' kważi 6%, hekk kif dejjem aktar Russi ma jridux aktar jieħdu parti f'elezzjonijiet farsa.
Infatti volontarji li ssorveljaw l-proċess tal-elezzjoni, sa' qabel ħareġ ir-riżultat irrapurtaw abbużi bħalma jidher f'dan il-filmat tal-istazzjon France 24:

  Il-kampanja ta' Putin kienet ibbażata fuq l-istabbilità li hu rnexxielu jġib fil-pajjiż wara t-taqlib tas-Snin Disgħin meta fir-Russja veru kienet bdiet tirrenja l-anarkija, imma aktar ma għadda ż-żmien aktar dik li hu beda jsejjaħ "demokrazija sovrana" bdiet ssir dejjem  aktar awtoritarja.
Imma bħalma qal Gleb Pavlovski – li sa' xahar ilu kien minn "ta' ġewwa" fil-Kremlin – "xi ħaġa tgħidli li dan kollu mhux se jtul wisq iżjed. Ħadd, inkluż Putin, m'għandu idea x'se jiġri lis-sistema politika Russa  wara din l-elezzjoni."
L-aħħar xagħrejn, infatti, bidlu profondament ix-xenarju politiku Russu u wasslu għal kriżi profonda ta' leġittimità fir-reġim ta' Putin. Jiem biss wara l-elezzjonijiet parlamentari vilment imbagħbsa ta' Novembru, ir-reżistenza għas-saltna tiegħu bdiet dejjem tiżdied, u dak li ħadd ma bassar qabel sar realtà: Aktar minn 100,000 ruħ  ħarġu jipprotestaw kontra Putin fit-toroq ta' Moska – tlett darbiet – u l-pulizija ma waqqfithomx, u issa l-volontarji li semmejt qabel biex jissolveljaw l-elezzjoni leħqu mat-370,000 imxerrda mar-Russja kollha
Fost l-aktar persunaġġi leali lejn Putin, bħall-Ministru tal-Finanzi Alexei Kudrin u l-billjunarju Mikhajl Prokhorov bdew jinsistu fil-miftuħ għal elezzjonijiet ġodda u onesti.
F'Novembru wkoll għall-ewwel darba Putin affronta folla ostili meta ġie bbuwjat fi stadium mimli b'fans tal-boxing.
Fi kliem l-istess Pavovski "Putin ma jistax ikompli jirrenja aktar bħal xi Kżar Russu – m'għadux aktar fiċ-ċentru tal-kunsens".
Dan x'aktarx inkomplu narawh fil-jiem li ġejjin meta diġà mħabbra aktar protesti.
---------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------
Elezzjoni farsa wkoll ....fl-Iran
AĦMADINEĠAD TELLIEF ...IMMA T-THEDDIDA NUKLEARI GĦADHA HEMM
Bħalma kien mistenni wkoll l-elezzjonijiet farsa li saru fl-Iran rriżultaw f'sempliċi kompetizzjoni bejn il-kandidati radikali Islamiċi tal-Ajatollaħ Kamenej u l-President Aħmadineġad, b'dan tal-aħħar jispiċċa tellief, għax issa Kamenej għandu l-maġġoranza assoluta tad-deputati fil-parlament Iranjan. B'hekk dan issa jistà jbiddel il-kostituzzjoni kif irid, anki jneħħi għal kollox il-kariga ta' President, bħalma kien issuġġerixxa xi żmien ilu bl-iskop li jwarrab lil Aħmadineġad, li kien beda jhedded ukoll il-poter tal-Ajatollaħ!
Dan però ma jfissirx li f'dik li hija politika barranija se jinbidel xi ħaġa, għax it-theddida li l-Iran jibqà jirsisti biex ikollu armi nukleari se tibqà hemm.
F'dak li għandha x'jaqsam, l-oppożizzjoni, l-mexxejja tar-riformisti għadhom arrestati f'darhom, u l-appell li sar biex jiġu bojkottjati l-elezzjonijiet jidher li ma rnexxix, għallinqas skond iċ-ċifri uffiċjali tat-turnout, għax dan kien għola milli fl-aħħar elezzjoni tal-2008.


L-Erbgħa, 29 ta’ Frar 2012

Elezzjonijiet Presidenzjali fl-Amerika u fis-Senegal

ROMNEY JIRBAĦ BIL-ĦNIENA FL-ISTAT TIEGĦU
Mitt Romney u Rick Santorum
Il-kandidat Repubblikani għall-Elezzoni Presidenzjali f'Novembru li ġej Mitt Romney irnexxielu jirbaħ bil-ħniena fl-istat tiegħu il-Michigan fl-isfida diretta minn Rick Santorum, u b'hekk evita umiljazzjoni kerha kieku tilef. Infatti filwaqt li dan tal-aħħar kiseb 38% tal-voti fil-primaries, Romney għaddih biss bi tliet punti, biex kiseb 41% tal-voti.
Barra minhekk qed jiġi kalkukat li bħala delegati hawn se jispiċċaw bl-istess numru.
Romney rebaħ ukoll fl-istat ta' Arizona fejn hemm rebaħ b'47% kontra s-27% ta' Santorum
B'hekk Romney s'issa rebaħ f'sitt stati u Santorum f'erba'.
Imma t-tellieqa bejn Romney u Santorum għal min minnhom se jisfida lil Barak Obama għad fadlilha biex tintemm, għax filwaqt li Romney s'issa kiseb 163 delegat u Santorum 83, biex kandidat jiżgura ruħu minn nominazzjoni fil-Konvenzjoni f'Tampa fis-Sajf jrid jikseb l-appoġġ ta' mill-inqas 1144-il delegat.
Importanti ħafna, għalkemm mhux bilfors deċiziv, imma indikattiv, huma l-elezzjonijiet li se jsiru nhar it-Tlieta li ġejjin 6 ta' Marzu magħrufa bħala Super Tuesday, għax dawn isiru f'madwar 20 stat fejn iridu jintrebħu 419-il delegat, fosthom fi stati kbar importanti bħal Ohio u Georgia.

LEJN IT-TIENI ROUND FL-ELEZZJONI FIS-SENEGAL
Abdulaje Wade u Macky Sall
L-oppożizzjoni fis-Senegal għamlet pass importanti biex tiżgura li l-pajjiż jibqà igawdi l-fama ta' wieħed mill-istati Afrikani l-aktar stabbli u demokratiċi minkejja t-tentattivi tal-President Abdulaje Wade li jikseb it-tielet mandat kontroversjali, u li qajjem protesti, anki vjolenti u mdemmija.
Wade safa' umiljat minħabba li ma kisibx il-50% u fuqhom tal-voti biex jevita t-tieni round. Infatti filwaqt li hu ġab biss 34.82% tal-voti, l-eks prim ministru Macky Sall kiseb 26.57%, skond riżultati provviżorji pubblikati l-lejla mill-Kummissjoni Elettorali.
Sall kien tneħħa mill-kariga minn Wade fl-2008 wara li kellu xi jgħid miegħu, u waqqaf partit ġdid, l-Alleanza għar-Repubblika (APR), u miegħu kienu ngħaqdu oħrajn li telqu mill-partit ta' Wade.
Sall jidher li għandu ċans sabih li jegħleb lil Wade fit-tieni round, li mistenni jsir għal nofs Marzu, minħabba li, skond ftehim li għamlu qabel l-elezzjoni, il-partiti l-oħra kollha tal-oppożizzjoni issa se jappoġġaw lil Sall.

It-Tnejn, 20 ta’ Frar 2012

Kampanja Elettorali fi Franza (2)

SARKOZY INAQQAS ID-DIFFERENZA BEJNU U BEJN HOLLANDE
Jum biss wara d-diskors tiegħu tal-bieraħ waqt rally għall-partitarji f'Masrseilles, Nicolas Sarkozy irnexxielu jċekken id-distakk kbir li kellu dan l-aħħar fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li ġieli qabeż l-20 punt bejnu u bejn ir-rivali Soċjalista għall-presidenza Francois Hollande.
Infatti poll li sar dalgħodu minn OpinionWay għall-ġurnal Le Figaro juri li Hollande qed jgħaddi lil Sarkozy b'żewġ punti biss.
Hollande jidher li għandu 29% favurih, filwaqt li Sarkozy issa jinsab b'27%.
Warajhom hemm il-kandidata Leminija tal-Front Nazzjonali, Marine Le Pen (bint Jean-Marie) li naqset 1.5% għal 16.5% ta' dawk li beħsibhom jivvutaw, filwaqt li l-appoġġ għaċ-Ċentrista Francois Bayrou għandu stabbli bi 13%.
Dan ifisser  li l-ebda kandidat ma jidher li se jikseb il-51% fl-ewwel rawnd fit-22 ta' April.
B'hekk ħafna se jkun jiddependi lil min se jagħżlu fit-tieni rawnd bejn Sarkozy u Hollande, dawk li s'issa jidher li fl-ewwel rawnd se jivvutaw liż-żewġ kandidati taċ-Ċentru u tal-Lemin.

Il-Ħadd, 19 ta’ Frar 2012

Kampanja Elettorali fi Franza

SARKOZY: DISKORS TA' VERU STATISTA
Nicolas Sarkozy u martu Carla Bruni hekk kif waslu għar-
rally milqugħa mill-partitarji
Illum wara nofsinhar il-President Franċiż Nicolas Sarkozy fetaħ il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tat-22 ta' April b'diskors realistiku ta' veru statista waqt rally kbir li sar f'Marseille.
Filwaqt li tema ewlenija tad-diskors ta' siegħa tiegħu kien il-valur tax-xogħol u kif tul il-presidenza tiegħu l-pajjiż evita l-katastrofi li laqtet pajjiżi oħra fl-Ewropa, akkuża lill-kandidat rivali, s-Soċjalista Francois Hollande, li mhux qed jirrealizza s-serjetà tal-kriżi finanzjarja li ħakmet l-pajjiżi kollha.
"Ma tistax tiġi fdat li tbiegħed jew toħroġ il-pajjiż minn kriżi jekk int tiċħad li din teżisti", xela' lil Hollande. "Ftakru fl-impjegat taċ-ċivil Griegi li tnaqqsitlu l-paga, ftakru fil-pensjonant Portugiż bi tnaqqis fil-pensjoni, ftakru fl-eluf ta' Amerikani li qed ikollhom jgħixu fi trailers barra t-triq. Il-verità hija li Franza ma tkaxkritx mill-kriżi ta' fiduċja, li l-pensjonijiet tal-Franċiżi ma tnaqqsux,  li l-qagħad ma splodix."
Dwar ix-xogħol ħabbar li beħsiebu jsejjaħ referendum biex dawk li ilhom żmien twil jirreġistraw jiġu mħarrġa f'xogħol ġdid.
"Huwa x-xogħol ta' uħud li jagħti xogħol lil oħrajn," qal Sarkozy, hekk kif ikkritika lill-gvernijiet Soċjalisti ta' qabel li kienu introduċew l-ġimgħa ta' 35 siegħa xogħol. "Jekk tħobb lil Franza trid tirrealizza li xi ħadd li ma jaħdimx huwa dejjem piż fuq  min jaħdem."
Hu kompla jgħid li nqata' mit-tendenza ta' gvernijiet oħra li kienu jirtiraw malli jkun hemm protesti fit-toroq, filwaqt li fakkar li kien tella' l-età tal-pensjoni minn 60 għal 62 sena. Sostna li jekk ikun hemm Hollande president dan jagħlaq l-impjanti nukleari u jiftah beraħ il-bieb għall-immigranti, u dan mhux fl-interess ta' Franza u l-Franċiżi.
Quddiem folla entużjasta ta' l-fuq minn 15,000  fis-sala, Sarkozy akkuża lil Hollande bħala giddieb li llum jgħid ħaġa u l-għada jgħid il-kontra, basta jilħaq president.
"Ma tistax, per eżempju, tippretendi li inti Thatcher f'Londra u Mitterand f'Pariġi. Liema hija l-verità?", dik ta' xi ħadd b'ideat tal-lemin jew tax-xellug? Veru każ ta' xi ħadd li jrid jogħġob lil kulħadd u ma tafx fejn int miegħu.
"Lili l-verità ma tbeżżgħanix u m'inix se nwiegħed kollox bħall-avversarji biex ningħoġob".
Sarkozy reġà fakkar f'dak li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu l-Griegi, l-Ispanjoli, it-Taljani u l-Amerikani.
Kompla jgħid li jirrealizza li mhux kollox ward u żahar għall-Franċiżi, u li hemm min qed ibati, min m'għandux xogħol, min qed jinkwieta jsibx ruħu bla dar. Kellu jgħolli l-età tal-pensjoni, jnaqqas n-numru tal-impjegati mal-gvern u li kulħadd se jiffaċċja inqas benefiċċji.
"Għal dawk id-deċiżjonijiet nerfa' ir-responsabbiltà jiena għax kienu diffiċli, iżda kieku ma ħadthomx fejn konna nkunu llum? Din hija r-realtà, għajjat fost l-għajjat ta' approvazzjoni u ċ-ċapċip tal-partitarji.
Sarkozy, però, mhux lill-partitarji tiegħu jrid jikkonvinċi, iżda lill-elettorat li vvutalu b'maġġoranza erba' snin ilu, biex jerġà jagħmel l-istess xagħrejn oħra. S'issa, skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Hollande jinsab fuq quddiem. Iżda Sarkozy mhux qed jaqtà qalbu li jirbaħ dan l-iżvantaġġ.
Barra minhekk issa ħa spinta 'l quddiem, meta Claude Allegry, figura għolja fil-Partit Soċjalista ta' Hollande u eks Ministru, beda jappoġġja lil Sarkozy bħala l-bniedem li jistà jgħaqqad in-nazzjon warajh fi żmien ta' kriżi, filwaqt li qed jikkritika lil Hollande għax kompromettenti żżejjed.
Hawn taħt link għal servizz ta' France 24 dwar ir-rally tal-bieraħ f'Marsilja:
http://www.france24.com/en/20120219-france-sarkozy-defends-record-first-campaign-rally-election
u għal min jinteressah bil-link t'hawn taħt jistà isegwi d-diskors kollu, bil-Franċiż:

Il-Ħamis, 9 ta’ Frar 2012

L-Elezzjoni Presidenzjali fl-Amerika

RICK SANTORUM JISSOPRENDI
Meta kważi kienu għamluha fatta li l-kandidat Repubblikan għall-elezzjoni għall-ħatra ta' President tal-Istati Uniti f'Novembru kien se jkun Mitt Romney, kemm il-biċċa l-kbira tal-media Amerikana, kif ukoll l-istess establishment tal-Partit Repubblikan din il-ġimgħa tħawwdu hekk kif l-eks Senatur Rick Santorum għamel rebħiet kbar fi tlett stati fejn saru l-elezzjonijiet primarji Repubblikani: Colorado, Minnesota u Missouri.
F'Minesota saħansitra umilja lil Romney biex dan spiċċa biss fit-tielet post tal-preferenzi tar-Repubblikani li marru jivvutaw. F'Colorado veru għadda bi ftit lil Romney, imma dan kien stenna li se jkaxkar l-istat bħalma għamel fl-2008 meta rebaħ b'60%.
Dawn ir-rebħiet ta' Santorum ifissru li allura t-tellieqa għal min se jisfida lil Obama f'Novembru, għadha miftuħa beraħ meta fadal tant stati fejn iridu jsiru l-primaries Repubblikani.
Kulħadd jaf jiena fejn ninsab politikament, u hawn iddikjarajtu mill-ewwel fil-profil tiegħi: fuq il-lemin. Minn dejjem  emmint li biex tkun konvinċenti, biex tegħleb lix-Xellug, lill-poplu, lill-elettorat, trid tkun ċar miegħu, irid ikun jaf fejn eżattament tinsab, fix temmen, mingħajr tidwir ta' kliem jew taħwid fil-prinċipji: TRID TOFFRI ALTERNATTIVA VERA U ĊARA.
Inkella l-elettorat jitħawwad meta ma jagħrafx id-differenza bejnek u bejn ħaddieħor, u l-periklu jkun li dan jispiċċa ma jeżerċitax id-dritt/dmir sagrosant tal-vot, jgħidlek "dawn kollha xorta", u ma jmurx jivvota, b'vantaġġ ovvju lill-avversarju, u allura min ma jmurx jivvota jkun qiesu vvota lill-avversarju.
Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, dan ikun l-periklu jekk ir-Repubblikani jagħżlu bħala kandidat-rival għal Obama lil xi ħadd bħal Romney.
Għalhekk kieku kont ngħix fl-Amerika u Repubblikan kien ikolli problema b'Romney, u dan mhux minħabba t-twemmin reliġjuż Mormon tiegħu.  Kif qed jgħajjtu l-partitarji "I Pick Rick"!
Dawk ir-Repubblikani li qed jivvutaw lil Santorum qed jagħmlu dan għax huwa l-inqas wieħed korrott u għax minn dejjem baqa' fidil lejn il-prinċipji tal-Partit Repubblikan u ta' dak li temmen fih il-bażi Repubblikana.
Minbarra f'dawn l-istati, s'issa hu rebaħ ukoll fl-istat importanti ta' Iowa, biex b'hekk s'issa għadda lil Romney b'erba' stati kontra tlieta mirbuħa minn Romney, għalkemm f'numru ta' delegati, s'issa, dan tal-aħħar għadu fuq quddiem.
B'kollox ir-Repubblikani se jivvutaw f'56 primaries jew caucasus, u s'issa għadhom ivvutaw biss fi tmienja. Il-qofol se jkun ix-xahar id-dieħel, meta jsiru votazzjonijiet fi 23 stat. Jiġifieri għad fadal mhux ħażin sa' Ġunju meta dawn jintemmu, u finalment ikun magħruf il-kandidat magħżul mir-Repubblikani.

Is-Sibt, 4 ta’ Frar 2012

Wara l-Libja s-Sirja (2)

IR-REĠIM JOQTOL U JFERI MIJIET KBAR ... U R-RUSSJA U Ċ-ĊINA JIVVUTAW KONTRA SEJĦA GĦAR-RIŻENJA TA'  ASSAD!
Ir-reġim ta' Assad kompla jisfida l-kundanni internazzjonali, u dal-lejl wettaq massakru sħiħ kontra l-poplu ta' Homs u bliet oħra fejn hu kkalkulat li nqatlu mat-350 ruħ, inklużi nisa u tfal, u l-fuq minn 500 oħra sfaw feruti.
Il-qawwiet militari tar-reġim bdew jibbumbardjaw bl-addoċċ u f'kull direzzjoni l-belt ta' Homs, kif ukoll Idlib, u Damasku, flimkien ma' Zabadani u Madaja, bl-appoġġ ta' ħelikopters, u anki bombi bl-imsiemer, hekk kif diversi bini deher jaqbad.
Minkejja dan illum ir-Russja u ċ-Ċina ivvutaw kontra riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan -Nazzjonijiet Uniti bħala appoġġ għall-pjan ta' paċi fis-Sirja tal-Lega Għarbija li jsejjaħ għar-riżenja tal-President Baxar Assad.
Hawnhekk qed inxandar filmat li jistà ikun xokkanti għal xi wħud minnkom, iżda nħoss li għandha tingħata idea viżwali ta' dak li għaddej minnu poplu li qed jiġġieled għal-libertà. Il-filmat (li hemm oħrajn aktar imdemma minnu) juri mejtin, jew qed imutu, kif ukoll feruti, f'moskea li serviet ta' sptar temporanju f'Kalidija, f'Homs.

L-Iran Lejn l-Elezzjoni

IMMA DAWN BIS-SERJETÀ ?!!!
Mhux qed nirreferi għall-elezzjoni li se ssir xahar ieħor għall-parlament Iranjan u li kollox qed jistenna l-poplu minbarra serjetà sabiex ir-reġim tal-Ajatollah Kamenej  u Aħmadinaġed jibqża jaħkem b'mod assolut.
Minflok il-bieraħ laqtuni filmati u ritratti ta' ċerimonji li saru f'Tehran biex jitfakkar it-33 anniversarju minn meta l-mexxej tar-rivoluzzjoni Islamika tal-1979 l-Ajatollaħ Komejni kien irritorna mill-eżilju f'Pariġi.

Xi ħadd fir-reġim ħareġ bl-idea brillanti' li jagħmel xbiha tal-kartun ta' sitt piedi ta' Komejni, li wara li żewġ suldati lebsin gala niżżluha minn ajruplan, u mmarċjaw biha għas-salut ta' reġiment gala wkoll!
Minn hemm x-xbiha ttiħdet biċ-ċerimoinji kollha f'sala fejn ministri u uffiċjali għolja tar-reġim kokka mdawrin mal-istess xbiha tal-kartun jisimgħu diskorsi tiegħu u jsallu!
Dan mhux biss wassal għal żufjettar mill-kritiċi tar-reħim li għamlu xalata b'karikaturi animati u mpinġija, imma kritika ħarxa mill-media favur ir-reġim li qisu din il-farsa bħala "in bad taste", u lill-ministri talli marru jippużaw għar-ritratti ma' xbiha fuq il-kartun. Il-karnival, insomma, ġie kmieni fl-Iran!
Sadanittant, fuq nota aktar serja, ir-reġim Iranjan din il-ġimgħa kompla bl-arresti ta' impjegati fil-media u bloggers bl-iskop li jillimita l-libertà ta' espressjoni aktar ma tersaq l-elezzjoni tat-3 ta' Marzu. Dan minkejja kundanni u appelli mill-UN Human Rights Committee f'Novembru li għadda.

