Il-Ħadd, 25 ta’ Marzu 2012

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (12)

PROVI TAL-INNOĊENZA TA' TIMOXENKO
Deher mill-ewwel li l-akkużi kontra l-eks Prim  Ministru u Kap tal-Oppożizznioni fl-Ukrajna Julia Timoxenko kienu biss motivati politikament sabiex il-President awtoritarju  Janukoviċ jeħles mir-rival ewlieni fl-elezzjoinijiet li se jsiru f'dak il-pajjiż aktar tard din is-sena.
L-avukat Serhij Vlasenko juri d-dokument
b'kopja biss tal-firma ta' Timoxenko
Din il-ġimgħa, iżda l-avukati tad-difiża tagħha se jressqu provi biżżejjed biex juru kemm dan hu minnu, u biex meta xagħrejn u nofs oħra l-Qorti tisma' l-appell ta' Timoxenko mis-sentenza illegali ta' 7 snin priġunerija, din tiġi kanċellata u hi tingħata mill-ġdid il-libertà.
Minn analiżi esperta li saret aktar kmieni dan ix-xahar ġie stabbilit li d-direttivi tad-delegazzjoni Ukrana waqt it-taħditiet mal-Gasprom Russa fl-2009 m'għandhomx il-firma oriġinali ta' Timoxenko imma biss kopja tagħha.
Għaldaqstant dak kollu li Timoxenko hija akkużata bih – li allegatament hi ffirmat xi ħaġa – hija mgiddba minn dak li sabu esperti indipendenti. Għalhekk hi ma kisritx il-liġi billi tat xi direttivi meta fl-2009 kienu ġew iffirmati xi ftehim dwar xiri ta' gass mir-Russja.
L-appell mistenni jinstema' fil-15 ta' Mejju.
ORDNI MILL-QORTI EWROPEA TAD-DRITTIJIET UMANI
Sadanittant qed jiżdiedu l-kundanni u l-appelli biex tfittex tinħeles mill-ħabs u biex tiġi kkurata kif xieraq.
L-amministrazzjoni ta' Janukoviċ għadha qed tirreżisti l-ordni li ħarġet l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex Timoxenko tiġi kurata fi sptar speċjalizzat tal-għażla tagħha. Dan wara li tim internazzjonali ta' tobba li żarha kkonkluda li l-eks prim ministru teħtieġ kura barra l-ħabs, fejn l-avukati u l-familjari tagħha qed isostnu li r-reġim qed jipprova joqtolha ftit ftit.
APPELLI BIEX JIĠU BOJKOTTJATI L-EURO 2012 FL-UKRAJNA
Numru ta' Membri Parlamentari Ewropej kitbu ittra lill-President tal-UEFA biex waqt iż-żjara tiegħu fl-Ukrajna iseemi fil-pubbliku u jitkellem mal-awtoritajiet dwar l-oppressjoni polkitika u l-inġustizzji.
Diversi maniġers ta' klabbs tal-football diħà ħabbru li se jibbojkottjaw l-logħbiet fl-Ukrajna, mhux se jmorru jaraw il-partiti u lanqas jarawhom fuq it-televiżjoni.
Fuq l-internet hemm ukoll paġna f'Facebook għall-bojkott dinji tal-EURO 2012.
BINT TIMOXENKO TINDIRIZZA L-PARLAMENT TALJAN
Eugenia Timoxenko, bint Julia, waqt żjara fl-Italja indirizzat il-Kummissjoni Affarijiet Barranin tal-parlament dwar il-qagħda ta' ommha fil-ħabs, u l-periklu għad-demokrazija u libertà fl-Ukrajna. Hi ltaqgħet ukoll ma' rappreżentanti ta' diversi partiti politiċi.
Aktar kmieni dan  ix-xahar waqt laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew, fuq proposta tal-President tal-Popolo della Libertà Silvio Berlusconi,  il-PPE waqqaf kummissjoni biex jittieħdu miżuri favur il-ħelsien  ta' Timoxenko.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide