RICK SANTORUM JISSOPRENDI
Meta kważi kienu għamluha fatta li l-kandidat Repubblikan għall-elezzjoni għall-ħatra ta' President tal-Istati Uniti f'Novembru kien se jkun Mitt Romney, kemm il-biċċa l-kbira tal-media Amerikana, kif ukoll l-istess establishment tal-Partit Repubblikan din il-ġimgħa tħawwdu hekk kif l-eks Senatur Rick Santorum għamel rebħiet kbar fi tlett stati fejn saru l-elezzjonijiet primarji Repubblikani: Colorado, Minnesota u Missouri.
Dawn ir-rebħiet ta' Santorum ifissru li allura t-tellieqa għal min se jisfida lil Obama f'Novembru, għadha miftuħa beraħ meta fadal tant stati fejn iridu jsiru l-primaries Repubblikani.
Kulħadd jaf jiena fejn ninsab politikament, u hawn iddikjarajtu mill-ewwel fil-profil tiegħi: fuq il-lemin. Minn dejjem emmint li biex tkun konvinċenti, biex tegħleb lix-Xellug, lill-poplu, lill-elettorat, trid tkun ċar miegħu, irid ikun jaf fejn eżattament tinsab, fix temmen, mingħajr tidwir ta' kliem jew taħwid fil-prinċipji: TRID TOFFRI ALTERNATTIVA VERA U ĊARA.
Inkella l-elettorat jitħawwad meta ma jagħrafx id-differenza bejnek u bejn ħaddieħor, u l-periklu jkun li dan jispiċċa ma jeżerċitax id-dritt/dmir sagrosant tal-vot, jgħidlek "dawn kollha xorta", u ma jmurx jivvota, b'vantaġġ ovvju lill-avversarju, u allura min ma jmurx jivvota jkun qiesu vvota lill-avversarju.
Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, dan ikun l-periklu jekk ir-Repubblikani jagħżlu bħala kandidat-rival għal Obama lil xi ħadd bħal Romney.
Għalhekk kieku kont ngħix fl-Amerika u Repubblikan kien ikolli problema b'Romney, u dan mhux minħabba t-twemmin reliġjuż Mormon tiegħu. Kif qed jgħajjtu l-partitarji "I Pick Rick"!
Dawk ir-Repubblikani li qed jivvutaw lil Santorum qed jagħmlu dan għax huwa l-inqas wieħed korrott u għax minn dejjem baqa' fidil lejn il-prinċipji tal-Partit Repubblikan u ta' dak li temmen fih il-bażi Repubblikana.
Minbarra f'dawn l-istati, s'issa hu rebaħ ukoll fl-istat importanti ta' Iowa, biex b'hekk s'issa għadda lil Romney b'erba' stati kontra tlieta mirbuħa minn Romney, għalkemm f'numru ta' delegati, s'issa, dan tal-aħħar għadu fuq quddiem.
B'kollox ir-Repubblikani se jivvutaw f'56 primaries jew caucasus, u s'issa għadhom ivvutaw biss fi tmienja. Il-qofol se jkun ix-xahar id-dieħel, meta jsiru votazzjonijiet fi 23 stat. Jiġifieri għad fadal mhux ħażin sa' Ġunju meta dawn jintemmu, u finalment ikun magħruf il-kandidat magħżul mir-Repubblikani.
No comments:
Post a Comment