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (11)

L-ISTATI UNITI SE ŻŻID IL-PRESSJONI FUQ L-UKRAJNA
"Hilary Clinton  u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan se jżiedu l-pressjoni fuq ir-reġim ta' Janukoviċ, u jieħdu l-passi meħtieġa, jużaw mezzi ġodda biex mjgħinu jsolvu din il-kriżi u biex l-awtoritijiet iwaqqfu l-persekuzzjoni". Hekk qalet Eugenia Timosxenko waqt laqgħa mal-President Amerikan Barack Obama meta wasslet ittra personali ta' ommha Julia Timosxenko mill-ħabs lis-Segretarju tal-Istat Hilary Clinton, filwaqt li rringrazzjata tal-appoġġ  u l-ittra li Clinton kienet bagħtitilha qabel.

TOBBA INDIPENDENTI INTERNAZZJONALI SE JINVIŻTAW LIL TIMOXENKO
Tim mediku internazzjonali ta' tmien tobba minn diversi pajjiżi u mis-Salib l-Aħmar se jinviżtaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-ħabs fejn qed tinżamm fl-Ukrajna nhar l-Erbgħa li ġejjin 8 ta' Frar, biex isir magħruf l-istat veru ta' saħħa tagħha, wara  li hi mhix qed tafda lit-tobba tal-gvern.
Infatti l-uniku kundizzjioni hija li dan il-grupp ma jkunx jinkludi esperti li jaħdmu mal-Ministeru tas-Saħħa Ukren, qal id-deputat mill-Oppożizzjoni Andrij Kozemjakijn,wara li żar lil Timoxenko fil-kolonja penitenzjarja ta' Kaċanivska.
It-tobba se jkunu 2 mill-Ġermanja, 3 mill-Kanada u 3 mill-għaqda tas-Salib l-Aħmar.  Barra minhekk ħames tobba rispettati privati Ukrajni aċċettaw li jagħmlu parti minn dan it-tim.  

ID-DINJA M'GĦANDHIX TISTENNA DJALOGU ĊIVILIZZAT MA' JANUKOVIĊ
Sadattant Julia Timoxenko din il-ġimgħa għamlet appell imqanqal wara li r-reġim Ukrajn ħabbar li beda tfittxija għal eks-gvernatur u uffiċjal tal-partit ta' Timoxenko, li qed nirriproduċih kelma b'kelma, bl-Ingliż hawn taħt:
The announcement of an international search for Arsen Avakov, the former governor of Kharkiv and oblast leader of Batkivshchyna, shows what President Viktor Yanukovych really thinks about the civilized world's advice and recommendations.
Just as Europe, the European Parliament and PACE call for an immediate end to politically motivated persecution, Viktor Yanukovych starts a new wave of harassment, intimidation and blackmail of the opposition, democracy and civil society in Ukraine.
Everyone knows that Arsen Avakov’s only crime was being in the opposition and Batkivshchyna. The new repressions are blatant political payback.
I have every reason to state that all the political repressions in Ukraine, all the trials, all the political criminal cases are controlled and organized by Viktor Yanukovych personally.
Therefore, I believe it is necessary to warn European and the civilized world of the danger of dialog with this person on an equal and partnership basis.
Yanukovych’s worldview wasn’t formed in the Sorbonne or Oxford. He grew up and was raised in the criminal world, where he learned the rules of communication in Ukrainian politics and is now trying to play by them in Europe.
In his world, abandoning and deceiving someone are absolutely normal actions. And that is how Viktor Yanukovych sees the civilized world and international organizations. Moreover, it is known from private conversations that he openly flaunts his insolence when speaking with world leaders and boasts that he will not fulfill any recommendations. Because in this world this would be humiliating.
I want to warn European politicians that it’s useless to hope for mutual understanding with the Ukrainian dictator. He will never understand such concepts as honor, dignity and keeping one’s word.
I am categorically against any sanctions against Ukraine if they even slightly affect ordinary people, rather than the authorities. But I must explain to the world who they’re dealing with, so that there are no illusions about the possible development of political processes in Ukraine.
 Sincerely, Yulia Tymoshenko 
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide