XEBĦ MAL-ATTAKKI TERRORISTIĊI TAL-2004 FI SPANJA
L-orġa ta' delitti minn Muħammed Meraħ f'Toulouse, fi Franza li nqatel mill-pulizija speċjali tal-anti terroriżmu wara li assedjawh fid-dar fejn kien moħbi, fakkar lil ħafna fl-attakki terroristiċi li seħħew fi Spanja fl-2004.Għalkemm, b'xorti tajba in-numru ta' vittmi kien 'biss' ta' seba' meta mqabbla mal-191 li nqatlu fi Spanja (flimkien ma' 1,800 oħra li sfaw feruti fl-attakki fuq il-ferroviji f'Madrid), ix-xebħ huwa kurjuż u wkoll inkwetanti.
Dakinhar Spanja wkoll, bħal Franza llum, kienet riesqa lejn elezzjoni partikolarment miġġielda. Kienet qamet kontroversja sħiħa dwar il-mod kif l-attakki terroristiċi kienu ġew trattati u preżentati, biż-żewġ partiti jakkużaw lil xulxin li ħbew jew dawwru l-provi għal raġunijiet elettorali. Il-Partit Popolari ta' Josè Maria Aznar, minkejja li l-opinion polls kienu qed juru li se jibqà jiggverna, spiċċa biex tilef l-elezzjoni, u sar Prim Ministru s-Soċjalista Zapatero.
Muħammed Meraħ qabel sar terrorista kien ġuvnott moħħ ir-riħ, li kien arrestat diversi drabi fuq każi ta' serq |
Mill-banda l-oħra, malli Meraħ qatel lill-tlett suldati ta' nisel Afrikan, u ftit wara qatel rabbi Lhudi u tlett itfal, sezzjoni tal-istampa, bħal dik xellugija La Liberation u Le Monde mill-ewwel bdew bil-qawmien tal-estremiżmu tal-lemin u Nażista, bl-iskop ovvju li mhux biss jagħmlu ħsara lill-kandidata leminija Le Pen, iżda wkoll liċ-ĊentruLemin tal-President Sarkozy u l-gvern.
Instab però li Meraħ kellu twemmin Islamiku radikali u li wettaq dawk id-delitti bħala tpattija għat-tfal li jinqatlu fil-Palestina!
Jekk, allura, l-fatt li Meraħ kien maħsub li kien estremista tal-lemin sata' jagħmel ħsara l.il Sarkozy, issa li dan ġie konfermat, li kien terrorista Islamiku allura, bħalma kitbet il-leminija Le Figaro, jpoġġi f'diffikultà lill-kandidat Soċjalista Francois Hollande għax dawn ma tantx għandhom politika ċara u soda fejn tidħol l-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Infatti hu jkollu jagħmel il-kontijiet mad-duttrina Soċjalista Mitterandjana, dwar l-aċċettazzjoni minn Franza ta' terroristi u individwi oħra xejn rakkommandabbli mid-dinja kollha, basta dawn fi Franza "jogħqodu bil-għaqal".
Minkejja dan kollu, wara li Meraħ inqatel, l-oppożizzjoni xorta waħda bdiet tattakka lill-President u gvern Franċiz għall-mod kif Meraħ ma kienx mgħasses biżżejjed biex sata' iwettaq dawk id-delitti.
Iżda l-Prim Ministru Franċiż Fillon ddikjara li l-awtoritajiet "fl-ebda mument"ma ssuspettaw li Meraħ kien perikoluż. Barra minhekk il-liġi Franċiza ma tippermettix li jiġi mgħasses jew interċettat, sorveljat kontinwament mingħajr deċiżjoni mill-Qorti xi ħadd li ma jkunx kiser il-liġi.
Hu ħabbar ukoll li Sarkozy se jressaq liġi ġdida kontra t-terroriżmu fi żmien ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, bit-tama li din tgħaddi wkoll mis-Senat li hu kontrollat mill-oppożizzjoni.
Fuq kollox hu fakkar u faħħar lill-pulizija li rnexxilhom isolvu l-każ fi żmien rekord ta' 10 ijiem minn meta Meraħ qatel lis-suldati, u dan huwa suċċess għall-gvern.
No comments:
Post a Comment