Il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2012

Elezzjoni oħra farsa fir-Russja

BĦALMA ILU MISTENNI ....'JIRBAĦ' PUTIN
Ma kienet sorpriża għal ħadd l-aħbar li ta l-lejla l-istazzjon statali Russu, li Vladimir Putin rebaħ l-elezzjoni li saret illum, biex wara intervall ta' erba' snin, għat-tielet darba, hu se jerġà jokkupa l-kariga ta' president, bħalma diversi analisti, u anki jiena, konna bassarna dakinhar stess, li Dmitri Medvedev 'leħaq' President, li ċjoè dan tal-aħħar kien se jirriserva s-siġġu lil Putin, sakemm dan jagħmel erba' snin Prim Ministru minfloku (speċi ta' musical chairs, insomma) u issa jirritorna President.
Sakemm qed nikteb, id-diversi exit polls qed jagħtu 'rebħa' lil Putin ta' bejn 51 u 61%, li xorta huwa ferm inqas mill-71% li hu kien kiseb fl-2004, u Medvedev fl-2008 meta kienu marru jivvutaw 69.7% u MHUX 64% bħalma bdiet tirraporta l-media, forsi influwenzata minn dak li bdew jgħidulhom l-awtoritajiet biex ma tidhirx d-differenza ta' kważi 6%, hekk kif dejjem aktar Russi ma jridux aktar jieħdu parti f'elezzjonijiet farsa.
Infatti volontarji li ssorveljaw l-proċess tal-elezzjoni, sa' qabel ħareġ ir-riżultat irrapurtaw abbużi bħalma jidher f'dan il-filmat tal-istazzjon France 24:

  Il-kampanja ta' Putin kienet ibbażata fuq l-istabbilità li hu rnexxielu jġib fil-pajjiż wara t-taqlib tas-Snin Disgħin meta fir-Russja veru kienet bdiet tirrenja l-anarkija, imma aktar ma għadda ż-żmien aktar dik li hu beda jsejjaħ "demokrazija sovrana" bdiet ssir dejjem  aktar awtoritarja.
Imma bħalma qal Gleb Pavlovski – li sa' xahar ilu kien minn "ta' ġewwa" fil-Kremlin – "xi ħaġa tgħidli li dan kollu mhux se jtul wisq iżjed. Ħadd, inkluż Putin, m'għandu idea x'se jiġri lis-sistema politika Russa  wara din l-elezzjoni."
L-aħħar xagħrejn, infatti, bidlu profondament ix-xenarju politiku Russu u wasslu għal kriżi profonda ta' leġittimità fir-reġim ta' Putin. Jiem biss wara l-elezzjonijiet parlamentari vilment imbagħbsa ta' Novembru, ir-reżistenza għas-saltna tiegħu bdiet dejjem tiżdied, u dak li ħadd ma bassar qabel sar realtà: Aktar minn 100,000 ruħ  ħarġu jipprotestaw kontra Putin fit-toroq ta' Moska – tlett darbiet – u l-pulizija ma waqqfithomx, u issa l-volontarji li semmejt qabel biex jissolveljaw l-elezzjoni leħqu mat-370,000 imxerrda mar-Russja kollha
Fost l-aktar persunaġġi leali lejn Putin, bħall-Ministru tal-Finanzi Alexei Kudrin u l-billjunarju Mikhajl Prokhorov bdew jinsistu fil-miftuħ għal elezzjonijiet ġodda u onesti.
F'Novembru wkoll għall-ewwel darba Putin affronta folla ostili meta ġie bbuwjat fi stadium mimli b'fans tal-boxing.
Fi kliem l-istess Pavovski "Putin ma jistax ikompli jirrenja aktar bħal xi Kżar Russu – m'għadux aktar fiċ-ċentru tal-kunsens".
Dan x'aktarx inkomplu narawh fil-jiem li ġejjin meta diġà mħabbra aktar protesti.
---------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------
Elezzjoni farsa wkoll ....fl-Iran
AĦMADINEĠAD TELLIEF ...IMMA T-THEDDIDA NUKLEARI GĦADHA HEMM
Bħalma kien mistenni wkoll l-elezzjonijiet farsa li saru fl-Iran rriżultaw f'sempliċi kompetizzjoni bejn il-kandidati radikali Islamiċi tal-Ajatollaħ Kamenej u l-President Aħmadineġad, b'dan tal-aħħar jispiċċa tellief, għax issa Kamenej għandu l-maġġoranza assoluta tad-deputati fil-parlament Iranjan. B'hekk dan issa jistà jbiddel il-kostituzzjoni kif irid, anki jneħħi għal kollox il-kariga ta' President, bħalma kien issuġġerixxa xi żmien ilu bl-iskop li jwarrab lil Aħmadineġad, li kien beda jhedded ukoll il-poter tal-Ajatollaħ!
Dan però ma jfissirx li f'dik li hija politika barranija se jinbidel xi ħaġa, għax it-theddida li l-Iran jibqà jirsisti biex ikollu armi nukleari se tibqà hemm.
F'dak li għandha x'jaqsam, l-oppożizzjoni, l-mexxejja tar-riformisti għadhom arrestati f'darhom, u l-appell li sar biex jiġu bojkottjati l-elezzjonijiet jidher li ma rnexxix, għallinqas skond iċ-ċifri uffiċjali tat-turnout, għax dan kien għola milli fl-aħħar elezzjoni tal-2008.


No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide