Il-Ħadd, 19 ta’ Frar 2012

Kampanja Elettorali fi Franza

SARKOZY: DISKORS TA' VERU STATISTA
Nicolas Sarkozy u martu Carla Bruni hekk kif waslu għar-
rally milqugħa mill-partitarji
Illum wara nofsinhar il-President Franċiż Nicolas Sarkozy fetaħ il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tat-22 ta' April b'diskors realistiku ta' veru statista waqt rally kbir li sar f'Marseille.
Filwaqt li tema ewlenija tad-diskors ta' siegħa tiegħu kien il-valur tax-xogħol u kif tul il-presidenza tiegħu l-pajjiż evita l-katastrofi li laqtet pajjiżi oħra fl-Ewropa, akkuża lill-kandidat rivali, s-Soċjalista Francois Hollande, li mhux qed jirrealizza s-serjetà tal-kriżi finanzjarja li ħakmet l-pajjiżi kollha.
"Ma tistax tiġi fdat li tbiegħed jew toħroġ il-pajjiż minn kriżi jekk int tiċħad li din teżisti", xela' lil Hollande. "Ftakru fl-impjegat taċ-ċivil Griegi li tnaqqsitlu l-paga, ftakru fil-pensjonant Portugiż bi tnaqqis fil-pensjoni, ftakru fl-eluf ta' Amerikani li qed ikollhom jgħixu fi trailers barra t-triq. Il-verità hija li Franza ma tkaxkritx mill-kriżi ta' fiduċja, li l-pensjonijiet tal-Franċiżi ma tnaqqsux,  li l-qagħad ma splodix."
Dwar ix-xogħol ħabbar li beħsiebu jsejjaħ referendum biex dawk li ilhom żmien twil jirreġistraw jiġu mħarrġa f'xogħol ġdid.
"Huwa x-xogħol ta' uħud li jagħti xogħol lil oħrajn," qal Sarkozy, hekk kif ikkritika lill-gvernijiet Soċjalisti ta' qabel li kienu introduċew l-ġimgħa ta' 35 siegħa xogħol. "Jekk tħobb lil Franza trid tirrealizza li xi ħadd li ma jaħdimx huwa dejjem piż fuq  min jaħdem."
Hu kompla jgħid li nqata' mit-tendenza ta' gvernijiet oħra li kienu jirtiraw malli jkun hemm protesti fit-toroq, filwaqt li fakkar li kien tella' l-età tal-pensjoni minn 60 għal 62 sena. Sostna li jekk ikun hemm Hollande president dan jagħlaq l-impjanti nukleari u jiftah beraħ il-bieb għall-immigranti, u dan mhux fl-interess ta' Franza u l-Franċiżi.
Quddiem folla entużjasta ta' l-fuq minn 15,000  fis-sala, Sarkozy akkuża lil Hollande bħala giddieb li llum jgħid ħaġa u l-għada jgħid il-kontra, basta jilħaq president.
"Ma tistax, per eżempju, tippretendi li inti Thatcher f'Londra u Mitterand f'Pariġi. Liema hija l-verità?", dik ta' xi ħadd b'ideat tal-lemin jew tax-xellug? Veru każ ta' xi ħadd li jrid jogħġob lil kulħadd u ma tafx fejn int miegħu.
"Lili l-verità ma tbeżżgħanix u m'inix se nwiegħed kollox bħall-avversarji biex ningħoġob".
Sarkozy reġà fakkar f'dak li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu l-Griegi, l-Ispanjoli, it-Taljani u l-Amerikani.
Kompla jgħid li jirrealizza li mhux kollox ward u żahar għall-Franċiżi, u li hemm min qed ibati, min m'għandux xogħol, min qed jinkwieta jsibx ruħu bla dar. Kellu jgħolli l-età tal-pensjoni, jnaqqas n-numru tal-impjegati mal-gvern u li kulħadd se jiffaċċja inqas benefiċċji.
"Għal dawk id-deċiżjonijiet nerfa' ir-responsabbiltà jiena għax kienu diffiċli, iżda kieku ma ħadthomx fejn konna nkunu llum? Din hija r-realtà, għajjat fost l-għajjat ta' approvazzjoni u ċ-ċapċip tal-partitarji.
Sarkozy, però, mhux lill-partitarji tiegħu jrid jikkonvinċi, iżda lill-elettorat li vvutalu b'maġġoranza erba' snin ilu, biex jerġà jagħmel l-istess xagħrejn oħra. S'issa, skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Hollande jinsab fuq quddiem. Iżda Sarkozy mhux qed jaqtà qalbu li jirbaħ dan l-iżvantaġġ.
Barra minhekk issa ħa spinta 'l quddiem, meta Claude Allegry, figura għolja fil-Partit Soċjalista ta' Hollande u eks Ministru, beda jappoġġja lil Sarkozy bħala l-bniedem li jistà jgħaqqad in-nazzjon warajh fi żmien ta' kriżi, filwaqt li qed jikkritika lil Hollande għax kompromettenti żżejjed.
Hawn taħt link għal servizz ta' France 24 dwar ir-rally tal-bieraħ f'Marsilja:
http://www.france24.com/en/20120219-france-sarkozy-defends-record-first-campaign-rally-election
u għal min jinteressah bil-link t'hawn taħt jistà isegwi d-diskors kollu, bil-Franċiż:

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide