XEJN DEĊIŻIV QABEL APRIL-MEJJU
Mill-għaxar stati fejn il-bieraħ saru l-elezzjonijiet primarji tar-Repubblikani biex jintgħażel il-kandidat li se jisfida lill-President Obama f'Novembru, Mitt Romnery rebaħ sitta, Rick Santorum tlieta u Newt Gingrich wieħed, b'Romney jirbaħ l-istat kruċjali ta' Ohio, iżda dan b'vantaġġ ta' wieħed fil-mija biss aktar minn Santorum: 38% kontra 37%.
L-istati fejn sar l-elezzjonijiet kienu għaxra u huwa għalhekk li l-bieraħ jissejjaħ Super Tuesday.Ġeneralment wara dawn l-elezzjonijiet ikun kważi ċert min se jirriżulta l-kandidat tal-partit. iżda l-analisti kollha qed jaqblu li dan ma kienx il-każ din id-darba, u x'aktarx li qabel April jew Mejju r-Repubblikani mhux se jkunu għadhom għażlu l-isfidant ta' Obama.
Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Erba' snin ilu fl-elezzjonijiet għall-għażla tal-kandidat Demokratiku dawn kienu damu sa' Ġunju biex fl-aħħar kien ħareġ rebbieħ Obama, u t-taqtigħa, anki verbalment, bejn Obama u Hilary Clinton xejn ma kienet waħda nadifa.
Bħal dan iż-żmien f'Marzu ta' erba' snin ilu, kwart tal-partitarji ta' Clinton kienu bdew jheddu li jekk ma kenitx se tirbaħ hi n-nominazzjoni, huma kienu se jabbandunaw lill-partit Demokratiku, u jivvutaw lill-kandidat Repubblikan John McCain! Ħalliha li mbagħad, wara li Obama ntgħażel kandidat, Clinton ċediet, u l-partit kollu ingħaqad wara Obama sar-rebħa tal-Presidenza.
Biex Romney jirbaħ in-nominazzjoni jrid jirbaħ mill-inqas 1144 delegat, u s-sitwazzjoni wara Super Tuesday hija hekk:
Romney 429 delegat; Santorum 169; Gingrich 118
Ta' min jinnota li s'issa saru elezzjonijiet fejn kien jingħad li Romney kien favorit, iżda ħafna mill-istati li jmiss issa jinsabu fin-nofsinhar tal-pajjiż fejn hemm aktar Repubblikani konservattivi li xejn m'huma kuntenti bl-ideat liberali żżejjed jew dubjużi ta' Romney dwar suġġetti għall-qalb dawn il-votanti.
Għal daqshekk hawnhekk jistà ikun Santorum vantaġġjat, għalkemm mill-banda l-oħra hemm ukoll stati msejħa winner-takes-all (fejn min jikseb maġġoranza ta' voti – ġeneralment 50%, jirbaħ id-delegati kollha f'dak l-istat) u hawn jiddependi jekk fid-'dwell' ikunux hu u Romney biss.
No comments:
Post a Comment